Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU DISGĦA

Aġixxiet b’Għaqal

Aġixxiet b’Għaqal

1-3. (a) In-​nies taʼ dar Abigajl kif sabu ruħhom fil-​periklu? (b) X’se nitgħallmu dwar din il-​mara straordinarja?

ABIGAJL intebħet li ż-​żagħżugħ qabdu ferħ taʼ ġenn. Kien imwerwer—u bir-​raġun. Kien riesaq periklu gravi. Proprju f’dak il-​mument kienu ġejjin madwar 400 gwerrier, determinati li joqtlu lil kull raġel u tifel mid-​dar taʼ Nabal, ir-​raġel taʼ Abigajl. Għala?

2 Kollox kien beda b’Nabal. Kien aġixxa b’kattiverija u b’mod insolenti—bħas-​soltu. Madankollu, din id-​darba kien qed jissogra għax insulta lill-​kmandant maħbub taʼ grupp taʼ gwerriera leali u mħarrġin sew. Issa, wieħed mill-​ħaddiema żgħażagħ taʼ Nabal, forsi xi ragħaj, mar għand Abigajl, fiduċjuż li kienet se tfassal pjan biex issalvahom. Imma mara waħda x’setgħet tagħmel kontra armata sħiħa?

Mara waħda x’setgħet tagħmel kontra armata sħiħa?

3 L-​ewwel, ejja nitgħallmu ftit iktar dwar din il-​mara straordinarja. Min kienet Abigajl? Kif kienet bdiet din il-​kriżi? U x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ fidi tagħha?

“Bil-​Għaqal Ferm u Sabiħa f’Suritha”

4. Nabal x’tip taʼ raġel kien?

4 Abigajl u Nabal ma tantx kienu jaqblu flimkien bħala koppja. Nabal ma setax jagħżel mara aħjar, filwaqt li Abigajl sabet ruħha miżżewġa lil raġel li ma setax ikun agħar. Huwa minnu li Nabal kien tal-​flus. Kien għalhekk li kien iqis lilu nnifsu bħala importanti ħafna. Imma ħaddieħor kif kien iħares lejh? Huwa diffiċli ssib karattru Bibliku li jiġi deskritt bi kliem iktar negattiv. Ismu stess ifisser “Bla Sens,” jew “Stupidu.” Il-​ġenituri tiegħu tawh dan l-​isem meta twieled? Jew kien xi laqam li ngħata iktar tard? Kien x’kien, ismu kien jixraqlu. Nabal kien “aħrax u ħażin f’għemilu.” Peress li kien bùli u sakranazz, kien mistkerrah min-​nies u ħafna kienu jibżgħu minnu.—1 Sam. 25:2, 3, 17, 21, 25.

5, 6. (a) Liema taħseb li kienu l-​iktar kwalitajiet sbieħ taʼ Abigajl? (b) Abigajl għala forsi żżewġet raġel li ma kien tajjeb għal xejn?

5 Abigajl kienet differenti għalkollox minn Nabal. Isimha jfisser “Missieri Feraħ.” Ħafna missirijiet ikunu kburin li jkollhom tifla sabiħa, imma missier għaref ikun ferm iktar ferħan meta t-​tifla jkollha personalità mill-​isbaħ. Spiss, persuna li tkun imbierka b’dehra sabiħa ma tarax il-​bżonn li tikkultiva kwalitajiet bħalma huma l-​għaqal, l-​għerf, il-​kuraġġ, jew il-​fidi. Dan ma kienx il-​każ taʼ Abigajl. Il-​Bibbja tfaħħarha għall-​għaqal kif ukoll għas-​sbuħija tagħha.—Aqra l-​1 Samwel 25:3.

6 Għandu mnejn li xi wħud illum ma jifhmux għala mara żagħżugħa u intelliġenti bħalha żżewġet raġel li ma kien tajjeb għal xejn. Ftakar li ħafna miż-​żwiġijiet fiż-​żminijiet Bibliċi kienu jkunu mlaqqgħin mill-​ġenituri. Jekk le, il-​kunsens tal-​ġenituri xorta kien importanti ħafna. Kienu l-​ġenituri taʼ Abigajl favur dan iż-​żwieġ, u saħansitra rranġawh, għax għamlu bihom l-​għana u l-​prominenza taʼ Nabal? Ħassewhom taħt pressjoni minħabba l-​faqar? Kienet x’kienet ir-​raġuni, il-​flus taʼ Nabal m’għamluhx tajjeb bħala raġel miżżewweġ.

7. (a) Il-​ġenituri llum x’għandhom jevitaw jekk iridu jgħallmu lit-​tfal tagħhom ikollhom ħarsa xierqa lejn iż-​żwieġ? (b) Abigajl x’kienet determinata li tagħmel?

7 B’attenzjoni, ġenituri għaqlin jgħallmu lil uliedhom ikollhom ħarsa xierqa lejn iż-​żwieġ. Huma la jħeġġu lil uliedhom biex jiżżewġu għall-​flus u lanqas ma jpoġġulhom pressjoni biex jibdew joħorġu maʼ xi ħadd tas-​sess oppost taʼ età żgħira, meta ma jkunux għadhom maturi biżżejjed biex jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet bħala raġel u mara miżżewġin. (1 Kor. 7:36) Madankollu, kien tard wisq biex Abigajl taħseb f’dawn l-​affarijiet. Issa kienet miżżewġa lil Nabal u kienet determinata li tagħmel li tistaʼ fis-​sitwazzjoni diffiċli li kienet fiha.

“Hu Għajjat Magħhom u Ċanfarhom”

8. Nabal lil min kien insulta, u għala taħseb li dan ma kienx għaqli?

8 Nabal kien għadu kif għamel is-​sitwazzjoni taʼ Abigajl jerġaʼ iktar diffiċli minn qatt qabel. Ir-​raġel li Nabal kien insulta ma kien ħadd ħlief David. Hu kien il-​qaddej leali taʼ Ġeħova li Samwel il-​profeta kien dilek, u b’hekk wera li David kien magħżul minn Alla biex jieħu post Sawl bħala sultan. (1 Sam. 16:1, 2, 11-​13) Peress li kien qed jaħrab mis-​Sultan Sawl, li kien jgħir għalih u ried joqtlu, David kien qed jgħix fix-​xagħri mas-​600 gwerrier leali tiegħu.

9, 10. (a) David u l-​irġiel tiegħu f’liema sitwazzjoni kienu qed jissieltu biex jibqgħu ħajjin? (b) Nabal għala messu apprezza dak li kienu qed jagħmlu David u l-​irġiel tiegħu? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt taʼ paragrafu 10.)

9 Nabal kien jgħix f’Magħon imma kien jaħdem u x’aktarx li kellu l-​artijiet fil-​Karmel fil-​viċin. * Dawn il-​bliet kienu qalb għoljiet kollhom ħaxix, tajbin biex trabbi n-​nagħaġ, li minnhom Nabal kellu 3,000. Iżda f’dawn l-​inħawi, l-​art ma kinitx kultivata. Lejn in-​Nofsinhar kien hemm ix-​xagħri vast taʼ Faran. Lejn il-​Lvant kien hemm xagħri fl-​imwarrab, miżgħud b’widien u għerien, li kien jagħti għall-​Baħar il-​Mielaħ. F’dawn ir-​reġjuni, David u l-​irġiel tiegħu ssieltu biex jibqgħu ħajjin u bla dubju kienu jikkaċċjaw biex jieklu u ssaportew ħafna tbatijiet. Spiss kienu jiltaqgħu maʼ rġiel żgħażagħ li kienu jaħdmu bħala rgħajja għal Nabal li kien għani.

10 Dawk is-​suldati li kienu jaħdmu iebes kif ittrattawhom lir-​rgħajja? Kien ikun faċli għalihom li kultant jaqbdu u jieħdu xi nagħġa, imma lanqas kien jgħaddilhom minn moħħhom li jagħmlu dan. Għall-​kuntrarju, kienu bħal sur protettiv madwar l-​imrieħel u l-​qaddejja taʼ Nabal. (Aqra l-​1 Samwel 25:15, 16.) In-​nagħaġ u r-​rgħajja ffaċċjaw ħafna perikli. L-​annimali salvaġġi kienu kotrana lura f’dak iż-​żmien u l-​fruntiera tan-​Nofsinhar taʼ Iżrael tant kienet qrib li spiss kienu jattakkawhom marmalji taʼ nies taʼ qattagħni u ħallelin li lkoll kienu jkunu barranin. *

11, 12. (a) David kif wera tattika u rispett fil-​messaġġ tiegħu lil Nabal? (b) X’kien hemm ħażin fil-​mod kif Nabal wieġeb għall-​messaġġ taʼ David?

11 Kienet biċċa xogħol ġmielha li titmaʼ lil dawk l-​irġiel kollha fix-​xagħri. Għalhekk, jum fost l-​oħrajn, David bagħat għaxar messaġġiera għand Nabal biex jitolbuh l-​għajnuna. David għażel il-​mument b’għaqal. Kien iż-​żmien taʼ ċelebrazzjoni meta kienu jġiżżu n-​nagħaġ u meta n-​nies normalment kienu jkunu ġenerużi. Ukoll, David għażel kliem bir-​reqqa billi indirizzah b’rispett. Hu saħansitra rrefera għalih innifsu bħala “ibnek David,” forsi bħala rikonoxximent b’rispett tal-​età iktar avanzata taʼ Nabal. Nabal kif irreaġixxa?—1 Sam. 25:5-​8.

12 Kien mgħaddab sew! “Hu għajjat magħhom u ċanfarhom.” Iż-​żagħżugħ li ssemma fil-​bidu hekk iddeskrivieha x-​xena lil Abigajl. Nabal, li kien xħiħ, gerger b’leħen għoli dwar il-​ħobż, l-​ilma, u l-​annimali maqtulin prezzjużi tiegħu. Hu waqqaʼ għaċ-​ċajt lil David bħala xi ħadd li ma kienx importanti u qabblu maʼ qaddej li qed jaħrab. Il-​ħarsa taʼ Nabal setgħet kienet simili għal dik taʼ Sawl, li kien jobogħdu lil David. Ebda raġel minnhom ma kellu l-​ħarsa taʼ Ġeħova. Alla kien iħobb lil David u ma rahx bħala lsir ribelluż, iżda bħala dak li kellu jsir sultan taʼ Iżrael fil-​futur.—1 Sam. 25:10, 11, 14.

13. (a) Għall-​ewwel David kif irreaġixxa għall-​insult taʼ Nabal? (b) Il-​prinċipju mniżżel f’​Ġakbu 1:20, x’jgħallimna dwar ir-​reazzjoni taʼ David?

13 Meta l-​messaġġiera qalu lil David x’kien ġara, hu inkorla bl-​ikrah. “Tħażżmu kull wieħed b’sejfu!” ikkmanda hu. David ħejja ruħu għall-​ġlied u mexxa lil 400 raġel biex jattakkaw. Hu ħalef li joqtol lil kull raġel u tifel mid-​dar taʼ Nabal. (1 Sam. 25:12, 13, 21, 22) Nistgħu nifhmu għala David irrabja, imma l-​mod kif esprima r-​rabja tiegħu kien ħażin. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​korla tal-​bniedem ma twettaqx dak li hu sewwa f’għajnejn Alla.” (Ġak. 1:20) Iżda Abigajl kif setgħet issalva lil taʼ darha?

“Imbierka Int li Int Sensibbli”

14. (a) Abigajl f’liema sens ħadet l-​ewwel pass biex tpatti għall-​ħażen taʼ Nabal? (b) Liema lezzjoni prattika nistgħu nitgħallmu mill-​kuntrast bejn Nabal u Abigajl? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

14 F’ċertu sens, diġà rajna lil Abigajl tieħu l-​ewwel pass biex tpatti għal dan il-​ħażen serju. Għall-​kuntrarju taʼ żewġha Nabal, hi wriet li kienet lesta li tagħti widen. Rigward li jpoġġi l-​kwistjoni quddiem Nabal, il-​qaddej żagħżugħ qal hekk dwaru: “Hu assolutament bniedem li m’hu tajjeb għal xejn biex tkellmu.” * (1 Sam. 25:17) B’sogħba, Nabal tant kien jippretendiha li ma kienx lest li jagħti widen lil ħaddieħor. Din l-​arroganza għadha komuni ħafna saħansitra sal-​ġurnata tal-​lum. Iżda ż-​żagħżugħ kien jaf li Abigajl ma kinitx tal-​istess pezza, u bla dubju kien għalhekk li avviċinaha b’din il-​problema.

Kuntrarju għal Nabal, Abigajl uriet li kienet lesta li tagħti widen

15, 16. (a) Abigajl kif uriet li kienet bħall-​mara kapaċi deskritta fil-​ktieb tal-​Proverbji? (b) Dak li għamlet Abigajl għala ma kienx każ taʼ ribelljoni kontra d-​dritt li żewġha jkun il-​kap tal-​familja?

15 Abigajl bdiet taħseb u aġixxiet bla telf taʼ ħin. B’mod ċar, f’dan ir-​rakkont naraw li Abigajl ma qagħditx titnikker biex taġixxi. Hi ħejjiet għotja ġeneruża għal David u l-​irġiel tiegħu. Din inkludiet ħobż, inbid, nagħaġ, qmuħ inkaljati, ċapep taż-​żbib, u ċapep tat-​tin pressat. B’mod ċar, Abigajl kienet taf sew x’kellha u kienet il-​waħda li kienet tieħu ħsieb darha; tassew simili għall-​mara kapaċi li iktar tard ġiet deskritta fil-​ktieb tal-​Proverbji. (Prov. 31:10-​31) Hi bagħtet il-​proviżjonijiet minn qabel maʼ xi wħud mill-​qaddejja tagħha, imbagħad marret hi. “Imma lil żewġha Nabal ma qaltlu xejn.”—1 Sam. 25:18, 19.

16 Ifisser dan li Abigajl kienet qed tirribella kontra d-​dritt li żewġha jkun il-​kap tal-​familja? Le; ftakar li l-​aġir mill-​agħar taʼ Nabal kien kontra qaddej midluk taʼ Ġeħova, aġir li faċilment setaʼ jirriżulta fil-​mewt taʼ bosta membri innoċenti tad-​dar taʼ Nabal. Kieku Abigajl m’aġixxietx, għandu mnejn li anki hi setgħet tkun ħatja taʼ dak li għamel żewġha. F’dak il-​każ, hi kellha tpoġġi s-​sottomissjoni lejn Alla tagħha qabel is-​sottomissjoni lejn żewġha.

17, 18. Abigajl kif avviċinat lil David, x’qalet, u x’għamel lil kliemha effettiv?

17 Abigajl ma damitx ma ltaqgħet maʼ David u l-​irġiel tiegħu. Għal darb’oħra hi għaġġlet, iżda din id-​darba biex tinżel minn fuq il-​ħmar u tmil quddiem David. (1 Sam. 25:20, 23) Imbagħad għamlet ħin twil tiftaħ qalbha maʼ David u talbitu bil-​ħrara biex juri ħniena maʼ żewġha u man-​nies taʼ darha. X’għamel lil kliemha effettiv?

“Jekk jogħġbok, ħa tkellmek l-ilsira tiegħek”

18 Hi refgħet ir-​responsabbiltà tal-​problema u talbet lil David jaħfrilha personalment. B’mod realistiku rrikonoxxiet li żewġha kien bla sens daqskemm kien jimplika ismu, u b’hekk forsi indikat li ma jkunx xieraq li xi ħadd bħal David jumilja ruħu biex iċanfar lil raġel bħal dan. Hi esprimiet il-​fiduċja tagħha f’David bħala r-​rappreżentant taʼ Ġeħova u rrikonoxxiet li kien qed jiġġieled “il-​gwerer taʼ Ġeħova.” Hi indikat ukoll li kienet taf bil-​wegħda taʼ Ġeħova rigward David u d-​dritt li jsaltan, għax qalet: “Ġeħova . . . se jinkarigak bħala mexxej fuq Israel.” Iktar minn hekk, hi ħeġġet lil David biex ma jieħu ebda azzjoni li setgħet tagħmlu ħati tad-​demm jew li iktar tard setgħet issir “taʼ tfixkil”—milli jidher, dan irrefera għal kuxjenza mhux nadifa. (Aqra l-​1 Samwel 25:24-​31.) Il-​kliem sabiħ tagħha messlu qalbu!

19. David kif wieġeb għall-​kliem taʼ Abigajl, u għala faħħarha?

19 U David kif irreaġixxa? Hu aċċetta dak li kienet ġabet Abigajl u qal: “Ikun imbierek Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel, li llum bagħtek tiltaqaʼ miegħi! U tkun imbierka int li int sensibbli, u tkun imbierka int li llum żammejtni milli nġib fuqi l-​ħtija tad-​demm.” David faħħarha talli rabbiet il-​kuraġġ u marret tiġri tiltaqaʼ miegħu, u hu rrikonoxxa li kienet żammitu milli jkun ħati tad-​demm. “Itlaʼ bis-​sliem lejn darek,” qalilha, u b’umiltà żied jgħidilha: “Jien smajt minn leħnek.”—1 Sam. 25:32-​35.

“Hawn Hi l-​Ilsira Tiegħek”

20, 21. (a) X’tammira dwar li Abigajl kienet lesta li tmur lura għand żewġha? (b) Abigajl kif uriet kuraġġ u għaqal meta għażlet il-​ħin biex tkellem lil Nabal?

20 Wara li telqet, Abigajl ma setgħetx ma taħsibx dwar dik il-​laqgħa, u żgur li nnotat il-​kuntrast bejn dak ir-​raġel leali u qalbu tajba u l-​bùli lil min kienet miżżewġa. Imma ma qagħditx thewden fuq dawn il-​ħsibijiet. Naqraw: “Iktar tard Abigajl daħlet għand Nabal.” Iva, marret lura għand żewġha determinata iktar minn qatt qabel li twettaq l-​irwol tagħha bħala martu bl-​aħjar mod kif setgħet. Hi kellha tgħidlu bl-​għotja li kienet tat lil David u lill-​irġiel tiegħu. Nabal kellu dritt ikun jaf. Kellha tgħidlu wkoll dwar il-​periklu li kien ġie evitat, qabel ma jsir jaf mingħand ħaddieħor; dan kien ikun t’għajb ikbar għalih. Imma ma setgħetx tgħidlu f’dak il-​mument. Kien qed jixxala qisu xi sultan u kien f’sakra ma jarax art.—1 Sam. 25:36.

B’kuraġġ, Abigajl qalet lil Nabal b’dak li kienet għamlet biex issalvalu ħajtu

21 Għal darb’oħra wriet kuraġġ u għaqal, u stenniet sal-​għada filgħodu meta kien irpilja mill-​effetti tal-​inbid. Kien f’sensih biżżejjed biex jifhimha, iżda forsi b’tempra iktar perikoluża wkoll. Xorta waħda, hi avviċinatu u qaltlu bl-​istorja kollha. Bla ebda dubju hi stenniet li se jinfexx f’dagħdigħa taʼ rabja u forsi jsir vjolenti. Minflok, baqaʼ hemmhekk, u lanqas tħarrek.—1 Sam. 25:37.

22. Xi ġralu Nabal, u x’nistgħu nitgħallmu dwar kull każ taʼ tirannija jew abbuż domestiku?

22 Xi ġralu Nabal? “Qalbu mietet fih, u sar iebes ġebla.” Forsi tatu xi puplesija. Madankollu, għaxart ijiem wara hu miet—u mhux biss minħabba raġunijiet mediċi. Ir-​rakkont jgħidilna: “Ġeħova laqat lil Nabal, u dan miet.” (1 Sam. 25:38) B’dan il-​qtil ġust, intemm iż-​żwieġ ikrah taʼ Abigajl. Filwaqt li Ġeħova llum ma jintervinix permezz taʼ qtil mirakoluż, dan ir-​rakkont huwa tfakkira adattata li ebda każ taʼ tirannija jew abbuż domestiku ma jaħrablu. Fil-​ħin u fil-​waqt tiegħu, hu dejjem iġib il-​ġustizzja.—Aqra Luqa 8:17.

23. Liema barka oħra rċiviet Abigajl, u kif uriet li l-​prospett il-​ġdid li kellha ma ġegħelhiex titkabbar?

23 Minbarra li nħelset minn żwieġ ħażin, Abigajl kellha barka oħra tistennieha. Meta sar jaf bil-​mewt taʼ Nabal, David bagħat messaġġiera ħalli jipproponilha biex tiżżewġu. Hi wieġbet: “Hawn hi l-​ilsira tiegħek bħala qaddejja biex taħsel saqajn il-​qaddejja rġiel taʼ sidi.” Jidher ċar li l-​prospett li ssir mart David ma ġegħelhiex titkabbar; hi saħansitra offriet li tkun qaddejja tal-​qaddejja rġiel tiegħu! Imbagħad għaġġlet, din id-​darba biex tħejji ruħha ħalli tmur għand David.—1 Sam. 25:39-​42.

24. Abigajl liema sfidi ffaċċjat fil-​ħajja l-​ġdida tagħha, imma żewġha u Alla tagħha kif kienu jħarsu lejha?

24 Dan ma kienx ifisser li ħajjitha kienet se tkun ward u żahar; ħajjet Abigajl maʼ David mhux dejjem kienet se tkun faċli. David kien diġà miżżewweġ lil Aħinogħam, u għalkemm Alla kien jippermetti l-​poligamija, żgur li kienet sitwazzjoni diffiċli ferm għan-​nisa leali lura f’dak iż-​żmien. U David kien għadu ma sarx sultan; kien se jkun hemm ostakli u tbatijiet x’jegħleb qabel ma qeda lil Ġeħova b’dak il-​mod. Imma hekk kif Abigajl għenet u appoġġat lil David matul ħajjitha, u maż-​żmien wilditlu iben, hi saret taf li kellha raġel li kien jgħożżha u jipproteġiha. Darba minnhom saħansitra ħelisha minn taħt idejn nies li kienu ħatfuha! (1 Sam. 30:1-​19) B’hekk, David imita lil Alla Ġeħova, li jħobb u jgħożż lil nisa għaqlin, kuraġġużi, u leali bħalha.

^ par. 9 Din ma kinitx il-​famuża Muntanja Karmel ’il bogħod lejn it-​Tramuntana fejn iktar tard il-​profeta Elija kellu konfront mal-​profeti taʼ Bagħal. (Ara Kapitlu 10.) Din il-​Karmel kienet belt fit-​tarf tax-​xagħri tan-​Nofsinhar.

^ par. 10 David x’aktarx li ħass li jekk jipproteġi lil sidien l-​art lokali u lill-​imrieħel tagħhom kien ikun qed jagħti servizz lil Alla Ġeħova. Dak iż-​żmien, kien l-​iskop taʼ Ġeħova li d-​dixxendenti taʼ Abraham, Iżakk, u Ġakobb jgħixu f’dik l-​art. Il-​protezzjoni mill-​invażuri u marmalji taʼ nies taʼ qattagħni li lkoll kienu jkunu barranin b’hekk kienet forma taʼ servizz sagru.

^ par. 14 Il-​frażi li uża ż-​żagħżugħ letteralment tfisser “bin beljal (ma jiswa għal xejn).” Traduzzjonijiet oħrajn tal-​Bibbja taʼ din is-​sentenza jinkludu deskrizzjoni taʼ Nabal bħala raġel li “ma jrid jismaʼ minn ħadd” u l-​konklużjoni, “għalxejn tkellmu.”