Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’nistaʼ nagħmel biex il-ġenituri jafdawni?

X’nistaʼ nagħmel biex il-ġenituri jafdawni?

 Dak li għandek tkun taf

 Il-fiduċja li ħaddieħor ikollu fik tiddependi minn kemm int taʼ min joqgħod fuqek. Li tobdi r-regoli tal-ġenituri hu bħal meta tħallas id-dejn. Hemm bżonn tobdi l-ġenituri tiegħek. Iktar kemm tkun bil-għaqal biex tagħmel ‘il-pagamenti’ aktarx iktar se jagħtuk ‘flus’ (jew libertà). Mill-banda l-oħra, jekk m’intix taʼ min jafdak, tkunx sorpriż jekk il-ġenituri jsellfuk inqas ‘flus.’

 Jieħu ż-żmien biex tirbaħ il-fiduċja tal-ġenituri. Hemm bżonn li turi li int responsabbli b’mod regolari sabiex il-ġenituri jagħtuk iktar libertà.

 STORJA VERA: “Bħala żagħżugħ, kont naf eżatt x’kienu qed jistennew minni l-ġenituri tiegħi, allura kont taparsi nagħmel dawk l-affarijiet waqt li fir-realtà kont nagħmel taʼ rasi bil-moħbi. Dan għamilha diffiċli għall-ġenituri biex jafdawni. Wara ftit, tgħallimt li hemm mod wieħed biss kif il-ġenituri jistgħu jafdawni iktar, u dan mhuwiex billi nkun diżonest. Hemm bżonn li tkun taʼ min jafdak sabiex tkun iktar fdat.”​—Craig.

 Dak li tistaʼ tagħmel

 Għid il-verità—anki meta ma jaqbillekx. Kulħadd jiżbalja, imma li toqgħod tigdeb biex taħbi l-iżbalji (jew li tgħid nofs verità) se jwassal biex il-ġenituri jitilfu kwalunkwe fiduċja li għandhom fik. Mill-banda l-oħra, meta l-ġenituri jinnotaw li maż-żmien qed tkun iktar u iktar onest, dawn se jirrealizzaw li issa int matur biżżejjed biex tammetti l-iżbalji tiegħek stess. U b’hekk se tkun persuna li jistgħu jafdaw.

 “Ħafna drabi l-fiduċja ma tintilifx għax tagħmel żball, imma żgur tintilef jekk tipprova taħbih.”​—Anna.

 Il-Bibbja tgħid: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.

  •   Aħseb dwar dan: Meta l-ġenituri jsaqsuk fejn int sejjer u x’se tagħmel, tgħidilhom il-verità kollha? Jew meta jsaqsuk fejn kont u x’għamilt, tevita li tgħidilhom id-dettalji li jkunu jixtiequ jisimgħu?

 Kun responsabbli. Obdi r-regoli tal-familja. Agħmel il-faċendi mill-ewwel. Żomm il-ħin tal-appuntamenti. Kun responsabbli biex tagħmel il-homework. Ara li tidħol id-dar fil-ħin.

 “Jekk il-ġenituri jħalluk toħroġ mal-ħbieb imma jitolbuk biex tkun id-dar fid-9 taʼ filgħaxija, tidħolx id-dar fl-10:30 u tistenna li jħalluk terġaʼ toħroġ mal-ħbieb!”​—Ryan.

 Il-Bibbja tgħid: “Kull wieħed iġorr it-tagħbija [jew “it-tagħbija taʼ responsabbiltà”] tiegħu.”—Galatin 6:5.

  •   Aħseb dwar dan: X’inhi r-reputazzjoni tiegħek dwar li tkun fil-ħin, tlesti l-faċendi, u tobdi r-regoli—anki dawk li ma tħobbx?

 Kun paċenzjuż. Jekk il-ġenituri jitilfu l-fiduċja fik, se jkollu jgħaddi ż-żmien biex jerġgħu jafdawk. Kun lest li tistenna.

 “Kont niffrustra ruħi meta l-ġenituri tiegħi ma kinux jagħtuni iktar responsabbiltà meta kelli ċerta età. Kont naħseb li iktar kemm nikber iktar ikolli maturità. Tlabt il-ġenituri tiegħi biex jagħtuni opportunitajiet ħalli nurihom li jien taʼ min joqgħod fuqi. Għadda ftit taż-żmien mhux ħażin, imma rnexxieli. Tgħallimt li l-fiduċja tiġi b’dak li tagħmel u mhux bl-età.”​—Rachel.

 Il-Bibbja tgħid: “Ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.”—2 Korintin 13:5.

  •   Aħseb dwar dan: Biex il-ġenituri tiegħek ikollhom (jew jerġgħu jkollhom) fiduċja fik, x’inhuma xi affarijiet li tistaʼ tagħmel biex ‘tagħti prova taʼ x’int’?

 SUĠĠERIMENT: Agħmel mira fuq li tkun puntwali, li tispiċċa l-faċendi, li tkun lura d-dar fil-ħin, jew fuq xi ħaġa oħra. Għid lill-ġenituri dwar dak li ddeċidejt, u saqsihom x’qed jistennew minnek biex ikollhom fiduċja fik. Imbagħad irsisti biex tobdi t-twissija li nsibu fil-Bibbja: ‘Inżaʼ l-personalità l-qadima li taqbel maʼ kif kont iġġib ruħek qabel.’ (Efesin 4:22) Maż-żmien, il-ġenituri tiegħek se jaraw il-progress tiegħek!