Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’nistaʼ nagħmel jekk jien bored?

X’nistaʼ nagħmel jekk jien bored?

 Għal xi nies m’hemmx agħar milli jkollhom joqogħdu ġewwa f’xi ġurnata xita mingħajr ma jkollhom xi ħaġa x’jagħmlu jew xi mkien fejn imorru. “F’ħinijiet bħal dawn,” jgħid żagħżugħ jismu Robert, “nintefaʼ bilqiegħda mingħajr ma nkun naf x’se naqbad nagħmel bija nnifsi.”

 Ġieli ħassejtek hekk? Jekk iva, dan l-artiklu jistaʼ jgħinek!

 Dak li għandek tkun taf

  •   It-teknoloġija mhux dejjem tgħin.

     Li toqgħod fuq l-Internet jistaʼ jkun mod kif timla l-ħin, imma apparti minn hekk, dan jistaʼ jwaqqfek milli tkun kreattiv u allura tispiċċa bored. “Tinduna li spiċċajt tiċċassa lejn l-iskrin mingħajr ma tuża moħħok,” jgħid Jeremy taʼ 21 sena.

     Żagħżugħa jisimha Elena taqbel maʼ dan. “Hemm limitu taʼ dak li tistaʼ tagħmel bit-teknoloġija,” tgħid hi. “Din ma tħallikx tkun taf x’qed jiġri fid-dinja, allura meta tieqaf tuża l-mowbajl, se tkun iktar bored minn qabel!”

  •   L-attitudni tiegħek tagħmel differenza.

     Il-fatt li jkollok ħafna x’tagħmel, ifisser li mhux se tibqaʼ tkun bored? Dan jiddependi ħafna minn kemm tieħu interess f’dak li qed tagħmel. Pereżempju, żagħżugħa li jisimha Karen tiftakar: “Kont xbajt immur l-iskola, minkejja li kelli ħafna x’nagħmel matul il-ġurnata. Trid tinteressa ruħek f’dak li qed tagħmel biex ma tkunx bored.”

 Kont taf? Li ma jkollokx x’tagħmel mhix problema imma opportunità. Li ma jkollokx x’tagħmel hu bħal ħamrija tajba li fiha tistaʼ tkabbar il-kreattività tiegħek.

Li jkollok ħin waħdek hu bħal ħamrija tajba li fiha tistaʼ tkabbar il-kreattività tiegħek

 Dak li tistaʼ tagħmel

 Interessa ruħek f’affarijiet differenti. Agħmel ħbieb ġodda. Ibda hobby ġdid. Fittex fuq suġġetti differenti. Nies li jinteressaw ruħhom f’affarijiet differenti aktarx li inqas se jiddejqu meta jkunu waħedhom—u aktarx iktar se jkollhom fuq xiex jitkellmu meta jkunu m’oħrajn!

 Prinċipju Bibliku: “Kulma idek issib x’tagħmel, agħmlu bil-qawwa tiegħek kollha.”—Ekkleżjasti 9:10.

 “Dan l-aħħar bdejt nitgħallem iċ-Ċiniż Mandarin, u peress li bdejt nipprattikah kuljum irrealizzajt li vera mmissjajt dan it-tip taʼ tagħlim. Jien nieħu pjaċir ikolli xi ħaġa x’nagħmel. Dan jgħinni nibqaʼ nħaddem moħħi u ma naħlix il-ħin tiegħi.”​—Melinda.

 Iffoka fuq il-mira tiegħek. Jekk għandek skop f’dak li qed tagħmel, l-interess tiegħek se jiżdied. Anki l-homework jistaʼ jkun inqas boring meta tifhem x’inhi l-mira tiegħek.

 Prinċipju Bibliku: “Għall-bniedem m’hemm xejn aħjar milli . . . jgawdi affarijiet tajbin minħabba x-xogħol iebes tiegħu.”—Ekkleżjasti 2:24.

 “Ftit qabel ma spiċċajt l-iskola, bdejt nistudja tmien sigħat kuljum minħabba li ma studjajtx qabel. Kien tad-dwejjaq? Le, għax kont determinata li nilħaq il-mira tiegħi. Bqajt iffokata fuq dak li kien se jiġri fl-aħħar—il-gradwazzjoni—u dan immotivani.”​—Hannah.

 Aċċetta dak li ma tistax tbiddel. Anki l-iktar miri eċitanti ikollhom xi aspetti monotoni. U kultant, anki l-akbar ħbieb tiegħek iħassru l-pjanijiet biex tiltaqgħu flimkien, u allura tispiċċa ma jkollokx x’tagħmel. Minflok ma tħalli din is-sitwazzjoni ddejqek, ipprova ħares lejha b’mod pożittiv.

 Prinċipju Bibliku: “Min iħossu tajjeb f’qalbu jinsab f’festa l-ħin kollu.”—Proverbji 15:15.

 “Ħabiba qaltli biex nitgħallem nieħu pjaċir inqattaʼ l-ħin waħdi. Hi qaltli li l-fatt li wieħed jitgħallem isib bilanċ bejn li jkun m’oħrajn u li jkun waħdu hu xi ħaġa importanti ħafna li kulħadd għandu jkun jaf jagħmel sew.”​—Ivy.