Mur fil-kontenut

Nisa fil-Bibbja​—X’Nistgħu Nitgħallmu Minnhom?

Nisa fil-Bibbja​—X’Nistgħu Nitgħallmu Minnhom?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Fil-Bibbja nistgħu naqraw dwar diversi nisa li mill-ħajja tagħhom nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet importanti. (Rumani 15:4; 2 Timotju 3:16, 17) Dan l-artiklu se jiddeskrivi fil-qosor ftit min-nisa li jissemmew fil-Bibbja. Ħafna huma eżempji taʼ min jimitahom. Oħrajn huma eżempji taʼ twissija.—1 Korintin 10:11; Ebrej 6:12.

  Abigajl

 Min kienet Abigajl? Hi kienet il-mara taʼ raġel sinjur imma aħrax li kien jismu Nabal. Imma Abigajl kienet mara għaqlija, umli, sabiħa fiżikament, u kellha kwalitajiet li jogħġbu lil Ġeħova.—1 Samwel 25:3.

 X’għamlet? Abigajl aġixxiet b’għaqal u dixxerniment biex evitat traġedja. Hi u Nabal kienu jgħixu fir-reġjun fejn David, li kien se jkun is-sultan futur taʼ Iżrael, kien qed jistaħba. Waqt li David u l-irġiel tiegħu kienu hemm, huma pproteġew il-merħliet tan-nagħaġ taʼ Nabal mill-ħallelin. Imma meta messaġġiera mibgħuta minn David talbu lil Nabal biex jagħtihom xi ikel, Nabal bla rispett irrifjuta li jagħtihom. David irrabja bl-ikrah! Allura, hu u l-irġiel tiegħu marru biex joqtlu lil Nabal u lill-irġiel kollha taʼ daru.—1 Samwel 25:10-12, 22.

 Abigajl aġixxiet malajr meta semgħet x’kien għamel żewġha. Hi tat lill-qaddejja tagħha provvista taʼ ikel biex jiħduha lil David u lill-irġiel tiegħu u hi marret wara l-qaddejja tagħha biex titlob lil David ikollu ħniena. (1 Samwel 25:14-19, 24-31) Meta David ra l-għotja li tat, osserva l-umiltà tagħha, u semaʼ l-parir għaqli li qaltlu, hu rrikonoxxa li Alla kien użaha biex iwaqqfu milli joqtol lil Nabal u lill-irġiel tiegħu. (1 Samwel 25:32, 33) Ftit wara dan, Nabal miet u Abigajl saret il-mara taʼ David.—1 Samwel 25:37-41.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Abigajl? Għalkemm kienet sabiħa u sinjura, Abigajl ma kinitx taħseb li kienet xi ħaġa. Biex iżżomm il-paċi, hi kienet lesta li titlob skuża għal xi ħaġa li ma kinitx it-tort tagħha. Hi trattat sitwazzjoni diffiċli bil-kalma u għamlet dan bit-tattika, bil-kuraġġ, u b’mod intelliġenti.

  Dalila

 Min kienet Dalila? Hi kienet mara li l-imħallef Iżraeli Sansun sar iħobb.—Imħallfin 16:4, 5.

 X’għamlet? Hi aċċettat flus mingħand uffiċjali Filistin biex tittradixxi lil Sansun, li Alla kien qed jużah biex jeħles lill-Iżraelin minn idejn il-Filistin. Il-Filistin ma setgħux jegħlbu lil Sansun minħabba li b’mod mirakoluż kellu saħħa straordinarja. (Imħallfin 13:5) Allura l-uffiċjali talbu l-għajnuna taʼ Dalila.

 Il-Filistin xtraw lil Dalila biex isiru jafu minn fejn Sansun kien iġib is-saħħa kbira tiegħu. Dalila aċċettat il-flus, u wara diversi drabi, hi fl-aħħar irnexxielha tkun taf x’inhu s-sigriet taʼ Sansun. (Imħallfin 16:15-17) Hi mbagħad qalet is-sigriet tiegħu lill-Filistin u dawn qabduh u tefgħuh il-ħabs.—Imħallfin 16:18-21.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Dalila? Dalila hi eżempju taʼ twissija. Minħabba li kienet rgħiba għall-flus, hi aġixxiet b’qerq, bi żlealtà, u b’egoiżmu maʼ qaddej t’Alla Ġeħova.

  Debora

 Min kienet Debora? Hi kienet profetessa li l-Alla taʼ Iżrael, Ġeħova, uża biex jgħid lill-poplu tiegħu xi jridhom jagħmlu. Alla użaha wkoll biex tgħin f’li tirranġa l-problemi bejn l-Iżraelin.—Imħallfin 4:4, 5.

 X’għamlet? Il-profetessa Debora b’kuraġġ appoġġat l-adoraturi t’Alla. Bid-direzzjoni tiegħu, hi ordnat lil Barak biex imexxi armata Iżraelija kontra l-Kangħanin li kienu jaħqruhom. (Imħallfin 4:6, 7) Meta Barak talab lil Debora biex tmur miegħu fil-battalja, hi marret. Hi ma beżgħetx jew irrifjutat.—Imħallfin 4:8, 9.

 Wara li Alla ta rebħa kbira lill-Iżraelin, Debora kitbet minn tal-inqas parti mill-għanja li hi u Barak kantaw biex jirrakkontaw dak li kien ġara. F’dik l-għanja, hi semmiet l-irwol li kellha mara kuraġġuża oħra, Ġagħel, f’li jingħelbu l-Kangħanin.—Imħallfin, kapitlu 5.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Debora? Debora kienet lesta li tagħmel sagrifiċċji persunali u kienet kuraġġuża. Hi inkuraġġiet lil oħrajn biex jagħmlu dak li hu tajjeb f’għajnejn Alla. Meta huma għamlu hekk, hi faħħrithom bil-kbir għal dak li għamlu.

  •  Għal iktar informazzjoni dwar Debora, ara l-artiklu “I Arose as a Mother in Israel.”

  Ester

 Min kienet Ester? Hi kienet tfajla Lhudija li ntgħażlet mis-sultan Persjan Aħasweru biex tiżżewġu u ssir is-sultana.

 X’għamlet? Is-Sultana Ester użat l-influwenza tagħha biex tiskansa l-ġenoċidju tal-poplu tagħha stess. Hi saret taf li kien ħareġ digriet uffiċjali li fih kien hemm miktub li f’jum speċifiku kellhom jinqatlu l-Lhud kollha li kienu jgħixu fl-Imperu Persjan. Dan il-pjan mill-agħar kien ġej minn raġel jismu Ħaman, li kien il-prim ministru. (Ester 3:13-15; 4:1, 5) Bl-għajnuna taʼ kuġinuha li kien akbar minnha, Mordekaj, u b’sogru għal ħajjitha, Ester qalet b’dan il-pjan lil żewġha, is-Sultan Aħasweru. (Ester 4:10-16; 7:1-10) Aħasweru mbagħad ippermetta lil Ester u lil Mordekaj joħorġu digriet ieħor li fih ta l-awtorità lil-Lhud biex jiddefendu ruħhom. Il-Lhud għelbu l-għedewwa tagħhom għalkollox.—Ester 8:5-11; 9:16, 17.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Ester? Is-Sultana Ester ħalliet eżempju mill-aħjar f’dawk li huma kuraġġ, umiltà, u modestja. (Salm 31:24; Filippin 2:3) Minkejja li kienet mara sabiħa u kellha ċertu pożizzjoni, hi ħadet parir u fittxet l-għajnuna. Meta tkellmet maʼ żewġha, hi użat it-tattika u wriet rispett imma fl-istess ħin kienet kuraġġuża. U fi żmien taʼ periklu kbir għal-Lhud, hi b’kuraġġ identifikat lilha nfisha bħala waħda minnhom.

  Eva

 Min kienet Eva? Hi kienet l-ewwel mara li nħolqot u l-ewwel mara li tissemma fil-Bibbja.

 X’għamlet? Eva m’obdietx kmand ċar mingħand Alla. Bħal żewġha, Adam, Eva ġiet maħluqa perfetta bil-libertà tal-għażla u bl-abbiltà li tiżviluppa kwalitajiet divini, bħall-imħabba u l-għerf. (Ġenesi 1:27) Eva kienet taf li Alla qal lil Adam li jekk jieklu minn ċertu siġra, huma kienu se jmutu. Imma hi ġiet imqarrqa minn Satana u emmnet li ma kinitx se tmut. Infatti, Satana ġegħelha temmen li hi kienet se tgħix aħjar jekk ma tobdix lil Alla. Hi kielet il-frotta u iktar tard ikkonvinċiet lil żewġha biex jikolha wkoll.—Ġenesi 3:1-6; 1 Timotju 2:14.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Eva? Eva hi eżempju taʼ twissija dwar kemm hu perikoluż li tibqaʼ thewden fuq xewqat ħżiena. Minkejja l-kmand ċar t’Alla, hi żviluppat xewqa kbira biex tieħu dak li ma kienx tagħha.—Ġenesi 3:6; 1 Ġwanni 2:16.

  Ġagħel

 Min kienet Ġagħel? Hi kienet il-mara taʼ Ħeber u ma kinitx Iżraelija. Ġagħel appoġġat b’kuraġġ il-poplu t’Alla.

 X’għamlet? Ġagħel aġixxiet b’mod deċiżiv meta Sisera, il-kap tal-armata tal-Kangħanin, mar fit-tinda tagħha. Sisera kien tilef il-battalja tiegħu kontra Iżrael u issa kien qed ifittex post fejn jistaħba u jistrieħ. Ġagħel stidnitu fit-tinda tagħha biex jistaħba u jistrieħ. Waqt li kien rieqed, hi qatlitu.—Imħallfin 4:17-21.

 L-azzjoni taʼ Ġagħel wettqet profezija li kienet qalitha Debora: “Ġeħova se jerħi lil Sisera f’idejn mara.” (Imħallfin 4:9) Għall-irwol li kellha, Ġagħel ġiet imfaħħra bħala “l-iktar imbierka fost in-nisa.”—Imħallfin 5:24.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Ġagħel? Ġagħel ħadet l-inizjattiva u kienet kuraġġuża. L-esperjenza tagħha turi kif Alla jistaʼ jimmanuvra l-affarijiet sabiex jitwettqu l-profeziji.

  Ġeżabel

 Min kienet Ġeżabel? Hi kienet il-mara tas-sultan Iżraeli Aħab. Hi ma kinitx Iżraelija u ma kinitx taqdi lil Ġeħova. Minflok, hi kienet tqim lill-alla Kangħani Bagħal.

 X’għamlet? Is-Sultana Ġeżabel kienet dominanti, kattiva, u vjolenti. Hi kienet tinkuraġġixxi l-qima taʼ Bagħal u l-immoralità sesswali li kienet assoċjata maʼ din il-qima. Fl-istess ħin, hi pprovat teqred għalkollox il-qima tal-Alla l-veru, Ġeħova.—1 Slaten 18:4, 13; 19:1-3.

 Biex tikseb dak li riedet, Ġeżabel gidbet u qatlet lil xi nies. (1 Slaten 21:8-16) Bħalma bassar Alla, hi mietet mewta vjolenti u ma ġietx midfuna.—1 Slaten 21:23; 2 Slaten 9:10, 32-37.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Ġeżabel? Ġeżabel hi eżempju taʼ twissija. Peress li kienet mara bla morali u tasal biex tagħmel kollox biex tikseb dak li trid, isimha sar simbolu taʼ persuna li ma tħoss l-ebda mistħija għall-ħażen, li hi immorali, li m’għandha l-ebda rispett lejn l-awtorità, u li ma jimpurtahiex jekk dak li tagħmel hu ħażin.

  Ħanna

 Min kienet Ħanna? Hi kienet il-mara taʼ Elkana u omm Samwel, li kien sar profeta magħruf f’Iżrael tal-qedem.—1 Samwel 1:1, 2, 4-7.

 X’għamlet? Meta Ħanna ma kellhiex tfal, hi daret lejn Alla għall-faraġ. Ir-raġel taʼ Ħanna kellu żewġ nisa. Il-mara l-oħra tiegħu, Peninna, kellha t-tfal, imma Ħanna baqgħet bla tfal għal żmien twil wara li żżewġet. Peninna b’kattiverija kienet toqgħod taqbad magħha, imma Ħanna kienet titlob lil Alla għall-faraġ. Hi għamlet wegħda lil Alla u qaltlu li jekk jagħtiha iben, hi kienet se tagħtih it-tifel billi tagħmel arranġament ħalli t-tifel jaqdi fit-tabernaklu, li kien tinda li tinġarr u li kien jintuża mill-Iżraelin għall-qima.—1 Samwel 1:11.

 Alla wieġeb it-talba taʼ Ħanna u hi welldet lil Samwel. Ħanna żammet kelmitha u ħadet lil Samwel biex jaqdi fit-tabernaklu meta kien għadu tifel ċkejken. (1 Samwel 1:27, 28) Sena wara oħra, hi kienet tagħmillu libsa bla kmiem u tiħodhielu. Maż-żmien, Alla bierek lil Ħanna b’ħamest itfal oħra—tliet subien u żewġt ibniet.—1 Samwel 2:18-21.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Ħanna? It-talb mill-qalb taʼ Ħanna għenha tissaporti l-provi. It-talba tagħha taʼ gratitudni li nsibu fl-1 Samwel 2:1-10 turi l-fidi kbira li kellha f’Alla.

  •  Għal iktar informazzjoni dwar Ħanna, ara l-artiklu “Fetħet Qalbha m’Alla bit-Talb.”

  •  Għal iktar informazzjoni dwar għala Alla ttollera l-poligamija fost in-nies tiegħu fil-qedem, ara l-artiklu “Hija Aċċettabbli l-Poligamija?”

  It-tfajla Sulamija

 Min kienet it-tfajla Sulamija? Hi kienet tfajla raħlija mill-isbaħ u l-karattru prinċipali tal-ktieb tal-Bibbja msejjaħ L-Għanja taʼ Salamun. Il-Bibbja ma tgħidilniex isimha.

 X’għamlet? It-tfajla Sulamija baqgħet leali lejn il-ġuvni ragħaj li kienet tħobb. (L-Għanja taʼ Salamun 2:16) Imma s-sbuħija unika tagħha ġibdet l-attenzjoni tas-Sultan Salamun li kien sinjur ħafna. Hu pprova jirbaħ l-affezzjoni tagħha. (L-Għanja taʼ Salamun 7:6) Għalkemm oħrajn ħeġġewha biex tagħżel lil Salamun, it-tfajla Sulamija m’aċċettatx. Hi kienet tħobb lir-ragħaj umli u kienet leali lejh.—L-Għanja taʼ Salamun 3:5; 7:10; 8:6.

 X’nistgħu nitgħallmu mit-tfajla Sulamija? Hi kienet modesta minkejja li kienet sabiħa u ngħatat ħafna attenzjoni. Hi ma ħallietx il-pressjoni minn dawk taʼ madwarha jew il-wegħda li ssir sinjura u popolari twaqqafha milli tħobb il-ġuvni ragħaj. Hi kkontrollat l-emozzjonijiet tagħha u baqgħet nadifa moralment.

  Lea

 Min kienet Lea? Hi kienet l-ewwel mara tal-patrijarka Ġakobb. Oħtha ż-żgħira, Rakele, kienet il-mara l-oħra.—Ġenesi 29:20-29.

 X’għamlet? Lea kellha sitt subien minn Ġakobb. (Rut 4:11) Ġakobb kellu l-ħsieb li jiżżewweġ lil Rakele u mhux lil Lea. Madankollu, missierhom, Laban, irranġa biex Lea tieħu post Rakele. Meta Ġakobb irrealizza li kien ġie mqarraq, hu ffaċċja lil Laban. Laban qal li ma kinitx id-drawwa li ż-żgħira tiżżewweġ qabel il-kbira. Ġimgħa wara, Ġakobb iżżewweġ lil Rakele.—Ġenesi 29:26-28.

 Ġakobb kien iħobb lil Rakele iktar milli kien iħobb lil Lea. (Ġenesi 29:30) Minħabba f’hekk, daħlet l-għira u Lea kienet tikkompeti m’oħtha għall-imħabba u l-attenzjoni taʼ Ġakobb. Alla nnota kif kienet qed tħossha Lea u berikha b’sebat itfal—sitt subien u tifla.—Ġenesi 29:31.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Lea? Lea straħet fuq Ġeħova bit-talb u minkejja li kellha l-problemi fil-familja tagħha, hi xorta rrikonoxxiet li Alla kien qed jgħinha. (Ġenesi 29:32-35; 30:20) Ir-rakkont taʼ ħajjitha juri b’mod realistiku kemm iġġib problemi l-poligamija, arranġament li Alla kien ittollera għal xi żmien. Il-livell taʼ żwieġ li hu japprova hu dak bejn raġel wieħed u mara waħda.—Mattew 19:4-6.

  •  Għal iktar informazzjoni dwar Lea, ara l-artiklu f’It-Torri tal-Għassa tal-1 t’Ottubru 2007, paġna 8, “Aħwa Mnikktin li ‘Bnew id-Dar taʼ Iżrael.ʼ”

  •  Għal iktar informazzjoni dwar għala Alla ttollera l-poligamija fost in-nies tiegħu fil-qedem, ara l-artiklu “Hija Aċċettabbli l-Poligamija?”

  Marija (oħt Marta u Lazzru)

 Min kienet Marija? Flimkien maʼ ħuha Lazzru u oħtha Marta, hi kienet ħabiba sew taʼ Ġesù.

 X’għamlet? Marija għal darba wara l-oħra wriet li kienet tirrispetta lil Ġesù bħala l-Iben t’Alla. Hi esprimiet il-fiduċja tagħha li Ġesù setaʼ jiskansa l-mewt taʼ ħuha Lazzru, u kienet preżenti meta Ġesù rxoxtah. Oħtha Marta kkritikat lil Marija meta Marija għażlet li tismaʼ lil Ġesù minflok tgħinha fix-xogħol tad-dar. Imma Ġesù faħħar lil Marija talli għażlet l-affarijiet spiritwali qabel l-affarijiet l-oħra.—Luqa 10:38-42.

 F’okkażjoni oħra, Marija kienet ġeneruża ħafna maʼ Ġesù meta tefgħet “żejt ifuħ li kien jiswa ħafna flus” fuq ras u saqajn Ġesù. (Mattew 26:6, 7) Oħrajn li kienu preżenti bdew jgħidu li Marija kienet ħalja. Imma Ġesù ddefendieha u qal: “Kulfejn tixxandar din l-aħbar tajba [tas-Saltna t’Alla] fid-dinja kollha, dak li għamlet din il-mara jissemma wkoll b’tifkira tagħha.”—Mattew 24:14; 26:8-13.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Marija? Marija kellha fidi kbira. Għaliha li tqim lil Alla kien iktar importanti minn kull ħaġa oħra. U hi b’mod umli onorat lil Ġesù anki meta dan kien se jiswielha ħafna flus.

  Marija (omm Ġesù)

 Min kienet Marija? Hi kienet tfajla Lhudija u kienet verġni meta welldet lil Ġesù, għax l-iben t’Alla kien ġie mnissel fiha b’mod mirakoluż.

 X’għamlet? Marija b’mod umli għamlet ir-rieda t’Alla. Hi kienet għarusa lil Ġużeppi meta dehrilha anġlu u qalilha li kienet se toħroġ tqila u twelled lill-Messija li kien tant mistenni. (Luqa 1:26-33) Hi minn jeddha aċċettat dan l-irwol. Wara li twieled Ġesù, Marija u Ġużeppi kellhom erbaʼ subien u minn tal-inqas żewġt ibniet oħra. Allura Marija ma baqgħetx verġni. (Mattew 13:55, 56) Minkejja li kellha privileġġ uniku, hi qatt ma riedet li tiġi mfaħħra u qatt ma ġiet trattata b’mod speċjali, la matul il-ministeru taʼ Ġesù u lanqas bħala membru tal-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Marija? Marija kienet mara leali li minn qalbha aċċettat responsabbiltà serja. Hi kienet midħla sew tal-Iskrittura. Jidher li Marija kkwotat l-Iskrittura mal-20 darba meta qalet il-kliem li nsibu f’​Luqa 1:46-55.

  Marija l-Maddalena

 Min kienet Marija l-Maddalena? Hi kienet dixxiplu leali taʼ Ġesù.

 X’għamlet? Marija l-Maddalena kienet waħda minn diversi nisa li kienu jivvjaġġaw maʼ Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Hi b’mod ġeneruż kienet tuża flusha stess biex tieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom. (Luqa 8:1-3) Hi baqgħet issegwi lil Ġesù sat-tmiem tal-ministeru tiegħu u baqgħet fil-viċin meta ġie maqtul. Hi kellha l-privileġġ li tkun fost l-ewwel uħud li raw lil Ġesù wara li ġie rxoxtat.—Ġwanni 20:11-18.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Marija? Marija l-Maddalena appoġġat b’mod ġeneruż il-ministeru taʼ Ġesù u baqgħet dixxiplu leali.

  Mart Lot

 Min kienet mart Lot? Il-Bibbja ma tgħidilniex isimha. Imma tgħidilna li kellha żewġt ibniet u li hi u l-familja tagħha kienu jgħixu fil-belt taʼ Sodoma.—Ġenesi 19:1, 15.

 X’għamlet? Hi m’obdietx kmand t’Alla. Alla kien iddeċieda li jeqred lil Sodoma u l-bliet tal-madwar minħabba l-immoralità sesswali kbira li kien hemm fihom. Lot u l-familja tiegħu kienu jgħixu f’Sodoma. Peress li Alla kien iħobb lil dan ir-raġel ġust u l-familja tiegħu, Alla bagħat żewġ anġli biex jiħduhom f’post sigur.—Ġenesi 18:20; 19:1, 12, 13.

 L-anġli qalu lill-familja taʼ Lot biex jaħarbu minn fejn kienu qed jgħixu u biex ma jħarsux lura, inkella jmutu. (Ġenesi 19:17) Mart Lot “bdiet tħares lura minn warajh, u saret kolonna tal-melħ.”—Ġenesi 19:26.

 X’nistgħu nitgħallmu minn mart Lot? Ir-rakkont tagħha juri kemm hu perikoluż li tkun tħobb l-affarijiet materjali sal-punt li tasal li ma tobdix lil Alla. Ġesù semmieha bħala eżempju taʼ twissija. Hu qal: “Ftakru f’mart Lot.”—Luqa 17:32.

  Marta

 Min kienet Marta? Hi kienet oħt Lazzru u Marija u t-tlieta li huma kienu jgħixu fir-raħal taʼ Betanja qrib Ġerusalemm.

 X’għamlet? Marta kienet ħabiba sew taʼ Ġesù u hu “kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru.” (Ġwanni 11:5) Marta kienet mara ospitabbli. Darba minnhom meta Ġesù kien mar għandhom, Marija għażlet li toqgħod tismaʼ lil Ġesù waqt li Marta ħadet ħsieb ix-xogħol tad-dar. Marta lmentat maʼ Ġesù li Marija ma kinitx qed tgħinha. Ġesù b’qalb tajba kkoreġa l-ħarsa taʼ Marta.—Luqa 10:38-42.

 Meta Lazzru marad, Marta u oħtha bagħtu għal Ġesù b’fiduċja li hu setaʼ jfejjaq lil ħuhom. (Ġwanni 11:3, 21) Imma Lazzru miet. Il-konversazzjoni li Marta kellha maʼ Ġesù turi li hi kellha fiduċja fil-wegħda tal-Bibbja li se jkun hemm irxoxt u fl-abbiltà taʼ Ġesù li jerġaʼ jagħti l-ħajja lil ħuha.—Ġwanni 11:20-27.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Marta? Marta kienet ospitabbli ħafna. Hi kienet lesta taċċetta parir. Hi tkellmet bil-miftuħ dwar dak li kienet tħoss u l-fidi tagħha.

  •  Għal iktar informazzjoni dwar Marta, ara l-artiklu “Jien Nemmen.”

  Mirjam

 Min kienet Mirjam? Hi kienet oħt Mosè u Aron. Hi l-ewwel mara fil-Bibbja li tissejjaħ profetessa.

 X’għamlet? Bħala profetessa, hi kellha l-irwol li tgħid lil oħrajn il-messaġġi t’Alla. Hi kellha pożizzjoni prominenti f’Iżrael u kantat l-għanja taʼ rebħa flimkien mal-irġiel wara li Alla qered l-armata Eġizzjana fil-Baħar l-Aħmar.—Eżodu 15:1, 20, 21.

 Xi żmien wara, Mirjam u Aron ikkritikaw lil Mosè. Mid-dehra dan kien minħabba li kien hemm il-kburija u l-għira. Alla “kien qed jismaʼ kollox,” u widdeb bl-aħrax kemm lil Mirjam u kemm lil Aron. (Numri 12:1-9) Imbagħad Alla laqat lil Mirjam bil-ġdiem, milli jidher għax hi kienet il-waħda li bdiet id-diskors negattiv. Meta Mosè talab lil Alla għan-nom tagħha, Alla fejjaqha. Wara sebat ijiem kwarantina, hi tħalliet terġaʼ tmur lura fil-kamp taʼ Iżrael.—Numri 12:10-15.

 Il-Bibbja tindika li Mirjam aċċettat il-korrezzjoni. Sekli wara, Alla semma l-privileġġ uniku tagħha meta fakkar lill-poplu taʼ Iżrael: “Bgħatt quddiemek lil Mosè, lil Aron, u lil Mirjam.”—Mikea 6:4.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Mirjam? Ir-rakkont taʼ Mirjam jurina li Alla jagħti kas x’jgħidu l-adoraturi tiegħu lil xulxin jew dwar xulxin. Nitgħallmu wkoll li biex nogħġbu lil Alla rridu nevitaw il-kburija u l-għira—karatteristiki li jistgħu jħassru r-reputazzjoni tajba t’oħrajn.

  Raħab

 Min kienet Raħab? Hi kienet prostituta tgħix fil-belt Kangħanija taʼ Ġeriko u hi bdiet tqim lil Alla Ġeħova.

 X’għamlet? Raħab ħbiet żewġ Iżraelin li kienu qed jitkixxfu l-art. Hi għamlet dan għax kienet semgħet dwar kif l-Alla taʼ Iżrael, Ġeħova, ħeles lill-poplu tiegħu mill-Eġittu u iktar tard mill-attakk tat-tribù tal-Amurrin.

 Raħab għenet lill-ispiji u talbithom bil-ħniena biex isalvaw lilha u lill-familja tagħha meta l-Iżraelin kienu se jmorru jeqirdu Ġeriko. Huma qablu imma b’ċerti kundizzjonijiet: Hi kellha żżomm dan kollu bħala sigriet, hi u l-familja tagħha kellhom jibqgħu ġewwa d-dar meta l-Iżraelin kienu se jattakkaw, u kellha ddendel qafla lewn l-iskarlat mit-tieqa tagħha biex tingħaraf id-dar tagħha. Raħab obdiet kull struzzjoni u hi u l-familja tagħha baqgħu ħajjin meta l-Iżraelin ħatfu l-belt taʼ Ġeriko.

 Raħab iktar tard iżżewġet raġel Iżraeli u saret antenata kemm tas-Sultan David u kemm taʼ Ġesù Kristu.—Ġożwè 2:1-24; 6:25; Mattew 1:5, 6, 16.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Raħab? Il-Bibbja tirreferi għal Raħab bħala eżempju li jispikka tal-fidi. (Ebrej 11:30, 31; Ġakbu 2:25) Ir-rakkont tagħha juri li Alla jaħfer u li hu wkoll imparzjali, u li jbierek lil dawk li jafdawh, ikun xi jkun il-passat tagħhom.

  Rakele

 Min kienet Rakele? Hi kienet bint Laban u l-mara favorita tal-patrijarka Ġakobb.

 X’għamlet? Rakele żżewġet lil Ġakobb u kellha żewġ ulied subien, u dawn kienu fost il-kapijiet tal-familja tat-12-il tribù taʼ Iżrael tal-qedem. Rakele ltaqgħet mar-raġel li kienet se tiżżewweġ waqt li kienet qed tieħu ħsieb in-nagħaġ taʼ missierha. (Ġenesi 29:9, 10) Hi kienet “sabiħa” ħafna mqabbla m’oħtha l-kbira Lea.—Ġenesi 29:17.

 Ġakobb sar iħobb lil Rakele u qabel li jaħdem sebaʼ snin sabiex ikun jistaʼ jiżżewwiġha. (Ġenesi 29:18) Imma Laban qarraq bih u l-ewwel tah lil Lea biex tkun martu. Wara dan, Laban ippermetta li Ġakobb jiżżewweġ lil Rakele.—Ġenesi 29:25-27.

 Ġakobb kien iħobb lil Rakele u liż-żewġ uliedha iktar milli kien iħobb lil Lea u lit-tfal li kellu minnha. (Ġenesi 37:3; 44:20, 27-29) Minħabba f’hekk, kien hemm rivalità bejn iż-żewġ nisa.—Ġenesi 29:30; 30:1, 15.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Rakele? Rakele ssaportiet sitwazzjoni diffiċli fil-familja imma qatt ma tilfet it-tama li Alla kien se jismaʼ t-talb tagħha. (Ġenesi 30:22-24) Ir-rakkont tagħha juri kemm il-poligamija hi diffiċli għal familja. L-esperjenza taʼ Rakele turi kemm Alla kien għaref meta għamel il-livell taż-żwieġ—dak li raġel ikollu biss mara waħda.—Mattew 19:4-6.

  •  Għal iktar informazzjoni dwar Rakele, ara l-artiklu “Aħwa Mnikktin li ‘Bnew id-Dar taʼ Iżrael.ʼ”

  •  Għal iktar informazzjoni dwar għala Alla ttollera l-poligamija fost in-nies tiegħu fil-qedem, ara l-artiklu “Hija Aċċettabbli l-Poligamija?”

  Rebekka

 Min kienet Rebekka? Hi kienet il-mara taʼ Iżakk u omm it-tewmin tagħhom, Ġakobb u Għesaw.

 X’għamlet? Rebekka għamlet ir-rieda t’Alla, anki meta li tagħmel dan kien diffiċli. Waqt li hi kienet qed ittellaʼ l-ilma minn bir, raġel talabha biex tagħtih ftit ilma. Rebekka minnufih tatu jixrob u offriet li ttellaʼ l-ilma għall-iġmla tar-raġel ukoll. (Ġenesi 24:15-20) Dan ir-raġel kien il-qaddej t’Abraham u hu kien ivvjaġġa distanza twila biex isib mara għal Iżakk, it-tifel t’Abraham. (Ġenesi 24:2-4) Hu wkoll kien talab għall-barka t’Alla. Meta ra kemm Rebekka kienet bieżla u ospitabbli, hu rrealizza li Alla kien wieġeb it-talba tiegħu. Alla kien indika li din kienet l-għażla tiegħu għal Iżakk.—Ġenesi 24:10-14, 21, 27.

 Meta Rebekka saret taf għala kien mar dan il-qaddej, hi qablet li tmur lura miegħu u ssir il-mara taʼ Iżakk. (Ġenesi 24:57-59) Rebekka eventwalment kellha tewmin. Alla kien irrivelalha li t-tifel il-kbir Għesaw kien se jaqdi lil ħuh iżgħar Ġakobb. (Ġenesi 25:23) Meta Iżakk għamel arranġament biex jagħti l-barka tal-ewwel imwieled lil Għesaw, Rebekka ħadet passi biex tagħmel ċert li l-barka tmur għand Ġakobb, fi qbil maʼ dak li kienet taf li hu r-rieda t’Alla.—Ġenesi 27:1-17.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Rebekka? Rebekka kienet modesta, bieżla, u ospitabbli. Dawn il-kwalitajiet għenuha biex tirnexxi bħala mara miżżewġa, omm, u aduratriċi tal-Alla l-veru.

  •  Għal iktar informazzjoni dwar Rebekka, ara l-artiklu “Irrid immur.”

  Rut

 Min kienet Rut? Hi kienet mara Mowabija li telqet lil allatha u lil pajjiżha biex tibda taqdi lil Ġeħova fl-art taʼ Iżrael.

 X’għamlet? Rut uriet imħabba straordinarja lejn il-kunjata tagħha Nagħomi. Nagħomi, flimkien maʼ żewġha u ż-żewġ uliedhom subien, kienet marret Mowab minħabba li kien hemm il-ġuħ f’Iżrael. Eventwalment it-tfal tagħha żżewġu nisa Mowabin li kien jisimhom Rut u Għorfa. Imma maż-żmien, mietu kemm ir-raġel taʼ Nagħomi u anki wliedha, u għalhekk it-tliet nisa spiċċaw romol.

 Nagħomi ddeċidiet li tmur lura Iżrael, fejn in-nixfa sa dak iż-żmien kienet spiċċat. Rut u Għorfa għażlu li jmorru magħha. Imma Nagħomi qaltilhom biex imorru lura għand qrabathom. Għorfa hekk għamlet. (Rut 1:1-6, 15) Imma Rut lealment baqgħet mal-kunjata tagħha. Hi kienet tħobb lil Nagħomi u riedet tqim lill-Alla taʼ Nagħomi, Ġeħova.—Rut 1:16, 17; 2:11.

 Minħabba li Rut kienet persuna leali lejn il-kunjata tagħha u waħda li taħdem iebes, hi malajr kisbet reputazzjoni tajba f’Betlem, il-belt taʼ Nagħomi. Raġel sinjur jismu Bogħaż tgħidx kemm baqaʼ impressjonat b’Rut u pprovda b’mod ġeneruż ikel għaliha u għal Nagħomi. (Rut 2:5-7, 20) Rut iktar tard iżżewġet lil Bogħaż u saret antenata kemm tas-Sultan David u kemm taʼ Ġesù Kristu.—Mattew 1:5, 6, 16.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Rut? Peress li kienet tħobb lil Nagħomi u lil Ġeħova, Rut minn jeddha telqet darha u l-familja tagħha. Hi kienet taħdem iebes, devota, u leali, anki meta ffaċċjat ħafna problemi.

  Sara

 Min kienet Sara? Hi kienet il-mara t’Abraham u omm Iżakk.

 X’għamlet? Sara telqet il-ħajja komda li kellha fil-belt sinjura taʼ Ur għax hi kellha fidi fil-wegħdi li Alla għamel lil żewġha Abraham. Alla qal lil Abraham biex jitlaq minn Ur u jmur fl-art taʼ Kangħan. Alla wiegħed li jbierku u li se jagħmlu ġens kbir. (Ġenesi 12:1-5) Sara jistaʼ jkun li kellha fuq is-60 sena dak iż-żmien. Minn dakinhar ’il quddiem, Sara u żewġha għexu fit-tined u kienu jimxu minn post għal ieħor.

 Għalkemm din il-ħajja nomada kienet perikoluża, Sara appoġġat lil żewġha hekk kif hu segwa d-direzzjoni t’Alla. (Ġenesi 12:10, 15) Għal bosta snin, Sara ma kellhiex tfal u dan kien inikkitha ħafna. Però, Alla kien wiegħed li se jbierek in-nisel t’Abraham. (Ġenesi 12:7; 13:15; 15:18; 16:1, 2, 15) Maż-żmien, Alla kkonferma li Sara kien se jkollha l-iben t’Abraham. Meta hi welldet kienet qabżet sew is-snin li n-nisa jistaʼ jkollhom it-tfal. Hi kellha 90 sena u żewġha kellu 100 sena. (Ġenesi 17:17; 21:2-5) Huma semmew it-tifel Iżakk.

 X’nistgħu nitgħallmu minn Sara? L-eżempju taʼ Sara jgħallimna li dejjem nistgħu nafdaw li Alla se jwettaq il-wegħdi tiegħu, anki dawk li jidhru impossibbli! (Ebrej 11:11) U l-eżempju tagħha bħala mara miżżewġa jenfasizza kemm hu importanti li jkun hemm ir-rispett fiż-żwieġ.—1 Pietru 3:5, 6.

 Iż-Żmien Li Għexu Fih Dawn in-Nisa Li Jissemmew fil-Bibbja

  1.  Eva

  2. Dulluvju (2370 QK)

  3.  Sara

  4.  Mart Lot

  5.  Rebekka

  6.  Lea

  7.  Rakele

  8. Eżodu (1513 QK)

  9.  Mirjam

  10.  Raħab

  11.  Rut

  12.  Debora

  13.  Ġagħel

  14.  Dalila

  15.  Ħanna

  16. L-ewwel sultan taʼ Iżrael (1117 QK)

  17.  Abigajl

  18.  It-tfajla Sulamija

  19.  Ġeżabel

  20.  Ester

  21.  Marija (omm Ġesù)

  22. Magħmudija taʼ Ġesù (29 WK)

  23.  Marta

  24.  Marija (oħt Marta u Lazzru)

  25.  Marija l-Maddalena

  26. Il-mewt taʼ Ġesù (33 WK)