Lill-Kolossin 3:1-25

  • Il-personalità l-qadima u l-ġdida (1-17)

    • Neħħu kull xewqa ħażina (5)

    • L-imħabba tgħaqqad lin-nies kollha flimkien (14)

  • Pariri għall-familji Kristjani (18-25)

3  Imma jekk Alla takom il-ħajja* mal-Kristu, ibqgħu fittxu dak li hemm fis-sema, fejn il-Kristu qiegħed bilqiegħda fuq il-lemin t’Alla.  Ibqgħu ffokati fuq dak li hemm fis-sema, u mhux fuq dak tal-art.  Għax intom mittu, u ħajjitkom inħbiet mal-Kristu għax dan jaqbel maʼ dak li jrid Alla.  Meta l-Kristu, li jagħti l-ħajja,* juri l-qawwa tiegħu,* imbagħad intom ukoll se tidhru li għandkom sehem mill-qawwa tiegħu.  Għalhekk, neħħu kull xewqa ħażina* li tistaʼ twassal għall-immoralità sesswali,* nuqqas taʼ ndafa, xewqa sesswali bla kontroll, xewqa ħażina, u regħba, li hi tip t’idolatrija.*  Alla se jkun irrabjat maʼ dawk li jagħmlu dawn l-affarijiet.  Intom hekk kontu tagħmlu qabel.  Għandkom twarrbu wkoll il-korla, ir-rabja, il-ħażen, it-tgħajjir, u l-kliem oxxen.  Tigdbux lil xulxin. Inżgħu l-personalità l-qadima flimkien mad-drawwiet tagħha, 10  u ilbsu l-personalità l-ġdida, li permezz tal-għarfien eżatt qed tiġġedded skont ix-xbieha taʼ Dak li ħalaqha. 11  Min jilbes il-personalità l-ġdida ma tagħmillux differenza jekk dak li jkun ikunx Grieg* jew Lhudi, ċirkonċiż jew le, barrani jew Skita,* ilsir jew ħieles. Għal Kristu huma l-istess u hu ħaġa waħda magħhom. 12  Minħabba li intom il-magħżulin t’Alla u intom il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu, uru* ħniena tenera, qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u paċenzja. 13  Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb, anki jekk xi ħadd ikollu għal xiex igerger kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova* ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll. 14  Imma minbarra dawn l-affarijiet kollha, uru l-imħabba, għax l-imħabba tgħaqqad lin-nies kollha flimkien. 15  Ukoll, ħallu l-paċi tal-Kristu tmexxi fi qlubkom,* għax Alla għażilkom biex tkunu ġisem wieħed u fil-paċi. U uru li tapprezzaw. 16  Ħallu t-tagħlim tal-Kristu jaħdem fikom għalkollox u jagħmilkom għorrief. Komplu għallmu u inkuraġġixxu* lil xulxin billi tkantaw is-salmi, tfaħħru lil Alla, tkantaw għanjiet spiritwali b’mod li turu li tapprezzaw, u tkantaw lil Ġeħova* fi qlubkom. 17  Kulma tgħidu jew tagħmlu, agħmluh f’isem il-Mulej Ġesù, u rringrazzjaw lill-Alla l-Missier permezz tiegħu. 18  Nisa, kunu sottomessi lejn ir-raġel tagħkom bħalma d-dixxipli tal-Mulej għandhom ikunu. 19  Irġiel, ibqgħu ħobbu lill-mara tagħkom u tirrabjawx* magħha. 20  Tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax il-Mulej jieħu gost b’dan. 21  Missirijiet, iddejqux lit-tfal tagħkom, biex ma jaqtgħux qalbhom. 22  Ilsiera, obdu mill-qalb lis-sidien tagħkom* f’kollox, mhux biss meta jkunu qed jarawkom biex tingħoġbu,* imma b’rispett kbir lejn* Ġeħova.* 23  Kulma tagħmlu, agħmluh b’ruħkom* kollha bħallikieku għal Ġeħova,* u mhux għall-bnedmin. 24  Agħmlu dan għax tafu li mingħand Ġeħova* se tirċievu l-wirt bħala rigal. Kunu lsiera tas-Sid, li hu Kristu. 25  Min jagħmel il-ħażen żgur se jiġi kkastigat għal dak li jkun għamel, għax Alla ma jurix preferenzi.

Noti taʼ taħt

Letteralment “ġejtu mqajmin.”
Letteralment “il-ħajja tagħna.”
Jew “jidher.”
Letteralment “mewtu l-membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-art.”
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jiġifieri tqimu lill-idoli.
Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
Dan jirreferi għan-nies mhux ċivilizzati.
Jew “ilbsu.”
Jew “tikkontrolla lil qlubkom.”
Jew “widdbu.”
Jew “tkunux ħorox.”
Jew “lis-sidien tagħkom li huma bnedmin.”
Jew “għal għajn in-nies.”
Letteralment “ibżgħu minn.”