Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Din il-Persuna Tajba Għalija?

Din il-Persuna Tajba Għalija?

 Sibt lil xi ħadd li taħseb li jistaʼ jkun sieħeb tajjeb fiż-żwieġ? Jekk inhu hekk, kif tistaʼ tkun taf jekk dik il-persuna hijiex tajba għalik?

 Huwa vitali li ma tħarisx biss lejn il-karatteristiki superfiċjali. Wara kollox, l-iktar tfajla ħelwa tistaʼ ma tkunx taʼ min jafdaha jew l-iktar ġuvni popolari jistaʼ ma jkunx nadif moralment. Trid lil xi ħadd li tkun komdu miegħu—xi ħadd li jaqbel mal-personalità u l-miri tiegħek.—Ġenesi 2:18; Mattew 19:4-6.

Tqisx Biss Dak li Jidher

 Ħares lejn sieħbek b’mod oġġettiv. Però, oqgħod attent! It-tendenza hi li tara biss dak li tkun trid tara. Għalhekk tgħaġġilx. Ipprova għaraf x’inhu l-karattru veru taʼ sieħbek.

 Ħafna li jinnamraw iqisu biss dak li jidher. Jaraw biss l-affarijiet li għandhom komuni bejniethom: “Inħobbu l-istess mużika.” “Inħobbu nagħmlu l-istess affarijiet.” “F’kollox naqblu!” Madankollu, ma tridx tħares biss lejn il-karatteristiki superfiċjali. Jeħtieġ li tagħraf “il-persuna minn ġewwa, fil-qalb.” (1 Pietru 3:4; Efesin 3:16) Minflok ma tiffoka fuq kemm taqblu, forsi issir taf iktar jekk tinnota x’jiġri meta ma taqblux.

 Pereżempju, ikkunsidra dan li ġej:

  •   Din il-persuna kif tirreaġixxi meta jkun hemm nuqqas taʼ qbil—tinsisti li tgħaddi tagħha, forsi ‘tagħdab’ jew tirrikorri għat-“tgħajjir”? (Galatin 5:19, 20; Kolossin 3:8) Jew turi kemm hi raġunevoli—lesta li ċċedi biex iżżomm il-paċi meta tkun biss kwistjoni taʼ preferenza persunali?—Ġakbu 3:17.

  •   Din il-persuna hi manipulattiva, pussessiva, jew għajjura? Tkun trid tkun taf kull meta titniffes? “Jien smajt b’koppji li qed jinnamraw u li jkollhom xi jgħidu għax xi ħadd minnhom ma javżax lill-ieħor fejn qiegħed,” tgħid Nicole. “Ma naħsibx li dan hu sinjal tajjeb.”—1 Korintin 13:4.

  •   Ħaddieħor kif iqisha lil din il-persuna? Forsi jkun tajjeb li titkellem maʼ dawk li ilhom jafuha, bħal uħud maturi fil-kongregazzjoni. B’hekk issir taf jekk ‘jitkellmux tajjeb dwarha.’—Atti 16:1, 2.