Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tistaʼ Tagħmel il-​Ħajja tal-​Familja Tiegħek Hienja

Kif Tistaʼ Tagħmel il-​Ħajja tal-​Familja Tiegħek Hienja

Kapitlu Erbatax

Kif Tistaʼ Tagħmel il-​Ħajja tal-​Familja Tiegħek Hienja

X’hemm bżonn biex raġel jaġixxi tajjeb maʼ martu?

Mara kif tistaʼ timxi kif jixraq maʼ żewġha?

X’jinvolvi li tkun ġenitur tajjeb?

It-​tfal kif jistgħu jgħinu biex jagħmlu l-​ħajja tal-​familja hienja?

1. X’inhu l-​qofol għal ħajja tal-​familja hienja?

ALLA ĠEĦOVA jrid li l-​ħajja tal-​familja tiegħek tkun hienja. Il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, tipprovdi gwida għal kull membru tal-​familja, u tiddeskrivi l-​irwol li Alla jrid li jwettaq kull membru. Meta l-​membri tal-​familja jwettqu l-​irwol tagħhom fi qbil mal-​parir t’Alla, ir-​riżultati jkunu sodisfaċenti ħafna. Ġesù qal: “Henjin dawk li jisimgħu l-​kelma t’Alla u jħarsuha!”​—Luqa 11:28.

2. L-​hena fil-​familja jiddependi milli aħna nirrikonoxxu liema ħaġa?

2 L-​hena fil-​familja jiddependi prinċipalment milli aħna nirrikonoxxu li dak li oriġina l-​familja hu Ġeħova, il-​wieħed li Ġesù sejjaħlu “Missierna.” (Mattew 6:9) Kull familja fuq l-​art teżisti permezz taʼ Missierna tas-​sema​—u hu ċertament jaf x’inhu dak li jagħmel lill-​familji henjin. (Efesin 3:​14, 15) Għalhekk, il-​Bibbja x’tgħallem dwar l-​irwol taʼ kull membru tal-​familja?

IL-​FAMILJA ORIĠINAT MINN ALLA

3. Il-​Bibbja kif tiddeskrivi l-​bidu tal-​familja umana, u għala nafu li dak li tgħid huwa minnu?

3 Ġeħova ħalaq l-​ewwel bnedmin, Adam u Eva, u għaqqadhom flimkien bħala raġel u mara miżżewġin. Hu poġġiehom f’dar ġenna mill-​isbaħ hawn fuq l-​art​—il-​ġnien taʼ l-​Għeden—u qalilhom biex ikollhom it-​tfal. “Nisslu u oktru, u imlew l-​art,” qalilhom Ġeħova. (Ġenesi 1:​26-28; 2:​18, 21-24) Din m’hijiex sempliċement xi storja jew ħrafa, għax Ġesù wera li dak li hemm miktub f’Ġenesi dwar il-​bidu tal-​ħajja tal-​familja huwa minnu. (Mattew 19:​4, 5) Għalkemm niffaċċjaw ħafna problemi u l-​ħajja issa m’hijiex bħalma Alla kellu l-​iskop li tkun, ejja naraw għala l-​hena fil-​familja huwa possibbli.

4. (a) Kull membru tal-​familja kif jistaʼ jagħti sehmu biex din tkun waħda hienja? (b) Il-​fatt li nistudjaw dwar il-​ħajja taʼ Ġesù għala hu daqshekk importanti għall-​hena fil-​familja?

4 Kull membru tal-​familja jistaʼ jgħin biex il-​ħajja tal-​familja tkun hienja billi jimita l-​mod kif Alla juri l-​imħabba. (Efesin 5:​1, 2) Iżda, kif nistgħu nimitaw lil Alla, ladarba lanqas biss nistgħu narawh? Nistgħu nitgħallmu kif Ġeħova jaġixxi għax hu bagħat lill-​ewwel Iben imwieled tiegħu mis-​sema għal fuq l-​art. (Ġwanni 1:​14, 18) Meta kien fuq l-​art, dan l-​Iben, Ġesù Kristu, tant imitah tajjeb lil Missieru tas-​sema li min kien jara u jismaʼ lil Ġesù kien daqslikieku qed jara u jismaʼ lil Ġeħova. (Ġwanni 14:9) Għalhekk, meta nitgħallmu dwar l-​imħabba li wera Ġesù u nimxu fuq l-​eżempju tiegħu, kull wieħed minna jistaʼ jgħin biex il-​ħajja tal-​familja jagħmilha iktar hienja.

EŻEMPJU GĦALL-​IRĠIEL MIŻŻEWĠIN

5, 6. (a) Il-​mod kif Ġesù jittratta l-​kongregazzjoni kif inhu t’eżempju għall-​irġiel miżżewġin? (b) Xi jrid isir biex wieħed jikseb il-​maħfra tad-​dnubiet?

5 Il-​Bibbja tgħid li l-​irġiel għandhom jittrattaw lin-​nisa tagħhom bl-​istess mod li Ġesù jittratta lid-​dixxipli tiegħu. Ikkunsidra liema direzzjoni tagħti l-​Bibbja: “Irġiel, komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha . . . L-​irġiel b’dan il-​mod għandhom iħobbu lin-​nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess. Min iħobb lil martu jħobb lilu nnifsu, għax ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-​Kristu jagħmel ukoll lill-​kongregazzjoni.”​Efesin 5:​23, 25-29.

6 L-​imħabba taʼ Ġesù lejn il-​kongregazzjoni tiegħu taʼ dixxipli hija eżempju perfett għall-​irġiel miżżewġin. Ġesù “baqaʼ jħobbhom sa l-​aħħar,” billi ssagrifika ħajtu għalihom, avolja kienu imperfetti. (Ġwanni 13:1; 15:13) Bl-​istess mod l-​irġiel jiġu mħeġġin: “Ibqgħu ħobbu lin-​nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom.” (Kolossin 3:​19) X’se jgħin lil raġel miżżewweġ biex japplika dan il-​parir, speċjalment jekk martu xi kultant tonqos li taġixxi bl-​għaqal? Hu għandu jiftakar fl-​iżbalji tiegħu stess u f’dak li jrid jagħmel biex jaqlaʼ l-​maħfra mingħand Alla. Xi jrid jagħmel? Hu jrid jaħfer lil dawk li jidinbu kontrih, u dan jinkludi lil martu. M’għandniex xi ngħidu, hi għandha tagħmel l-​istess ħaġa. (Mattew 6:​12, 14, 15) Qiegħed tinduna għala xi wħud jgħidu li żwieġ taʼ suċċess hu l-​unjoni taʼ tnejn li jkunu lesti li jaħfru?

7. Ġesù x’kien jikkunsidra, u dan kif inhu t’eżempju għall-​irġiel?

7 L-​irġiel miżżewġin jagħmlu tajjeb ukoll li jinnotaw li Ġesù dejjem wera konsiderazzjoni lejn id-​dixxipli tiegħu. Hu kkunsidra l-​limitazzjonijiet u l-​bżonnijiet fiżiċi tagħhom. Per eżempju, meta kienu għajjenin hu qal: “Ejjew waħedkom f’post imwarrab u strieħu ftit.” (Marku 6:​30-32) In-​nisa wkoll jixirqilhom li żwieġhom juruhom konsiderazzjoni. Il-​Bibbja tiddeskrivihom bħala “reċipjent iktar dgħajjef” li żwieġhom huma kmandati biex ‘jonorawhom.’ Għala? Għaliex sew l-​irġiel u sew in-​nisa huma werrieta tal-​“favur mhux mistħoqq tal-​ħajja.” (1 Pietru 3:7) L-​irġiel għandhom jiftakru li hija l-​fedeltà li tagħmel lil dak li jkun prezzjuż f’għajnejn Alla u mhux jekk huwiex raġel jew mara.​—Salm 101:​6, Saydon.

8. (a) Kif inhu li raġel li “jħobb lil martu jħobb lilu nnifsu”? (b) Biex raġel u mara jkunu “ġisem wieħed” x’jeħtieġ li jagħmlu?

8 Il-​Bibbja tgħid li raġel li “jħobb lil martu jħobb lilu nnifsu.” Dan hu għaliex raġel u martu “m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed,” bħalma wera Ġesù. (Mattew 19:6) Għalhekk, għandu jkollhom interess sesswali f’xulxin biss. (Proverbji 5:​15-21; Ebrej 13:4) Dan jistgħu jagħmluh jekk ma jkunux egoisti u jkunu konċernati dwar li jissodisfaw il-​bżonnijiet taʼ xulxin. (1 Korintin 7:​3-5) Din it-​tfakkira hi taʼ min jinnotaha: “Ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu.” L-​irġiel jeħtieġ li jħobbu n-​nisa tagħhom bħalma jħobbu lilhom infushom, u jiftakru li huma jridu jagħtu kont lill-​kap tagħhom stess, Ġesù Kristu.​—Efesin 5:​29; 1 Korintin 11:3.

9. Liema kwalità taʼ Ġesù tissemma f’Filippin 1:​8, u għala għandhom l-​irġiel juru din il-​kwalità man-​nisa tagħhom?

9 L-​appostlu Pawlu tkellem dwar ‘l-​affezzjoni tenera li għandu Kristu Ġesù.’ (Filippin 1:8) It-​tenerezza taʼ Ġesù kienet kwalità rifreskanti li n-​nisa li saru dixxipli tiegħu tant kienet tiġbidhom lejh. (Ġwanni 20:​1, 11-13, 16) U n-​nisa jixxennqu għall-​affezzjoni tenera taʼ żwieġhom.

EŻEMPJU GĦAN-​NISA MIŻŻEWĠIN

10. Ġesù kif jipprovdi eżempju għan-​nisa miżżewġin?

10 Familja hija organizzazzjoni, u biex taħdem tajjeb għandha bżonn kap. Anki Ġesù hu sottomess lejn Wieħed li hu l-​Kap tiegħu. “Il-​kap tal-​Kristu hu Alla,” sewwasew bħalma “l-​kap tal-​mara hu r-​raġel.” (1 Korintin 11:3) Is-​sottomissjoni taʼ Ġesù lejn Alla bħala l-​kap tiegħu hija eżempju mill-​aħjar għalina, ladarba lkoll kemm aħna għandna kap li rridu nissottomettu ruħna lejh.

11. Liema attitudni għandu jkollha mara lejn żewġha, u x’effett jistaʼ jkollha l-​imġiba tagħha?

11 Irġiel imperfetti jagħmlu l-​iżbalji u spiss m’humiex kapijiet ideali tal-​familja. Għalhekk, mara miżżewġa x’għandha tagħmel? Din m’għandhiex tmaqdar dak li jagħmel żewġha jew tipprova tkun hi l-​kap. Il-​mara għandha tiftakar li f’għajnejn Alla, spirtu kwiet u ġwejjed hu imprezzabbli. (1 Pietru 3:4) Meta turi spirtu bħal dan, hi se ssibha iktar faċli li turi s-​sottomissjoni li togħġob lil Alla, anki f’ċirkustanzi diffiċli. Barra minn hekk, il-​Bibbja tgħid: “Il-​mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” (Efesin 5:​33) Imma xi ngħidu jekk hu ma jaċċettax lil Kristu bħala l-​Kap tiegħu? Il-​Bibbja tħeġġeġ lin-​nisa: “Kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-​kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-​kondotta tan-​nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-​kondotta safja tagħkom flimkien mar-​rispett profond.”​1 Pietru 3:​1, 2.

12. Għala m’huwiex ħażin li mara tesprimi l-​opinjonijiet tagħha bir-​rispett?

12 Sew jekk żewġha jkun taʼ l-​istess twemmin u sew jekk ma jkunx, mara ma tkunx qed turi nuqqas taʼ rispett jekk hi bit-​tattika tesprimi opinjoni differenti minn dik taʼ żewġha. L-​opinjoni tagħha tistaʼ tkun korretta, u l-​familja tagħha kollha tkun tistaʼ tibbenefika jekk jisimgħu minnha. Għalkemm Abraham ma qabilx maʼ martu, Sara, meta din issuġġeriet soluzzjoni prattika għal ċerta problema fil-​familja, Alla qallu: “Ismaʼ minn kliemha.” (Ġenesi 21:​9-12) M’għandniex xi ngħidu, meta raġel jasal għal deċiżjoni li m’hijiex kontra l-​liġi t’Alla, martu għandha turi s-​sottomissjoni tagħha billi tappoġġah.​—Atti 5:​29; Efesin 5:​24.

13. (a) Titu 2:​4, 5 xi jħeġġiġhom biex jagħmlu lin-​nisa miżżewġin? (b) Il-​Bibbja x’tgħid dwar is-​separazzjoni u d-​divorzju?

13 Mara tistaʼ twettaq l-​irwol tagħha li tieħu ħsieb il-​familja b’ħafna modi. Per eżempju, il-​Bibbja turi li n-​nisa miżżewġin għandhom “iħobbu lil żwieġhom, iħobbu lil uliedhom, ikunu moħħhom f’loku, safjin, ħaddiema fid-​dar, tajbin, sottomessi lejn żwieġhom.” (Titu 2:​4, 5) Meta mara miżżewġa u omm taġixxi b’dan il-​mod, hi se tikseb l-​imħabba u r-​rispett tal-​familja tagħha. (Proverbji 31:​10, 28) Iżda, minħabba li ż-​żwieġ hu unjoni bejn żewġ individwi imperfetti, jistaʼ jagħti l-​każ li ċerti ċirkustanzi estremi jwasslu għas-​separazzjoni jew divorzju. Il-​Bibbja tippermetti s-​separazzjoni f’ċerti ċirkustanzi. Madankollu, is-​separazzjoni hija kwistjoni serja, għax il-​Bibbja twissi: “Il-​mara m’għandhiex tinfired minn żewġha; . . . u r-​raġel m’għandux jitlaq lil martu.” (1 Korintin 7:​10, 11) U l-​unika bażi Skritturali għad-​divorzju hija ż-​żína minn xi ħadd mill-​imseħbin fiż-​żwieġ.​—Mattew 19:9.

EŻEMPJU PERFETT GĦALL-​ĠENITURI

14. Ġesù kif ittrattahom lit-​tfal, u dawn x’jeħtieġu mingħand il-​ġenituri?

14 Ġesù ta eżempju perfett lill-​ġenituri bil-​mod kif hu ttratta lit-​tfal. Meta oħrajn ipprovaw iżommu t-​tfal żgħar milli jmorru għand Ġesù, hu qal: “Ħallu t-​tfal żgħar jiġu għandi; tipprovawx twaqqfuhom.” Il-​Bibbja tgħid li hu mbagħad “ħaddan it-​tfal miegħu u beda jberikhom waqt li jpoġġi idejh fuqhom.” (Marku 10:​13-16) Ladarba Ġesù ddedika l-​ħin għaż-​żgħar, m’għandikx int tiddedika ħin għal uliedek stess? Huma mhux ftit tal-​ħin ’l hemm u ’l hawn għandhom bżonn imma ħafna u ħafna mill-​ħin tiegħek. Għandek bżonn tieħu l-​ħin biex tgħallimhom, għaliex Ġeħova hekk jikkmandahom jagħmlu lill-​ġenituri.​—Dewteronomju 6:​4-9.

15. Il-​ġenituri x’jistgħu jagħmlu biex jipproteġu lil uliedhom?

15 Hekk kif din id-​dinja tkompli teħżien dejjem iktar, it-​tfal għandhom bżonn il-​ġenituri biex jipproteġuhom minn dawk li jridu jagħmlulhom il-​ħsara, bħalma huma dawk li jabbużaw sesswalment mit-​tfal. Ikkunsidra kif Ġesù pproteġa lid-​dixxipli tiegħu, li b’affezzjoni sejħilhom “uliedi ċkejknin.” Meta ġie arrestat biex jinqatel ftit wara, Ġesù sab mezz kif huma jkunu jistgħu jaħarbu. (Ġwanni 13:33; 18:​7-9) Bħala ġenitur, jeħtieġ li toqgħod b’sebaʼ għajnejn għall-​attentati tax-​Xitan biex jagħmel ħsara liż-​żgħar tiegħek. Jeħtieġ li twissihom minn qabel. * (1 Pietru 5:8) Qatt qabel ma kienet mhedda daqshekk is-​sigurtà fiżika, spiritwali, u morali tagħhom.

16. Il-​ġenituri x’jistgħu jitgħallmu mill-​mod kif Ġesù ttratta l-​imperfezzjonijiet tad-​dixxipli tiegħu?

16 Fil-​lejl taʼ qabel ma miet Ġesù, id-​dixxipli tiegħu argumentaw bejniethom dwar min kien l-​akbar fosthom. Minflok ma beda jirrabja magħhom, Ġesù bi mħabba kompla jilħqilhom qalbhom bil-​kliem u bl-​eżempju. (Luqa 22:​24-27; Ġwanni 13:​3-8) Jekk int ġenitur, qed tara kif tistaʼ ssegwi l-​eżempju taʼ Ġesù fil-​mod kif tikkoreġi lil uliedek? Veru li huma għandhom bżonn id-​dixxiplina, imma din għandha tingħata ‘skond ma jkun ħaqqhom’ u qatt m’għandha tingħata fir-​rabja. Int ma tridx tgħid dak li jiġi għal ilsienek, bi kliem li jkun “jinfed bħal sejf.” (Ġeremija 30:11; Proverbji 12:18) Id-​dixxiplina għandha tingħata b’tali mod li wliedek iktar tard se jaraw kemm kienet verament xierqa.​—Efesin 6:4; Ebrej 12:​9-11.

EŻEMPJU GĦAT-​TFAL

17. Ġesù b’liema modi kien t’eżempju perfett għat-​tfal?

17 Jistgħu t-​tfal jitgħallmu minn Ġesù? Iva, jistgħu! Bl-​eżempju tiegħu stess, Ġesù wera kif it-​tfal għandhom jobdu lill-​ġenituri tagħhom. “Skond kif għallimni l-​Missier,” hu qal, ‘dan ngħid.’ Hu żied: “[Jien] dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġwanni 8:​28, 29) Ġesù kien ubbidjenti lejn Missieru tas-​sema, u l-​Bibbja tgħid lit-​tfal biex jobdu lill-​ġenituri tagħhom. (Efesin 6:​1-3) Għalkemm Ġesù kien tifel perfett, hu obda lil Ġużeppi u Marija, il-​ġenituri umani tiegħu li kienu imperfetti. Żgur li dan ġab l-​hena lil kull membru tal-​familja taʼ Ġesù!​—Luqa 2:​4, 5, 51, 52.

18. Ġesù għala obda dejjem lil Missieru tas-​sema, u t-​tfal lil min ikunu qed iferrħu meta jobdu lill-​ġenituri tagħhom illum?

18 Jistgħu t-​tfal isibu modi kif jimitaw iktar lil Ġesù u jferrħu lill-​ġenituri tagħhom? Veru, xi kultant iż-​żgħar għandhom mnejn isibuha diffiċli li jobdu lill-​ġenituri tagħhom, imma Alla hekk iridhom jagħmlu. (Proverbji 1:8; 6:​20) Ġesù dejjem obda lil Missieru tas-​sema, anki f’ċirkustanzi diffiċli. Darba, meta Alla ried lil Ġesù jagħmel xi ħaġa verament diffiċli, Ġesù qal: “Warrab minni dan il-​kies [dak li qallu biex jagħmel].” Minkejja dan, Ġesù għamel dak li Alla talab minnu għaliex irrealizza li Missieru kien jaf x’kien l-​aħjar għalih. (Luqa 22:42) Meta t-​tfal jitgħallmu jobdu, huma jkunu qed iferrħu ħafna lill-​ġenituri tagħhom u lil Missierhom tas-​sema. *​—Proverbji 23:​22-25.

19. (a) Satana kif jittantahom lit-​tfal? (b) X’effett jistaʼ jkollha fuq il-​ġenituri l-​imġiba ħażina taʼ wliedhom?

19 La x-​Xitan ittanta lil Ġesù, nistgħu nibqgħu ċerti li hu se jittanta wkoll liż-​żgħar biex jagħmlu dak li hu ħażin. (Mattew 4:​1-10) Satana x-​Xitan juża l-​pressjoni minn dawk taʼ mparhom, u din tistaʼ tkun iebsa ħafna biex jirreżistuha. Mela, kemm hu vitali li t-​tfal ma jagħmluhiex maʼ dawk li jagħmlu l-​ħażin! (1 Korintin 15:33) Dina, bint Ġakobb, kienet tagħmilha maʼ dawk li ma kinux iqimu lil Ġeħova, u minħabba f’hekk inqalaʼ ħafna inkwiet. (Ġenesi 34:​1, 2) Aħseb ftit kemm niket se jġib fuq il-​familja tiegħu jekk membru wieħed jinvolvi ruħu fl-​immoralità sesswali!​—Proverbji 17:​21, 25.

IL-​QOFOL TAʼ L-​HENA FIL-​FAMILJA

20. Biex ingawdu ħajja tal-​familja hienja, x’għandu bżonn jagħmel kull membru tal-​familja?

20 Il-​membri tal-​familja jistgħu jkampaw iktar faċilment mal-​problemi meta japplikaw il-​pariri tal-​Bibbja. Fil-​fatt, il-​qofol taʼ l-​hena fil-​familja jiddependi milli jiġu applikati l-​pariri tal-​Bibbja. Għalhekk irġiel, ħobbu l-​mara tagħkom, u ittrattawha kif Ġesù jittratta l-​kongregazzjoni tiegħu. Nisa, issottomettu ruħkom lejn żwieġkom bħala l-​kap tagħkom, u segwu l-​eżempju tal-​mara kapaċi li hi deskritta fi Proverbji 31:​10-31. Ġenituri, ħarrġu lil uliedkom. (Proverbji 22:6) Missirijiet, ‘ippresiedu fuq dawk taʼ darkom bl-​aħjar mod.’ (1 Timotju 3:​4, 5; 5:8) U intom tfal, obdu lill-​ġenituri tagħkom. (Kolossin 3:20) Ħadd fil-​familja m’hu perfett, għax ilkoll nagħmlu l-​iżbalji. Għalhekk, kunu umli, u itolbu maħfra lil xulxin.

21. Liema prospetti taʼ l-​għaġeb jinsabu quddiemna, u kif nistgħu ngawdu ħajja tal-​familja hienja issa?

21 Verament, il-​Bibbja fiha abbundanza taʼ tagħlim u pariri siewja rigward il-​ħajja tal-​familja. Iktar minn hekk, tgħallimna dwar id-​dinja ġdida t’Alla u art magħmula ġenna mimlija b’nies henjin li jqimu lil Ġeħova. (Rivelazzjoni 21:​3, 4) Xi prospetti taʼ l-​għaġeb hemm quddiemna! Saħansitra minn issa, aħna nistgħu ngawdu ħajja tal-​familja hienja billi napplikaw l-​istruzzjonijiet t’Alla li nsibu fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 15 Għajnuna biex tipproteġi lil uliedek tinsab f’kapitlu 32 tal-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 18 Huwa biss f’każ li l-​ġenituri jitolbu ’l uliedhom biex jiksru l-​liġi t’Alla li t-​tfal ikun xieraq li ma jobduhomx.​—Atti 5:​29.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA

▪ L-​irġiel miżżewġin jeħtieġ li jħobbu n-​nisa tagħhom bħal ġisimhom stess.​—Efesin 5:​25-29.

▪ In-​nisa miżżewġin għandhom iħobbu l-​familja tagħhom u jirrispettaw lil żwieġhom.​—Titu 2:​4, 5.

▪ Il-​ġenituri għandhom bżonn iħobbu, jgħallmu, u jipproteġu lil uliedhom.​—Dewteronomju 6:​4-9.

▪ It-​tfal jeħtieġ li jobdu lill-​ġenituri tagħhom.​—Efesin 6:​1-3.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 139]

X’eżempju mill-​aħjar ipprovdiet Sara għan-​nisa miżżewġin?

[Stampi f’paġna 140]

Il-​ġenituri x’jistgħu jitgħallmu mill-​mod kif Ġesù ttratta lit-​tfal?

[Stampa f’paġna 142]

Iż-​żgħażagħ dwar xiex għandhom jaħsbu meta jkollhom it-​tentazzjonijiet?