Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nistaʼ nkampa mad-dipressjoni?

Kif nistaʼ nkampa mad-dipressjoni?

 Kieku inti x’tagħmel?

 Aħseb dwar dawn is-​sitwazzjonijiet:

 Lil Jennifer xejn m’għadu jagħmilha ferħana. Hi tibki kuljum għal kull ħaġa taʼ xejn, mingħajr ma taf għala. Tevita n-​nies u bilkemm qed tiekol. Issibha diffiċli biex torqod u tikkonċentra. Jennifer taħseb bejnha u bejn ruħha: ‘X’qed jiġrili? Qatt se nerġaʼ nħossni normali?’

 Mark kien wieħed mill-​aqwa studenti. Imma issa jobgħodha l-​iskola, u l-​marki tiegħu niżlu f’daqqa. Mark m’għandux enerġija biex jieħu sehem fl-​isports li qabel kien iħobb. Il-​ħbieb tiegħu ma jistgħux jifhmu x’qed jiġrilu. Il-​ġenituri tiegħu inkwetati. Hi din biss fażi​—jew xi ħaġa oħra?

 Inti spiss tħossok bħal Jennifer jew Mark? Jekk iva, x’tistaʼ tagħmel? Tistaʼ tipprova tagħmel dawn iż-​żewġ affarijiet:

  1.   Tipprova tkampa waħdek

  2.   Titkellem maʼ adult li tafda

 L-​għażla A tistaʼ tħajrek iktar, speċjalment meta ma jkollokx aptit titkellem. Imma hi l-​iktar għażla għaqlija? Il-​Bibbja tgħid: “Tnejn aħjar minn wieħed . . . għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-​ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu. Imma wieħed li jkun waħdu, x’jiġrilu jekk jaqaʼ meta ma jkunx hemm min iqajmu?”—Ekkleżjasti 4:9, 10.

 Immaġina dan l-​eżempju: Int tinsab mitluf f’area li fiha hemm ħafna kriminalità. Dalam, u wara kull kantuniera hemm nies li ma tafhomx. Kieku int x’tagħmel? Tistaʼ tipprova toħroġ minn dik l-​area waħdek. Imma ma taħsibx li jkun aħjar kieku ssaqsi lil xi ħadd li tafda biex jgħinek?

 Is-​sintomi tad-​dipressjoni huma simili ħafna għal dik l-​area perikoluża. Veru, minn żmien għall-​ieħor tistaʼ tħossok imdejjaq, u dan id-​dwejjaq jistaʼ jgħaddi waħdu. Imma jekk tħossok imdejjaq ħafna għal żmien twil, l-​aħjar ħaġa hi li tfittex l-​għajnuna.

 PRINĊIPJU BIBLIKU: “Min jinqataʼ għalih, . . . kontra kull għaqal jiħodha.”—Proverbji 18:1.

 Il-​vantaġġ tal-​għażla B, jiġifieri li titkellem maʼ ġenitur jew adult ieħor li tafda, hu li int tistaʼ tibbenefika mill-​esperjenza taʼ xi ħadd li diġà kampa maʼ emozzjonijiet diffiċli.

 Forsi tgħid: ‘Imma l-​ġenituri tiegħi m’għandhomx idea x’jiġifieri li tħossok hekk!’ Imma int ċert minn dan? Anke jekk is-​sitwazzjonijiet li ffaċċjaw meta kienu żgħażagħ kienu differenti minn tiegħek, huma għandhom mnejn ħassewhom l-​istess. U jistaʼ jkun li huma jafu kif jgħinuk!

 PRINĊIPJU BIBLIKU: “Mhux għerf hemm fost l-​imdaħħlin fiż-​żmien u abbiltà li jifhmu fl-​għomor twil?”—Ġob 12:12.

 Il-​punt hu: Jekk tiftaħ qalbek maʼ ġenitur jew adult ieħor li tafda, aktarx li se jagħtik pariri li jaħdmu.

Meta tkun għaddej mid-dipressjoni hu bħal meta tkun mitluf f’area perikoluża. Biex toħroġ minn ġo fiha, fittex l-għajnuna

 Xi ngħidu jekk hi problema medika?

 Jekk tħossok imdejjaq ħafna kuljum, jistaʼ jkun li għandek kundizzjoni medika bħal dipressjoni qawwija (clinical depression), li għandha bżonn tiġi kkurata.

 Fiż-​żgħażagħ, is-​sintomi tad-​dipressjoni qawwija jistgħu jkunu simili ħafna għad-​dwejjaq komuni li jgħaddu minnhom iż-​żgħażagħ, imma aktarx li jkunu iktar qawwijin u ma jkunux iridu jitilqu. Mela jekk ilek tħoss dwejjaq kbar ħafna, għala ma titkellimx mal-​ġenituri tiegħek fuq li tmur tagħmel checkup għand tabib?

 PRINĊIPJU BIBLIKU: “Nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma l-​morda iva.”—Mattew 9:12.

 Jekk issir taf li għandek dipressjoni qawwija, m’għandekx għalfejn tistħi. Id-​dipressjoni fiż-​żgħażagħ hi komuni, u tistaʼ tiġi kkontrollata! Il-​ħbieb veri tiegħek mhux se jħarsu lejk b’mod differenti.

 Suġġeriment: Kun paċenzjuż. Meta jkollok dipressjoni, jieħu ż-​żmien biex tfiq, u tistaʼ tistenna li jkollok kemm ġranet tajbin kif ukoll ġranet ħżiena. a

 Azzjonijiet li tistaʼ tieħu biex tħossok aħjar

 Għandek jew m’għandekx bżonn kura medika, hemm xi affarijiet li tistaʼ tagħmel biex tkampa mad-​dwejjaq li tħoss kontinwament. Pereżempju, eżerċizzju regolari, dieta tajba, u li torqod biżżejjed, jistgħu jgħinu f’li jibbilanċjaw l-​emozzjonijiet tiegħek. (Ekkleżjasti 4:6; 1 Timotju 4:8) Tistaʼ wkoll issibha t’għajnuna li tikteb dwar dak li qed tħoss, miri li se jgħinuk tħossok aħjar, affarijiet li ma għenukx, u affarijiet li għenuk tħossok aħjar.

 Jekk qed issofri minn dipressjoni qawwija jew għaddej minn żmien diffiċli emozzjonalment, ftakar: Billi taċċetta l-​għajnuna t’oħrajn u tieħu passi biex jgħinuk tħossok aħjar, int tistaʼ tkampa mad-​dipressjoni.

 Skritturi mill-​Bibbja li jistgħu jgħinuk

  •  “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”​—Salm 34:18.

  •  “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik. Hu qatt ma jħalli lill-​ġust jogħtor.”​—Salm 55:22.

  •  “Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-​leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”​—Isaija 41:13.

  •  “Qatt tkunu ansjużi dwar l-​għada.”​—Mattew 6:​34.

  •  “Ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom.”​—Filippin 4:​6, 7.

a Jekk għandek ħsibijiet dwar li ttemm ħajtek, fittex l-għajnuna t’adult li tafda immedjatament. Għal iktar informazzjoni, ara l-erbaʼ artikli tas-suġġett prinċipali “Għala tibqaʼ tgħix?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! t’April tal-2014