Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Xi ngħidu jekk għandi problema taʼ saħħa? (It-3 parti)

Xi ngħidu jekk għandi problema taʼ saħħa? (It-3 parti)

 Is-snin taż-żgħożija spiss huma assoċjati maʼ snin mimlijin saħħa u maʼ enerġija li donnha ma tbatti qatt. Madankollu, xi żgħażagħ huma limitati minħabba problemi serji taʼ saħħa. Huwa dan minnu fil-każ tiegħek? Jekk inhu hekk, int tistaʼ tiġi inkuraġġit mill-esperjenzi taʼ V’loria, Justin, u Nisa—li t-tlieta huma Xhieda taʼ Ġeħova. Innota kif qed ikampaw mal-problemi taʼ saħħa li għandhom.

 V’loria

 Ilni nbati bil-fibromyalgia minn mindu kelli 14-il sena. Sakemm kelli 20 sena, kont inbati wkoll bl-artrite, bil-lupus, u bil-marda Lyme. Hu diffiċli li tagħmel l-affarijiet kollha li tkun tixtieq tagħmel meta dejjem tħossok dgħajjef. Xi kultant, kont niġi paralizzata minn ġenbejja ’l isfel u kien ikolli bżonn wheelchair.

 Agħar minn dan kollu hu l-uġigħ kbir li ngħaddi minnu mentalment għax ma nkunx nistaʼ nagħmel affarijiet sempliċi bħal li nikteb jew niftaħ xi flixkun. Kont nara tfal jimxu u nibda naħseb għala hu daqstant diffiċli għalija li nagħmel hekk. Kont inħossni ma niswa għal xejn.

 Għall-grazzja t’Alla, kelli l-għajnuna—mhux biss mingħand il-membri tal-familja tiegħi imma wkoll mill-kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova li nassoċja magħha. L-aħwa tal-kongregazzjoni spiss iżuruni, u dan jgħinni biex ma nħossnix daqshekk waħdi. Xi wħud jistidnuni biex noħroġ magħhom, minkejja li mhux faċli li jqajmuni mill-wheelchair biex itellgħuni fil-karozza u jniżżluni.

 Dawk imdaħħlin fiż-żmien fil-kongregazzjoni kienu speċjalment t’għajnuna għax huma kienu jafu x’jiġifieri li jkollok problemi taʼ saħħa. Huma għenuni naċċetta l-limitazzjonijiet tiegħi u ma nħossnix ħatja għax ma nistax nagħmel daqs ħaddieħor. L-iktar li nkun ferħana hu meta nkun fil-laqgħat tal-kongregazzjoni u fil-ministeru. (Ebrej 10:25) Hemmhekk ninduna li minkejja l-mard tiegħi, m’iniex daqshekk differenti minn oħrajn.

 Jien inżomm f’moħħi li Ġeħova jagħtina dak li għandna bżonn sabiex nissaportu. Pereżempju, il-Bibbja tgħid li anki jekk persuna tkun qed tispiċċa minn barra, il-persuna li hi minn ġewwa ‘tiġġedded minn jum għall-ieħor.’ (2 Korintin 4:16) Jien hekk inħossni!

 Aħseb dwar dan: Jekk qed tbati minn problema serja taʼ saħħa, għala hu importanti li titkellem m’oħrajn? Jekk int f’saħħtek, kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd marid?—Proverbji 17:17.

 Justin

 Waqajt mal-art u ma stajtx inqum. Ħassejt bħal toqol kbir fuq sidri u ma stajtx niċċaqlaq. Ħaduni niġri l-emerġenza. Għall-ewwel, it-tobba ma setgħux isibu x’għandi. Imma wara li ġrali hekk diversi drabi, huma waslu għall-konklużjoni li għandi l-marda tal-Lyme.

 Il-marda tal-Lyme effettwatli n-nervituri kollha. Infatti, minkejja li issa għaddew diversi snin minn mindu saru jafu x’għandi, għadni nitriegħed, u xi kultant bla kontroll. Ikun hemm ġranet fejn inħoss ġismi kollu juġgħani jew is-swabaʼ tant juġgħawni li lanqas biss inkun nistaʼ nċaqlaqhom. Ikun bħallikieku l-ġogi kollha jiġġammjawli.

 Kont naħseb, ‘Għadni żgħir wisq biex inkun marid,’ u dan kien jirrabjani. Kont nitlob lil Alla kuljum nibki u nistaqsih, “Għala qed ngħaddi minn dan kollu?” Saħansitra bdejt naħseb li Alla kien telaqni. Imma mbagħad ħsibt dwar Ġob li jissemma fil-Bibbja. Ġob ma fehemx għalkollox għala kellu jiffaċċja bosta sfidi, imma hu xorta waħda baqaʼ leali lejn Alla. Jekk Ġob setaʼ jibqaʼ leali minkejja l-problemi kbar li ffaċċja, jien nistaʼ nagħmel l-istess.

 Għandi għajnuna kbira mill-anzjani tal-kongregazzjoni. Dejjem jieħdu interess fija u jistaqsuni kif jien. Anzjan qalli biex inċempillu kull meta jkolli bżonn nitkellem maʼ xi ħadd, ikun x’ħin ikun. Nirringrazzja lil Ġeħova kuljum għal ħbieb bħal dawn!—Isaija 32:1, 2.

 Xi drabi meta niffaċċjaw mard serju, ninsew dak li hu ovvju—li Ġeħova jaf minn xiex inkunu għaddejjin. Il-Bibbja tgħid: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik.” (Salm 55:22) Jien nipprova nagħmel hekk kuljum.

 Aħseb dwar dan: Nies li jħobbuk kif jistgħu jgħinuk tkampa maʼ problema taʼ saħħa?—Proverbji 24:10; 1 Tessalonikin 5:11.

 Nisa

 Meta kelli madwar 16-il sena, instab li għandi l-Marfan syndrome—marda li teffettwa l-ġogi billi ddgħajjifhom. Il-Marfan syndrome tistaʼ teffettwa wkoll il-qalb, l-għajnejn, u organi vitali oħrajn. Ma nkunx muġugħa kuljum, imma meta nkun, ikolli wġigħ kbir.

 Meta sirt naf x’għandi, tgħidx kemm bkejt. Bdejt ninkwieta li mhux ħa nkun nistaʼ nagħmel l-affarijiet kollha li nieħu pjaċir nagħmel. Pereżempju, jien inħobb niżfen, u l-futur ibeżżagħni meta naħseb li xi darba forsi ma nkunx nistaʼ nagħmel hekk—jew forsi saħansitra lanqas inkun nistaʼ nimxi.

 Oħti tgħidx kemm kienet t’appoġġ. Għenitni biex ma noqgħodx nitħassar lili nnifsi. Qaltli li m’għandix noqgħod ngħix fil-biżaʼ, għax inkella nispiċċa naħli ħajti. Hi inkuraġġietni wkoll biex nippersevera fit-talb, għax jekk kien hemm xi ħadd li kien jaf eżattament minn xiex kont għaddejja u li setaʼ jifhimni, kien Ġeħova.—1 Pietru 5:7.

 Skrittura waħda li vera inkuraġġietni hi Salm 18:6, li tgħid: “Fin-niket tiegħi bqajt insejjaħ lil Ġeħova, u lil Alla tiegħi bqajt ngħajjat għall-għajnuna. Minn ġot-tempju tiegħu hu semaʼ leħni, u l-għajta għall-għajnuna li għajjatt quddiemu issa waslet f’widnejh.” Dan il-vers għenni ninduna li meta mmur għand Ġeħova bit-talb u nitolbu jgħinni biex inkampa, hu se jismagħni u jgħinni. Hu dejjem hemm għalija.

 Jien tgħallimt li mhix se taqaʼ d-dinja jekk inħossuna xi ftit imdejqin u saħansitra mnikktin minħabba xi traġedja li niffaċċjaw, għax dawn is-sentimenti huma normali—sakemm ma nħalluhomx jikkontrollaw ħajjitna u jeffettwaw il-ħbiberija tagħna m’Alla. Hu mhuwiex il-kaġun tal-problemi tagħna, u hu qatt mhu se jitlaqna dment li aħna npoġġuh l-ewwel f’ħajjitna.—Ġakbu 4:8.

 Aħseb dwar dan: Huwa t-tort t’Alla li aħna nbatu?—Ġakbu 1:13.