Mur fil-kontenut

X’Nagħmel Jekk Qbadt il-Vizzju tal-Pornografija?

X’Nagħmel Jekk Qbadt il-Vizzju tal-Pornografija?

Dak li tistaʼ tagħmel

 Ifhem eżatt x’inhi l-pornografija. Mhi xejn ħlief tentattiv biex tiġi mbaxxija xi ħaġa li Ġeħova ħalaqha biex tkun onorabbli. Il-fatt li tifhem x’inhi l-pornografija minn dan l-angolu se jgħinek biex ‘tobgħod dak li hu ħażin.’—Salm 97:10.

 Aħseb fil-konsegwenzi. Il-pornografija tnaqqas ir-rispett lejn dawk li jkunu fiha. Tbaxxi lil min joqgħod jaraha. Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tgħid: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba.”—Proverbji 22:3.

 Wiegħed lilek innifsek. “Għamilt wegħda solenni li qatt ma nħares b’xenqa lejn tfajla,” qal ir-raġel leali Ġob. (Ġob 31:1, Today’s English Version) Dawn li ġejjin huma xi wħud mill-‘wegħdi solenni’ li tistaʼ tagħmel miegħek innifsek:

  •  M’iniex se nuża l-Internet meta nkun waħdi.

  •  Meta titfaċċa quddiemi xi xena sesswali sfaċċata se nagħlaqha mill-ewwel.

  •  Nitkellem maʼ ħabib matur jekk nerġaʼ naqaʼ fit-tentazzjoni.

Il-pornografija għandha effett kumulattiv—iktar ma taraha, iktar ikun diffiċli li taqtaʼ l-vizzju

 Itlob dwar din il-kwistjoni. Is-salmista talab bil-ħniena lil Alla Ġeħova: “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi.” (Salm 119:37) Alla jridek tirnexxi, u jekk titlob lilu jistaʼ jagħtik is-saħħa biex tagħmel dak li hu tajjeb!—Filippin 4:13.

 Tkellem maʼ xi ħadd. Spiss, pass importanti biex taqtaʼ dan il-vizzju hu li ssib lil xi ħadd maʼ min tiftaħ qalbek.—Proverbji 17:17.

 Tinsiex: Kull darba li tirrifjuta li taraha tkun ksibt rebħa sinifikanti. Għid lil Alla Ġeħova b’din ir-rebħa, u rringrazzjah għas-saħħa li jkun tak. Meta tevita l-pornografija, tkun qed tferraħlu qalbu!—Proverbji 27:11.