Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Ħbiberija jew relazzjoni romantika?—L-1 parti: X’messaġġ qed nirċievi?

Ħbiberija jew relazzjoni romantika?—L-1 parti: X’messaġġ qed nirċievi?

 Dal-​ġuvni vera jogħġbok, u tinsab ċerta li anke int togħġbu. Wara kollox, il-​ħin kollu tibagħtu messaġġi ’l xulxin, sikwit f’get-​togethers tispiċċaw titkellmu flimkien . . . , u xi ftit mill-​messaġġi li jibgħatlek juru li jħobb jifflertja mhux ħażin.

 Allura, tiddeċiedi li tistaqsih fejn se tasal din ir-​relazzjoni, ħalli tkun ċerta jekk it-​tnejn tħossukomx l-​istess. It-​tweġiba kienet: “Għalija inti sempliċement ħabiba​—xejn iktar.”

 Kif se tħossok?

 “Irrabjajt ħafna​—kont irrabjata għalih u miegħi nnifsi! Konna qed nibagħtu messaġġi ’l xulxin kuljum, u hu wera li jimpurtah minni. Naturalment, jien inġbidt lejh.”​—Jasmine.

 “Aħna t-​tnejn konna nagħmluha taʼ chaperones taʼ koppja li nafu. Xi drabi, konna nkunu qisna żewġ koppji. Jien u dit-​tfajla konna nitkellmu ħafna, u mbagħad bdejna nibagħtu ’l xulxin taʼ spiss. Kienet diffiċli ħafna biex inniżżilha meta qaltli li kienet tqisni bħala ħabib biss u meta sirt naf li kienet qed toħroġ maʼ xi ħadd fl-​istess ħin.”​—Richard.

 “Żagħżugħ kien qed jibgħatli l-​messaġġi kuljum, u xi drabi t-​tnejn li aħna konna ‘nifflertjaw.’ Imma meta għedtlu kif inħossni dwaru, hu beda jidħaq u qalli, ‘Ma rrid noħroġ maʼ ħadd bis-​serjetà għalissa!’ Bkejt fuq li bkejt.”​—Tamara.

 Ir-​realtà hi: Meta taħseb li qiegħda f’relazzjoni romantika maʼ xi ħadd u mbagħad issir taf li inti biss qed tħossok hekk, huwa naturali li tkun irrabjata, imbarazzata u saħansitra diżappuntata. Żagħżugħ jismu Steven jgħid: “Meta dan ġara lili ħassejtni xxokkjat u mweġġaʼ ħafna. Għadda naqra żmien sakemm stajt nerġaʼ nafda lil xi ħadd ieħor.”

 Għala jiġri dan

 Is-​social media u l-​messaġġi jagħmluha faċli għalik biex tinġibed lejn xi ħadd li fir-​realtà m’għandu l-​ebda interess romantiku fik. Ikkunsidra x’jgħidu xi żgħażagħ.

 “Xi ħadd forsi jibgħatlek messaġġi sempliċiment biex jgħaddi l-​ħin, imma int tistaʼ taħseb li għandu xi interess fik. U jekk jibgħatlek kuljum, imbagħad b’mod żbaljat tibda taħseb li inti verament speċjali għalih.”​—Jennifer.

 “Jistaʼ jkun li jkollok interess ġenwin fi tfajla, waqt li hi tkun trid biss lil xi ħadd maʼ min titkellem, ħalli tħossha tajba dwarha nfisha.”​—James.

 “Sempliċi ‘good nightʼ mingħand ġuvni jistaʼ jġiegħlek taħseb li għandu grazzja miegħek, imma jistaʼ jkun li l-​messaġġ bagħtu mingħajr intenzjoni taʼ xejn.”​—Hailey.

 “Smiley face jistaʼ jfisser jew ‘Qed inkun dħuli’ jew ‘Qed nifflertja.’ Xi kultant il-​persuna li tirċievi l-​messaġġ tistaʼ tassumi li dan hu flirting.”​—Alicia.

 Oqgħod attent: Tfixkilx l-​attenzjoni mal-​affezzjoni.

 Hija daqshekk faċli? Le! Il-​Bibbja tgħid: “Il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata.” (Ġeremija 17:9) Tistaʼ ġġiegħlek tibni kastelli fl-​arja li malajr jisparixxu hekk kif tirrealizza li kienu biss fl-​immaġinazzjoni tiegħek.

 X’tistaʼ tagħmel?

  •   Ara l-​fatti kollha. Ieqaf ftit u aħseb sew dwar ir-​relazzjoni. Staqsi lilek innifsek, ‘Għandi raġunijiet validi għala qed naħseb li dan il-​ġuvni qed jittrattani differenti minn oħrajn?’ Tħallix l-​emozzjonijiet tiegħek jiġru bik, imma uża “l-​qawwa tar-​raġuni” tiegħek.—Rumani 12:1.

  •   Kun għaqli. Avolja xi sinjali jistgħu jġegħluk taħseb li intom iktar minn ħbieb, tinjorax is-​sinjali li ġieli jġegħluk tiddubita. Tistenniex li għax int qed tħossok hekk għal persuna, hi qed tħossha l-​istess.

  •   Kun paċenzjuż. Sakemm il-​persuna ma tgħidlekx ċar u tond li hu jew hi tixtieq issir tafek b’mod romantiku, torbotx qalbek iżżejjed meta taf li jistaʼ jkun għal xejn.

  •   Kun onest. Il-​Bibbja tgħid li hemm “żmien li titkellem.” (Ekkleżjasti 3:7) Jekk trid tkun taf jekk intomx iktar minn ħbieb, tkellmu flimkien. “Jekk mhux it-​tnejn tħossukom l-​istess,” tgħid tfajla jisimha Valerie, “aħjar tweġġaʼ ftit issa milli wara xhur tinduna li l-​ġuvni qatt ma kellu interess romantiku fik.”

 Oqgħod attent: “Ħares lil qalbek,” jgħid Proverbji 4:23. Jekk qed tħossok miġbud lejn xi ħadd, sir af jekk hi tħosshiex l-​istess lejk. Jekk tħalli l-​emozzjonijiet romantiċi jqabbdu l-​għeruq f’qalbek qabel ma tkun ċert, ikun bħallikieku qed tkabbar pjanta fuq il-​blat.

 Jekk issir taf li l-​persuna l-​oħra tħossha l-​istess dwarek​—u jekk għandek età biżżejjed u lest għal relazzjoni romantika​—imbagħad f’idejk biex tiddeċiedi jekk tridx tkompli jew le. Imma ftakar, żwieġ b’saħħtu jiġi meta r-​raġel u l-​mara jkollhom l-​istess miri spiritwali u meta t-​tnejn ikunu sinċieri u onesti maʼ xulxin. (1 Korintin 7:39) Il-​fatt hu li biex relazzjoni bejn żewġ persuni tirnexxi, huma jridu jibdew u jkomplu jkunu ħbieb tal-​qalb.​—Proverbji 5:18.