Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’għandi nkun naf dwar l-isports?

X’għandi nkun naf dwar l-isports?

 L-isports jistaʼ jkun tajjeb għalik—jew ħażin. Dan jiddependi minn dak li tilgħab, kif tilgħab, u kemm tilgħab.

 X’inhuma l-benefiċċji?

 L-isports jistaʼ jgħinek biex ikollok saħħa tajba. Il-Bibbja tirrikonoxxi li “t-taħriġ tal-ġisem hu taʼ benefiċċju.” (1 Timotju 4:8) “L-isports jgħinek biex iżżomm ruħek attiv,” jgħid żagħżugħ jismu Ryan. “Huwa ħafna aħjar milli toqgħod ġewwa tilgħab logħob elettroniku.”

 L-isports jistaʼ jgħinek taħdem bħala team u tiddixxiplina lilek innifsek. Il-Bibbja tuża tixbiha dwar l-isport biex tgħallimna punt pożittiv. Hi tgħid: “F’tellieqa l-ġerrejja kollha jiġru, imma wieħed biss jirċievi l-premju.” Imbagħad tkompli tgħid: “Kulmin jieħu sehem f’kompetizzjoni jeżerċita r-rażna f’kollox.” (1 Korintin 9:24, 25) X’inhu l-punt? Biex tilgħab skont ir-regoli taʼ xi sport, jeħtieġ li trażżan lilek innifsek u tikkoopera. Żagħżugħa jisimha Abigail taqbel maʼ dan. Hi tgħid, “L-isports għallimni nikkoopera u nikkomunika m’oħrajn.”

 L-isports jistaʼ jgħinek tibni ħbiberiji. Logħba tgħaqqad lin-nies flimkien. “Kważi l-logħob kollu fih xi tip taʼ kompetizzjoni,” jgħid żagħżugħ jismu Jordan, “imma jekk tilgħab biex tieħu pjaċir, jistaʼ jkun mod sabiħ kif tassoċja mal-ħbieb.”

 X’inhuma l-perikli?

 Dak li tilgħab. Il-Bibbja tgħid: “Ġeħova jeżamina kemm lill-ġust kif ukoll lil dak li hu mill-agħar, u lil kulmin iħobb il-vjolenza Ruħu tobogħdu.”—Salm 11: 5.

 Ċertu sports hu ovvju li hu vjolenti. Pereżempju, żagħżugħa jisimha Lauren tosserva: “L-iskop kollu tal-boksing hu li wieħed jagħti daqqiet lil ħaddieħor. Bħala Kristjani, aħna ma niġġildux, allura għala għandna nieħdu pjaċir naraw lil oħrajn jagħmlu dan?”

 Aħseb dwar dan: Ġieli ġġustifikajt lilek innifsek biex tilgħab jew tara sports vjolenti, billi taħseb li dan mhux ħa jwasslek tkun vjolenti? Jekk iva, ftakar li Salm 11:5 jgħid li Ġeħova lil kull min “iħobb il-vjolenza” ma japprovax, u mhux biss lil dawk li jipprattikawha.

 Kif tilgħab. Il-Bibbja tgħid: “Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà [qisu] lill-oħrajn superjuri għalikom.”—Filippin 2:3.

 Ovvjament, kull sport li jinkludi żewġ timijiet se jkun fih xi ftit jew wisq kompetizzjoni. Imma l-attitudni li trid tirbaħ akkost taʼ kollox, ittelliflek il-pjaċir tal-logħba. “Malajr jistaʼ jirbħek spirtu kompetittiv,” jgħid żagħżugħ jismu Brian. “Iktar ma tkun tajjeb fl-isports, iktar trid taħdem fuq l-umiltà.”

 Aħseb dwar dan: Żagħżugħ jismu Chris jammetti, “Aħna nilagħbu futbol kull ġimgħa, u ġieli kien hemm min weġġaʼ.” Allura staqsi lilek innifsek, ‘X’qed iwassal biex ikun hemm min iweġġaʼ? X’nistaʼ nagħmel jien biex innaqqas ir-riskji li xi ħadd iweġġaʼ?’

 Kemm tilgħab. Il-Bibbja tgħid: ‘Aċċerta ruħek minn dak li hu iktar importanti.’—Filippin 1:10.

 Int għandek bżonn tagħmel prijoritajiet; l-affarijiet spiritwali għandhom jiġu l-ewwel. Il-biċċa l-kbira tal-logħob jistaʼ jdum sigħat twal, kemm biex tarah u kemm biex tilagħbu. “Jien kien ikolli xi ngħid m’ommi fuq kemm kont inqattaʼ ħin nara logħob fuq it-televixin meta dak il-ħin stajt użajtu aħjar,” qalet żagħżugħa jisimha Daria.

Jekk tpoġġi ħafna enfasi fuq l-isports tkun qisek qed titfaʼ ħafna melħ fuq l-ikel tiegħek

 Aħseb dwar dan: Tagħti widen int meta l-ġenituri tiegħek jagħtuk pariri dwar x’għandhom ikunu l-prijoritajiet tiegħek? Tfajla jisimha Trina tgħid: “Meta jien u ħuti konna naraw l-isports u nittraskuraw ċerti affarijiet importanti, ommi kienet tfakkarna li l-plejers kienu qed jitħallsu, sew jekk narawhom u sew jekk ma narawhomx. Kienet tistaqsina, ‘Imma lilkom min qed inħallaskom?’ Dak li riedet tfisser kien dan: Il-plejers ġa għandhom xogħol. Imma jekk aħna nittraskuraw il-ħowmwerk u responsabbiltajiet oħra, fil-futur ma konniex se nkunu kapaċi mmantnu lilna nfusna. Bażikament, ommi kienet tgħidilna li l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna m’għandhiex tkun li naraw jew nilagħbu xi sports.”