L-Aħbar Tajba Skont Luqa 22:1-71

  • Il-qassisin jippjanaw biex joqtlu lil Ġesù (1-6)

  • Preparamenti għall-aħħar Qbiż (7-13)

  • Tiġi stabbilita l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej (14-20)

  • “Dak li se jittradini qiegħed mal-mejda miegħi” (21-23)

  • Argument jaħraq dwar min kien l-aqwa (24-27)

  • Il-patt taʼ Ġesù għal saltna (28-30)

  • Ġesù jbassar li Pietru se jgħid li ma jafux (31-34)

  • Il-bżonn taʼ li jkunu ppreparati; iż-żewġt ixwabel (35-38)

  • It-talba taʼ Ġesù fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ (39-46)

  • Ġesù jiġi arrestat (47-53)

  • Pietru jgħid li ma jafx lil Ġesù (54-62)

  • Ġesù jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt (63-65)

  • Jgħaddi ġuri quddiem is-Sinedriju (66-71)

22  Issa kien wasal iż-żmien għall-Festa tal-Ħobż bla Ħmira, li jgħidulha l-Qbiż.  Il-qassisin importanti u l-iskribi kienu qed jipprovaw isibu l-aħjar mod kif jeħilsu minn Ġesù, għax huma bdew jibżgħu min-nies.  Imbagħad Satana influwenza lil Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-Tnax,  u dan mar jitkellem mal-qassisin importanti u l-kapijiet tat-tempju dwar kif setaʼ jittradih.  Huma ħadu pjaċir ħafna u ftiehmu li jagħtuh xi flus tal-fidda.  Għalhekk, hu aċċetta u beda jfittex opportunità biex jittradixxi lil Ġesù u jagħtihulhom meta ma jkunx hemm folla miegħu.  Fl-ewwel jum tal-Festa tal-Ħobż bla Ħmira, meta jiġi offrut is-sagrifiċċju tal-Qbiż,  Ġesù qal lil Pietru u lil Ġwanni: “Morru ppreparaw l-ikla tal-Qbiż.”  Huma qalulu: “Fejn tridna nippreparawha?” 10  Wiġibhom: “Xħin tidħlu fil-belt se jiltaqaʼ magħkom raġel iġorr ġarra tal-fuħħar. Morru warajh fid-dar li jidħol. 11  U għidu lil sid id-dar, ‘L-Għalliem qallek: “Fejn hi l-kamra li fiha nistaʼ niekol l-ikla tal-Qbiż mad-dixxipli tiegħi?”’ 12  U hu jurikom kamra taʼ fuq kbira li għandha dak li hemm bżonn għall-ikla. Ippreparaw hemm.” 13  Għalhekk marru u sabu eżatt bħalma kien qalilhom. U huma ppreparaw għall-ikla tal-Qbiż. 14  Xħin sar il-ħin għall-ikla, hu qagħad mal-mejda mal-appostli 15  u qalilhom: “Vera xtaqt li niekol din l-ikla tal-Qbiż magħkom qabel ma nbati, 16  għax naċċertakom li mhux se nerġaʼ niekol din l-ikla sakemm isir l-iskop tagħha meta s-Saltna t’Alla* tibda tmexxi.” 17  Imbagħad qabad tazza nbid, irringrazzja lil Alla, u qal: “Ixorbu minnha u għadduha lil xulxin, 18  għax naċċertakom, li minn issa ’l quddiem mhux se nerġaʼ nixrob inbid sakemm is-Saltna t’Alla* tiġi biex tmexxi.” 19  Ukoll, qabad ħobża, irringrazzja lil Alla, qasamha, tahielhom, u qal: “Dan il-ħobż jirrappreżenta l-ġisem tiegħi li se jiġi offrut għalikom. Ibqgħu agħmlu dan biex tiftakru fija.” 20  Hu għamel l-istess bit-tazza nbid wara li kielu l-ikla taʼ filgħaxija, u qal: “Din it-tazza nbid tirrappreżenta l-patt il-ġdid li se jibda meta nferraʼ demmi għalikom. 21  “Imma dak li se jittradini qiegħed mal-mejda miegħi. 22  Fil-fatt jien, Bin il-bniedem, se mmut bħalma ġie deċiż. Imma ħażin għalih dak li se jittradini!” 23  Allura, bdew jistaqsu lil xulxin min setaʼ kien li se jagħmel hekk. 24  Barra minn hekk, qam argument jaħraq bejniethom dwar min minnhom kien l-aqwa. 25  Imma hu qalilhom: “Ir-rejiet imexxu kif iridu huma, u dawk li għandhom awtorità jirċievu titli speċjali.* 26  Imma intom m’għandkomx tkunu hekk. Min hu l-aqwa minnkom għandu jkun bħall-iżgħar wieħed, u min imexxi għandu jkun bħal wieħed li jaqdi. 27  Għax min hu l-aqwa, dak li jkun mal-mejda jew dak li jservi?* Mhux dak li jkun mal-mejda? Imma jien bħal xi ħadd li qed iservikom.* 28  “Madankollu, intom bqajtu miegħi fil-provi, 29  u jien nagħmel patt magħkom għal saltna, bħalma Missieri għamel miegħi. 30  B’hekk, tkunu tistgħu tieklu u tixorbu mal-mejda tiegħi fis-Saltna tiegħi, u toqogħdu bilqiegħda fuq tronijiet biex tiġġudikaw lit-12-il tribù t’Iżrael. 31  “Xmun, Xmun, Satana jrid li jgħarbilkom bħal qamħ. 32  Imma jien tlabt bil-ħniena għalik ħalli ma titlifx il-fidi tiegħek. U meta tindem, saħħaħ lil ħutek.” 33  Imbagħad qallu: “Mulej, jien lest li niġi l-ħabs miegħek u li mmut miegħek.” 34  Imma hu qallu: “Naċċertak Pietru li llum int se tkun għedt li ma tafnix tliet darbiet qabel ma jidden is-serduq.” 35  Imbagħad hu qalilhom: “Meta bgħattkom tippritkaw bla flus, bla basket tal-ikel, u bla sandli żejjed, ma kien jonqoskom xejn, hux hekk?” Huma wiġbuh: “Le!” 36  Hu qalilhom: “Imma issa jekk għandkom flus u basket tal-ikel ġibuhom magħkom, u jekk m’għandkomx xabla bigħu l-libsa taʼ fuq u ixtru waħda. 37  Naċċertakom li l-iskrittura li tgħid, ‘Hu jitqies bħala kriminal’* qed titkellem dwari. Għax kulma nkiteb dwari jrid isir.” 38  Imbagħad qalulu: “Mulej, għandna żewġt ixwabel.” U hu wiġibhom: “Tnejn biżżejjed.” 39  Imbagħad hu mar fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ bħalma kien imdorri jagħmel, u d-dixxipli tiegħu marru warajh. 40  Meta waslu hemm qalilhom: “Ibqgħu itolbu ħalli ma taqgħux fit-tentazzjoni.” 41  Imbagħad hu mar daqs tefgħa taʼ ġebla ’l bogħod minnhom, niżel għarkopptejh, u beda jitlob: 42  “Missier, jekk trid, neħħi din it-tazza* minn quddiemi. Imma ħa jsir kif trid int u mhux kif irrid jien.” 43  Imbagħad deherlu anġlu u inkuraġġieh. 44  Imma peress li kien inkwetat għall-aħħar u ħassu mdejjaq ħafna, hu kompla jitlob b’qalbu kollha. U l-għaraq tiegħu sar bħad-demm u beda jqattar mal-art. 45  Wara li talab, mar ħdejn id-dixxipli tiegħu u sabhom reqdin, għax tant kemm inkwetaw li għejew. 46  Hu qalilhom: “Għala qed torqdu? Qumu u ibqgħu itolbu, ħalli ma taqgħux fit-tentazzjoni.” 47  Waqt li kien għadu qed jitkellem, waslet folla li kien qed imexxiha Ġuda, wieħed mit-Tnax. Hu resaq lejn Ġesù biex ibusu, 48  imma Ġesù qallu: “Ġuda, b’bewsa se tittradih lil Bin il-bniedem?” 49  Meta dawk li kienu miegħu raw x’se jiġri, staqsewh: “Nattakkawhom bix-xabla Mulej?” 50  Imma wieħed minnhom attakka lill-ilsir tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu l-leminija. 51  Imma Ġesù wieġeb: “Ieqfu! Biżżejjed!” U messlu widintu u fejqu. 52  Imbagħad lill-qassisin importanti, lill-kapijiet tat-tempju, u lill-anzjani* li marru għalih, Ġesù qalilhom: “Mela jien xi ħalliel biex ġejtu għalija armati bix-xwabel u l-bsaten? 53  Jien kuljum kont inkun magħkom fit-tempju, allura għala ma arrestajtunix hemm? Imma dan hu ż-żmien tagħkom u taʼ dawk li qegħdin fid-dlam biex turu l-qawwa tagħkom.” 54  Imbagħad arrestawh u ħaduh id-dar tal-qassis il-kbir, imma Pietru kien qed jimxi warajhom mill-bogħod. 55  Meta xi wħud qabbdu n-nar f’nofs il-bitħa u qagħdu bilqiegħda, Pietru kien magħhom. 56  Imma qaddejja ratu bilqiegħda għad-dawl tan-nar, ħarset sew lejh, u qalet: “Dan ir-raġel miegħu kien.” 57  Imma hu m’ammettiex u qalilha: “Ma nafux.” 58  Wara ftit, xi ħadd ieħor rah u qallu: “Int wieħed minnhom.” Imma Pietru qallu: “Le m’iniex.” 59  U wara xi siegħa, raġel ieħor beda jinsisti: “Dan ir-raġel żgur li kien miegħu wkoll, għax hu Galilew!” 60  Imma Pietru wieġbu: “Ma nafx x’qed tgħid.” U dak il-ħin, waqt li kien għadu qed jitkellem, idden is-serduq. 61  Dak il-ħin, il-Mulej dar u ħares lejn Pietru, u Pietru ftakar meta l-Mulej kien qallu: “Illum, int se tgħid li ma tafnix tliet darbiet qabel ma jidden is-serduq.” 62  U Pietru ħareġ barra u beka fuq li beka. 63  L-irġiel li kienu għassa maʼ Ġesù bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt u jsawtuh, 64  u wara li għattewlu wiċċu, bdew jistaqsuh: “Jekk int profeta, għidilna min tahielek din id-daqqa?” 65  Huma qalu ħafna affarijiet ħżiena kontra Ġesù li bihom offendew lil Alla. 66  Meta sebaħ, il-ġemgħa tal-anzjani, jiġifieri l-qassisin importanti u l-iskribi, inġabru flimkien fis-sala tas-Sinedriju tagħhom, ħadu lil Ġesù hemmhekk, u qalulu: 67  “Jekk int il-Kristu, għidilna.” Imma hu qalilhom: “Anki jekk ngħidilkom, intom xorta ma temmnux. 68  Iktar minn hekk, jekk jien nistaqsikom, intom ma twiġbux. 69  Madankollu, minn issa ’l quddiem jien, Bin il-bniedem, se nkun bilqiegħda fuq il-lemin tal-Alla b’saħħtu.” 70  Għal dan, huma lkoll qalu: “Allura int l-Iben t’Alla?” Hu wiġibhom: “Intom stess qed tgħidu dan.” 71  Huma qalu: “Għala għandna bżonn iktar xhieda? Aħna smajna lilu stess jgħid dan.”

Noti taʼ taħt

Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “jissejħu Benefatturi.” Dan hu titlu taʼ rispett li n-nies jagħtu lil dawk li jagħmlu affarijiet għal oħrajn.
Jew “jaqdi.”
Jew “jaqdikom.”
Letteralment “jitqies maʼ dawk bla liġi.”
It-tazza tirrappreżenta dak li jrid Alla, jiġifieri li jħalli lil Ġesù jmut minħabba li jiġi akkużat b’mod falz li dagħa.