Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Għala għandek tiċħad l-istampa li tpinġi l-midja?—L-1 parti: Għat-tfajliet

Għala għandek tiċħad l-istampa li tpinġi l-midja?—L-1 parti: Għat-tfajliet

Il-​midja xi stampa tpinġi tat-​tfajliet?

  Agħti daqqa t’għajn lill-​kwalitajiet t’hawn taħt, u mbagħad wieġeb il-​mistoqsijiet li ġejjin.

L-​1 kolonna

It-​2 kolonna

Immatura

Responsabbli

Ribelluża

Ubbidjenti lejn il-​liġi

Immorali

Bil-​għaqal

Superfiċjali

Intelliġenti

Tgħid fuq in-​nies

Taħseb f’ħaddieħor

Qarrieqa

Onesta

  1.   Liema kwalitajiet jiddeskrivu lit-​tfajliet skont kif is-​soltu jidhru fil-​films, fuq it-​televixin, jew fir-​rivisti?

  2.   Liema kwalitajiet jiddeskrivu kif int tixtieq li tkun magħrufa?

 Wisq probabbli, użajt kwalitajiet mill-​1 kolonna biex twieġeb l-​ewwel mistoqsija u użajt kwalitajiet mit-​2 kolonna biex twieġeb it-​tieni mistoqsija. Jekk inhu hekk, dan ifisser li tixtieq tkun aħjar mill-​mod kif il-​midja tpinġi żagħżugħa “tipika” (media stereotype)—u mhux int biss tħossok hekk! Ikkunsidra għala.

 “Il-​films ipinġu tfajla tipika bħala waħda ribelluża b’attitudni ħażina. Jitfgħuna kollha fl-​istess keffa—li m’aħniex taʼ min jafdana, moħħna f’kif nidhru, u nagħmlu kollox bi kbir.”​—Erin.

 “It-​tfajliet fil-​films u fuq it-​televixin dejjem iridu l-​attenzjoni u huma ffissati fuq id-​dehra, il-​ħwejjeġ, il-​popolarità, u s-​subien.”​—Natalie.

 “Rari tara tfajla ‘li taf tieħu gost’ u li ma tkunx qed tixrob, ma tkunx qed tmur mas-​subien, u ma tkunx qed tirribella kontra l-​ġenituri tagħha. Meta tfajla ma tagħmilx dawn l-​affarijiet, ipinġuha jew bħala xi qaddisa jew xi waħda li titkaża mix-​xejn.”​—Maria.

 Saqsi lilek innifsek: ‘Il-​mod kif nilbes, inġib ruħi, u nitkellem verament juri min jien, jew sempliċement qed nimita l-​mod kif il-​midja tpinġi t-​tfajliet?’

 Dak li għandek tkun taf

  •   Ħafna wħud jaħsbu li qed jifformaw il-​personalità unika tagħhom, imma fir-​realtà kulma qed jagħmlu hu li jimitaw dak li jaraw fil-​midja. Mara żagħżugħa jisimha Karen tgħid: “Ninnota dan f’oħti ż-​żgħira. Hi tagħmel tabirruħha li ma jimpurtaha minn xejn ħlief mill-​ħwejjeġ u s-​subien. Hi intelliġenti u naf li interessata f’affarijiet oħra, imma tilgħabha tal-​belha għax taħseb li hekk biss tistaʼ tkun bħat-​‘tfajliet l-​oħra kollha.’ U għad għandha biss 12-​il sena!”

     Il-​Bibbja tgħid: “Tibqgħux magħġunin skond din is-​sistema.”—Rumani 12:2.

  •   L-​istampa li l-​midja tpinġi tat-​tfajliet, mhijiex verament kif jixtiequ jkunu t-​tfajliet kollha. “Fil-​midja, it-​tfajliet jidhru bħala li huma ossessjonati bihom infushom, fidili, u b’tendenza li jagħmlu affarijiet immaturi, imma jiena naħseb li ħafna minna bil-​għaqal,” tgħid Alexis li għandha 15-​il sena. “Ma nqattgħux il-​ħin kollu tagħna noħolmu fuq xi ġuvni ħelu.”

     Il-​Bibbja tgħid: “Nies maturi . . . għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.”—Ebrej 5:14.

  •   Li jpoġġu t-​tfajliet f’keffa waħda jkun taʼ benefiċċju għal dawk li jbigħu l-​prodotti, u mhux għat-​tfajliet infushom. Industriji kbar—inkluż dawk fil-​qasam tal-​istampar, il-​moda, it-​teknoloġija, u d-​divertiment—jibdew jipprovaw jinfluwenzaw lit-​tfal qabel ma jagħlqu t-​13-​il sena. Dan għax jindunaw li jistgħu jaqilgħu lira minn fuqhom. Ktieb jgħid: “Ir-​reklami jagħtu l-​impressjoni li tfal taħt it-​13-​il sena li m’għandhomx ħwejjeġ, aċċessorji, u makeup tal-​aħħar moda, u l-​iktar apparat elettroniku reċenti mhux se jkunu popolari. Dawn it-​tfal jaraw ir-​riklami seduċenti fuq bażi regulari, anke qabel ma jifhmu eżatt xi tfisser is-​seduzzjoni.”—12 Going on 29.

     Il-​Bibbja tgħid: “Kulma hemm fid-​dinja—ix-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja—ma joriġinax mill-​Missier, imma mid-​dinja.”—1 Ġwanni 2:16.

 Aħseb dwar dan: Min se jibbenefika l-​iktar jekk dejjem tkun moħħok fil-​ħwejjeġ tad-​ditta u l-​moda? Min verament se jibbenefika jekk bilfors irid ikollok l-​aħħar mowbajl għas-​sempliċi raġuni li trid tkun popolari fost dawk tamparek? Dawk li jbigħu l-​prodotti fl-​interessi taʼ min huma l-​iktar interessati—f’tiegħek jew f’tagħhom stess?

 Dak li tistaʼ tagħmel

  •   Taqbadx u taċċetta l-​istampa li tpinġi l-​midja. Hekk kif tikber, tikseb l-​abbiltà li tara iktar minn dak li jaraw l-​għajnejn. Uża d-​dehen biex taħseb dwar l-​effett li l-​midja jistaʼ jkollha fuqek, speċjalment fejn jidħol il-​mod kif tpinġi n-​nies. Alana, li għandha 14-​il sena, tgħid: “Il-​midja tpinġi tfajla tipika bħala xi ħadd li għandha iktar makeup fuq wiċċha milli għandha ħwejjeġ fuq ġisimha, u ħafna żgħażagħ ma jindunawx li dan ma jgħinhomx jidhru aħjar, anzi jġegħelhom jidhru xejn sew.”

  •   Agħmel il-​miri tiegħek dwar it-​tip taʼ persuna li tixtieq tkun. Pereżempju, erġaʼ aħseb fil-​kwalitajiet li għażilt fil-​bidu tal-​artiklu, jiġifieri, il-​kwalitajiet li tixtieq li tkun magħrufa għalihom. Għala ma tibdiex taħdem minn issa biex tiksibhom jew biex ittejjibhom? Il-​Bibbja tgħid: “Ilbsu l-​personalità l-​ġdida, li permezz taʼ l-​għarfien eżatt qed tiġġedded skond ix-​xbieha taʼ Dak li ħalaqha,”—u mhux skont ix-​xbieha li r-​reklami jippromwovu.—Kolossin 3:10.

  •   Ammira u imita l-​eżempju taʼ nies pożittivi. Tistaʼ ssib nies bħal dawn fil-​familja tiegħek, pereżempju ommok jew zitek. Oħrajn jistgħu jkunu wħud li taf jew ħbieb li huma nisa maturi. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jistgħu jibbenefikaw mill-​fatt li għandhom ħafna nisa eżemplari fil-​kongregazzjoni Kristjana.—Titu 2:3-​5.

 Suġġeriment: Uża l-​ktieb Imita l-​fidi tagħhom biex titgħallem dwar eżempji Bibliċi mill-​aħjar taʼ nisa li tistaʼ timitahom, inkluż Rut, Ħanna, Abigajl, Ester, Marija, u Marta. Imita l-​fidi tagħhom hu stampat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u hu disponibbli f’www.pr418.com/mt.