Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nista’ nispjega t-twemmin tiegħi dwar is-sess?

Kif nista’ nispjega t-twemmin tiegħi dwar is-sess?

“Xiex​—għadek verġni?”

Jekk tixtieq twieġeb u t-​tweġiba tiegħek hija iva, tixtieq li tkun tistaʼ twieġeb b’wiċċek minn quddiem? Dan l-​artiklu se jgħinek!

 Xi tfisser li tkun verġni?

 Verġni huwa xi ħadd li qatt ma kellu relazzjonijiet sesswali.

 Imma x’jinvolvu “relazzjonijiet sesswali”? Li dak li jkun ikollu x’jaqsam sesswalment maʼ xi ħadd, imma mhux hekk biss. Xi wħud iqisu lilhom infushom bħala “verġni” għax ma jkunux għamlu s-​sess maʼ xi ħadd—anki jekk ikunu għamlu kważi kull ħaġ’oħra.

 “Relazzjonijiet sesswali” jinvolvu wkoll is-​sess orali, is-​sess anali, jew il-​masturbazzjoni lil persuna oħra.

 Il-​konklużjoni: Uħud li ħadu sehem f’kondotta sesswali—inkluż is-​sess orali, is-​sess anali, jew il-​masturbazzjoni lil persuna oħra—ma jistgħux jgħidu li huma verġni.

 Il-​Bibbja x’tgħid dwar is-​sess?

 Il-​Bibbja tgħid li s-​sess għandu jsir biss bejn raġel u mara li huma miżżewġin lil xulxin. (Proverbji 5:18) Għalhekk, persuna li tkun trid togħġob lil Alla m’għandhiex tieħu sehem f’kondotta sesswali sakemm tiżżewweġ.​—1 Tessalonikin 4:3-​5.

 Xi wħud jgħidu li l-​ħarsa tal-​Bibbja hija antikwata u li m’għadhiex tgħodd għal żmienna. Imma żomm f’moħħok li d-​dinja tal-​lum hija mifnija bid-​divorzju, tqala mhix mixtieqa, u mard trasmess sesswalment. Verament, id-​dinja tal-​lum mhijiex f’pożizzjoni li tagħti pariri dwar il-​morali!​—1 Ġwanni 2:15-​17.

 Meta toqgħod taħseb daqsxejn, il-​liġijiet morali tal-​Bibbja jagħmlu sens. Biex nagħtu tixbiha: Ejja ngħidu li xi ħadd tak elf ewro bħala rigal. Se tmur twaddab il-​flus minn fuq bejt lil kwalunkwe persuna li tkun għaddejja?

 Inti tiffaċċja deċiżjoni simili dwar is-​sess. “Ma rridx nitlef il-​verġinità tiegħi maʼ xi ħadd li minn hawn u ftit snin oħra lanqas biss nibqaʼ niftakar ismu,” tgħid Sierra li għandha 14-​il sena. Tammy, li għandha 17-​il sena, taqbel magħha. Hi tgħid: “Is-​sess huwa rigal speċjali wisq biex naħlih.”

 Il-​konklużjoni: Il-​Bibbja tqis il-​verġinità u l-​kondotta nadifa bħala l-​livell għal dawk li għadhom mhumiex miżżewġin.​—1 Korintin 6:18; 7:8, 9.

 Int x’taħseb?

  •   Taħseb li l-​ħarsa tal-​Bibbja dwar is-​sess hija raġunevoli jew ristretta żżejjed?

  •   Taħseb li s-​sess huwa aċċettabbli jekk tnejn li mhumiex miżżewġin jgħidu li huma verament iħobbu lil xulxin?

 Wara li eżaminaw il-​kwistjoni bir-​reqqa, ħafna żgħażagħ waslu għall-​konklużjoni li l-​verġinità u l-​kondotta nadifa huma l-​aħjar għażla. Huma la jiddispjaċihom minn din id-​deċiżjoni u lanqas iħossuhom imċaħħdin. Innota x’għandhom xi jgħidu xi wħud minnhom:

  •  “Kuntenta li jien verġni! M’hemm xejn ħażin li nevita l-​uġigħ mentali, fiżiku, u emozzjonali li jġib miegħu s-​sess qabel iż-​żwieġ.”​—Emily.

  •  “Jien kuntenta li m’għandix lista taʼ relazzjonijiet sesswali li ma rnexxewx, u moħħi mistrieħ għalkollox li m’għandix xi marda li tittieħed mis-​sess.”​—Elaine.

  •  “Jien smajt diversi tfajliet tal-​età tiegħi u akbar minni jgħidu li għandhom għali li għamlu s-​sess u jixtiequ li kieku stennew, u jien ma rridx nagħmel l-​istess żball.”​—Vera.

  •  “Jien rajt ħafna nies b’feriti emozzjonali għax tilfu l-​verġinità tagħhom jew għax kellhom relazzjonijiet sesswali maʼ diversi wħud. Fl-​opinjoni tiegħi din mhix ħajja li ġġiblek ferħ.”​—Deanne.

 Il-​konklużjoni: Jeħtieġ li tkun taf x’temmen qabel ma tiffaċċja l-​pressjoni jew it-​tentazzjoni biex tagħmel is-​sess.​—Ġakbu 1:14, 15.

 Kif tistaʼ tispjega t-​twemmin tiegħek lil oħrajn?

 X’għandek tgħid jekk xi ħadd jistaqsik x’inhu t-​twemmin tiegħek dwar is-​sess? Ħafna jiddependi miċ-​ċirkustanzi.

 “Jekk xi ħadd ikun qed jaqbad miegħi u din hi l-​unika raġuni, mhux se nibqaʼ hemm u nħallih. Kieku ngħidlu, ‘Mhux affari tiegħek,’ u nitlaq ʼl hemm.”​—Corinne.

 “Sfortunatament, xi wħud fl-​iskola jieħdu pjaċir jibbuljaw lil oħrajn sempliċement għal gost. Jekk din tkun l-​intenzjoni tagħhom meta jistaqsuni, għandu mnejn lanqas biss inwiġibhom.”​—David.

 Kont taf? Xi kultant, Ġesù uża s-​silenzju biex ‘iwieġeb’ lil dawk li kienu jwaqqgħuh għaċ-​ċajt.​—Mattew 26:62, 63.

 Imma xi ngħidu jekk il-​persuna li tkun qed tistaqsik hija sinċiera u qed tagħmel dan b’rispett? Jekk taħseb li għandha mnejn tirrispetta l-​Bibbja, int tistaʼ tirreferi għal vers bħall-​1 Korintin 6:18, li jgħid li l-​persuna li tagħmel is-​sess qabel iż-​żwieġ qed tidneb kontra ġisimha stess jew qed tweġġaʼ lilha nfisha.

 Kemm jekk tuża l-​Bibbja mill-​ewwel u kemm jekk le, hu importanti li titkellem b’konvinzjoni. Ftakar, għandek kull dritt tkun kburi bl-​għażla tiegħek biex tibqaʼ nadif moralment.​—1 Pietru 3:16.

 “Meta twieġeb b’kunfidenza juri li int konvint mit-​twemmin tiegħek u tagħmel dak li tagħmel għax hu tajjeb, u mhux sempliċement għax xi ħadd qallek x’għandek tagħmel.”​—Jill.

 Il-​konklużjoni: Jekk int ċert mill-​waqfa tiegħek dwar is-​sess, se tkun tistaʼ tispjega dan lil oħrajn. U għandek mnejn tkun sorpriż għal mod kif iwieġbu. “Sħabi tax-​xogħol fil-​fatt faħħruni li jien verġni,” tgħid Melinda li għandha 21 sena. “Ma jarawhiex daqshekk stramba. Huma jqisuha bħala xi ħaġa li turi li għandek kontroll fuqek innifsek u virtù.”

 Suġġeriment! Jekk għandek bżonn issaħħaħ il-​konvinzjoni tiegħek dwar is-​sess, niżżel il-​karta bl-​eżerċizzju “Kif tistaʼ tispjega t-​twemmin tiegħek dwar is-​sess.” Ukoll, ara l-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom.

 “Jien jogħġobni l-​irraġunar li hemm fil-​kotba ‘Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu.’ Pereżempju, paġna 187 tal-​1 Volum iqabbel li tagħmel is-​sess qabel iż-​żwieġ maʼ li tagħti b’xejn ġiżirana li tiswa l-​flus. Tkun qed tbaxxi l-​valur tiegħek innifsek. Paġna 177 turi li meta tagħmel is-​sess qabel iż-​żwieġ, ikun bħallikieku jkollok pittura sabiħa u tużaha bħala tapit quddiem il-​bieb. Imma l-​iktar tixbiha li togħġobni qiegħda f’paġna 54 tat-​2 Volum. Il-​kitba maġenb l-​istampa tgħid xi ħaġa hekk: ‘Jekk tagħmel is-​sess qabel iż-​żwieġ ikun bħallikieku qed tiftaħ rigal qabel ma jkun ingħatalek.’ Tkun qisek qed tisraq xi ħaġa li hi taʼ xi ħadd ieħor—tas-​sieħeb jew is-​sieħba futura tiegħek.”​—Victoria.