L-Ewwel Ittra lill-Korintin 11:1-34

  • “Imxu fuq l-eżempju tiegħi” (1)

  • Min għandu awtorità u min għandu jgħatti rasu (2-16)

  • Kif għandha ssir l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej (17-34)

11  Imxu fuq l-eżempju tiegħi,* bħalma jien nimxi fuq l-eżempju taʼ* Kristu.  Jien infaħħarkom għax dejjem tiftakru fija u qed tagħmlu l-affarijiet* kif għallimtkom.  Irridkom tkunu tafu li l-Kristu għandu awtorità* fuq kull raġel, u r-raġel għandu awtorità fuq il-mara, u Alla għandu awtorità fuq il-Kristu.  Meta raġel jitlob jew jipprofetizza b’rasu mgħottija, hu jġib mistħija fuqu nnifsu.*  Imma meta mara titlob jew tipprofetizza mingħajr ma tgħatti rasha, hi ġġib mistħija fuqha nfisha.* Dan ikun bħallikieku għandha xagħarha mqaxxar.  Jekk mara ma tgħattix rasha, għandha taqtaʼ xagħarha qasir. Imma peress li hu tal-mistħija li mara taqtaʼ xagħarha qasir jew tqaxxru, hi għandha tgħatti rasha.  Raġel m’għandux jgħatti rasu, għax hu magħmul fuq ix-xbieha t’Alla u jirrifletti l-glorja tiegħu, imma l-mara tirrifletti l-glorja tar-raġel.  Fil-fatt ir-raġel ma ġiex mill-mara, imma l-mara ġiet mir-raġel.  Iktar minn hekk, ir-raġel ma ġiex maħluq għall-mara, imma l-mara ġiet maħluqa għar-raġel. 10  Għal din ir-raġuni u minħabba l-anġli, il-mara għandha tilbes xi ħaġa fuq rasha biex turi li hi qiegħda taħt l-awtorità. 11  Imma fost id-dixxipli tal-Mulej, in-nisa mhumiex indipendenti mill-irġiel, u l-irġiel mhumiex indipendenti min-nisa.* 12  Bħalma l-mara ġiet mir-raġel, raġel ukoll jiġi minn mara. Imma kollox ġej minn Alla. 13  Iġġudikaw intom: Hu xieraq li mara titlob lil Alla quddiem oħrajn mingħajr ma tgħatti rasha? 14  Mhux naturali li raġel ikollu xagħru twil, inkella jkun taʼ mistħija għalih. 15  Imma jekk mara jkollha xagħarha twil, din hi xi ħaġa sabiħa.* Xagħarha ngħatalha bħala xi ħaġa li tgħattilha rasha. 16  Imma jekk xi ħadd għandu xi jgħid dwar dan, it-tweġiba tagħna hi li aħna u l-kongregazzjonijiet t’Alla m’għandna l-ebda drawwa oħra. 17  Imma waqt li nagħtikom dawn l-istruzzjonijiet, jien ma nfaħħarkomx, għax il-laqgħat tagħkom iktar qed jagħmlu ħsara milli ġid. 18  L-ewwel nett qed nismaʼ li hemm il-firdiet bejnietkom meta tiltaqgħu fil-kongregazzjoni; u sa ċertu punt nemmnu dan. 19  Bla dubju, se jkun hemm is-setet* fostkom, imma b’hekk se jidher ċar min hu approvat minn Alla. 20  Meta tiltaqgħu flimkien biex tieklu l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, mhux qed tagħmlu dan kif suppost. 21  Meta jasal il-ħin biex tikluha, kull wieħed ikun diġà ħa l-ikla taʼ filgħaxija tiegħu. Għalhekk, min ikun bil-ġuħ u min ikun fis-sakra. 22  Jaqaw m’għandkomx dar fejn tieklu u tixorbu? Jew taħsbu li l-kongregazzjoni t’Alla mhix importanti, u ġġiegħlu lill-foqra jistħu? X’nistaʼ ngħidilkom? Għandi nfaħħarkom? F’din il-ħaġa żgur li le. 23  Dak li għallimtkom, tgħallimtu kollu mill-Mulej. Fil-lejl taʼ meta kien se jiġi ttradut, il-Mulej Ġesù qabad ħobża, 24  irringrazzja lil Alla, qasamha, u qal: “Din tirrappreżenta l-ġisem tiegħi. Ibqgħu agħmlu dan biex tiftakru fija.”* 25  Wara li kielu l-ikla taʼ filgħaxija, hu għamel l-istess bit-tazza tal-inbid. Hu qal: “Din it-tazza nbid tirrappreżenta l-patt* il-ġdid li se jibda meta nferraʼ demmi għalikom. Ibqgħu agħmlu dan ħalli kull darba li tixorbuh tiftakru fija.” 26  Kull darba li tieklu minn din il-ħobża u tixorbu minn din it-tazza tal-inbid, tkunu qed tkomplu xxandru* l-mewt tal-Mulej, sakemm jiġi. 27  Għalhekk, kull min jiekol mill-ħobża jew jixrob mit-tazza tal-inbid tal-Mulej mingħajr ma jkun jistħoqqlu, ikun ħati li dineb kontra l-ġisem u d-demm tal-Mulej. 28  Kull wieħed għandu l-ewwel jeżamina lilu nnifsu sew. Wara li jagħmel hekk biss ikun jistaʼ jiekol mill-ħobża u jixrob mit-tazza tal-inbid. 29  Jekk xi ħadd ma jifhimx li dawn jirrappreżentaw il-ġisem tal-Mulej, ikun qed jikkundanna lilu* nnifsu meta jiekol u jixrob minnhom. 30  Hu għalhekk li ħafna minnkom dgħajfin u morda, u ftit mhux ħażin qed imutu.* 31  Imma jekk neżaminaw sew lilna nfusna, ma niġux ikkundannati.* 32  Madankollu, meta niġu ġġudikati, ifisser li qed niġu ddixxiplinati minn Ġeħova,* u b’hekk ma niġux ikkundannati mad-dinja. 33  Għalhekk ħuti, meta tiltaqgħu flimkien biex tieklu l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, stennew lil xulxin. 34  Jekk xi ħadd ikun bil-ġuħ, għandu jiekol id-dar, ħalli ma tiġux iġġudikati meta tiltaqgħu flimkien. Il-kwistjonijiet li fadal nieħu ħsiebhom meta niġi.

Noti taʼ taħt

Jew “Imitaw lili.”
Jew “nimita lil.”
Letteralment “iżżommu sod mat-tradizzjonijiet.”
Letteralment “hu l-kap.”
Dan jista’ jirreferi wkoll għal li jġib mistħija fuq dak li għandu awtorità fuqu.
Dan jista’ jirreferi wkoll għal li ġġib mistħija fuq dak li għandu awtorità fuqha.
Jiġifieri għandhom bżonn lil xulxin.
Jew “xi ħaġa onorabbli; hu glorja għaliha.”
Jew “firdiet; gruppi separati.”
Jew “tiftakru x’għamilt.”
Jew “il-ftehim.”
Jew “titkellmu dwar.”
Letteralment “iġib ġudizzju fuqu.”
Jiġifieri dgħajfin, morda, jew qed imutu spiritwalment.
Letteralment “iġġudikati.”