Ġenesi 17:1-27

  • Abraham se jsir missier taʼ ħafna ġnus (1-8)

    • Isem Abram jiġi mibdul għal Abraham (5)

  • Il-patt taċ-ċirkonċiżjoni (9-14)

  • Isem Saraj jiġi mibdul għal Sara (15-17)

  • Jiġi mwiegħed Iżakk bħala iben (18-27)

17  Meta Abram kellu 99 sena, Ġeħova deherlu u qallu: “Jien l-Alla li Jistaʼ Kollox. Imxi quddiemi u uri li int bla ħtija.*  Jien nagħmel il-patt tiegħi bejni u bejnek, u jien inkabbrek fuq li nkabbrek.”  Xħin semaʼ dan, Abram inxteħet wiċċu fl-art, u Alla kompla jkellmu u jgħidlu:  “Il-patt tiegħi hu miegħek, u int żgur issir missier taʼ ħafna popli.  Ismek ma jkunx iktar Abram;* ismek isir Abraham,* għax se nagħmlek missier taʼ ħafna popli.  Jien se nagħtik ħafna u ħafna tfal, u minnek joħorġu popli u rejiet.  “U nżomm il-patt tiegħi bejni u bejnek u bejn id-dixxendenti tiegħek* minn ġenerazzjoni għal oħra. Dan ikun patt għal dejjem biex inkun Alla għalik u għad-dixxendenti tiegħek.*  U nagħti lilek u lid-dixxendenti tiegħek* l-art fejn int qed tgħix bħala barrani, l-art kollha taʼ Kangħan, għal żmien twil, u jien inkun l-Alla tagħhom.”  Alla kompla jgħid lil Abraham: “Inkwantu għalik, int trid iżżomm il-patt tiegħi, int u d-dixxendenti tiegħek* minn ġenerazzjoni għal oħra. 10  Dan hu l-patt tiegħi bejni u bejnek, sabiex int u d-dixxendenti tiegħek* iżżommuh: Kull raġel u tifel fostkom irid jiġi ċirkonċiż. 11  Iċ-ċirkonċiżjoni għandha sservi bħala sinjal tal-patt bejni u bejnkom. 12  Minn ġenerazzjoni għal oħra, kull tifel li jitwieled fid-dar tiegħek għandu jiġi ċirkonċiż meta jkollu tmint ijiem. U jrid jiġi ċirkonċiż ukoll kull raġel u tifel li nxtara bil-flus mingħand barrani u li mhux mid-dixxendenti tiegħek.* 13  Kull raġel li jitwieled f’darek u kull raġel li jinxtara bi flusek għandu jiġi ċirkonċiż, u l-patt tiegħi f’laħamkom irid iservi bħala patt għal żmien twil. 14  U kull raġel u tifel li ma jkunx ċirkonċiż u li ma jagħmilx iċ-ċirkonċiżjoni, irid jiġi maqtul,* għax ikun kiser il-patt tiegħi.” 15  Imbagħad Alla qal lil Abraham: “U lil martek Saraj m’għandekx tgħajtilha Saraj,* għaliex Sara* jsir isimha. 16  Jien inberikha u wkoll nagħtik iben minnha; inberikha u hi ssir omm taʼ ħafna popli u rejiet.” 17  Għal dan Abraham inxteħet wiċċu fl-art, u beda jidħaq u jgħid f’qalbu: “Raġel taʼ 100 sena se titwilidlu tarbija, u Sara, mara taʼ 90 sena, se twelled?” 18  Allura Abraham qal lill-Alla l-veru: “Jalla jgħix Ismagħel quddiemek!” 19  U Alla qallu: “Martek Sara żgur li tilidlek iben, u għandek issemmih Iżakk.* U jien nikkonferma l-patt tiegħi miegħu. Dan se jkun patt għal dejjem mad-dixxendenti tiegħu.* 20  Imma dak li għedt dwar Ismagħel, smajtu. Jien inbierku u jkollu ħafna tfal u nkabbru fuq li nkabbru. Minnu se joħorġu 12-il kap taʼ tribù, u se nagħmlu poplu kbir. 21  Madankollu, jien se nikkonferma l-patt tiegħi maʼ Iżakk, li se tilidlek Sara bħal dan iż-żmien sena.” 22  Meta Alla qal dan il-kliem lil Abraham, telaq minn ħdejh. 23  Abraham imbagħad ħa lil ibnu Ismagħel, lill-irġiel kollha li twieldu f’daru, u lil kull min kien xtara bil-flus, jiġifieri lil kull raġel u tifel fid-dar tiegħu, u għamlilhom iċ-ċirkonċiżjoni dakinhar stess, bħalma kien qallu Alla. 24  Abraham kellu 99 sena meta saritlu ċ-ċirkonċiżjoni. 25  U ibnu Ismagħel kellu 13-il sena meta saritlu ċ-ċirkonċiżjoni. 26  Dakinhar stess, ġie ċirkonċiż Abraham u ibnu Ismagħel ukoll. 27  L-irġiel kollha taʼ daru, kull min twieled fid-dar u kull min inxtara bil-flus mingħand xi barrani, ġew ċirkonċiżi miegħu wkoll.

Noti taʼ taħt

Jew “bla nuqqas.”
Ifisser “Missier Hu Għoli (Eżaltat).”
Ifisser “Missier Kotra (Folla); Missier taʼ Ħafna.”
Jew “dawk li se jiġu minnek.”
Jew “għal dawk li se jiġu minnek.”
Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”
Jew “dawk li se jiġu minnek.”
Jew “dawk li se jiġu minnek.”
Jew “li ma jiġix minnek.”
Jew “maqtugħ mill-poplu tiegħu.”
Jistaʼ jfisser “Ġellieda.”
Ifisser “Prinċipessa.”
Ifisser “Daħq.”
Jew “maʼ dawk li se jiġu minnu.”