Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU WIEĦED

“Għalkemm Miet, Għadu Jitkellem”

“Għalkemm Miet, Għadu Jitkellem”

1. X’żamm lill-​familja taʼ Adam u Eva lura milli jidħlu fil-​ġnien tal-​Għeden, u Abel x’ried iktar minn kwalunkwe ħaġ’oħra?

ABEL ta daqqa t’għajn lejn il-​merħla tan-​nagħaġ tiegħu huma u jirgħu għall-​kwiet fuq l-​għolja. Imbagħad forsi ħares lil hinn minn fejn kienu n-​nagħaġ tiegħu lejn post fil-​bogħod fejn setaʼ jilmaħ dawl inemnem. Hu kien jaf li hemmhekk kien hemm xafra taqbad, dejjem iddur, u ma tħalli lil ħadd jidħol fil-​ġnien tal-​Għeden. Xi darba, il-​ġenituri tiegħu kienu jgħixu hemmhekk, imma issa la huma u lanqas uliedhom ma jistgħu jidħlu. Ġib quddiem għajnejk, tard waranofsinhar, żiffa ħelwa tħabbel xagħar Abel hu u jdawwar ħarstu ’l fuq u jaħseb dwar il-​Ħallieq tiegħu. Il-​bniedem qatt setaʼ jerġaʼ jitħabbeb m’Alla? Din kienet l-​akbar xewqa taʼ Abel.

2-4. Abel f’liema sens ikellimna llum?

2 Abel qed ikellmek illum. Tistaʼ tisimgħu? Għandek mnejn tgħid li ħaġa bħal din hi impossibbli. Wara kollox, it-​tieni wild taʼ Adam miet bosta snin ilu. Il-​fdalijiet tiegħu ilhom li spiċċaw u tħalltu mat-​trab taʼ kważi 6,000 sena. Rigward il-​mejtin, il-​Bibbja tgħallimna: “Ma jafu assolutament xejn.” (Ekk. 9:5, 10) Iktar minn hekk, Abel qatt ma lissen kelma waħda li hi mniżżla fil-​Bibbja. Allura kif jistaʼ jkellimna?

3 L-​appostlu Pawlu kien ispirat biex jgħid dan dwar Abel: “Permezz tagħha, għalkemm miet, għadu jitkellem.” (Aqra Ebrej 11:4.) Permezz taʼ xiex jitkellem Abel? Permezz tal-​fidi. Abel kien l-​ewwel bniedem li qatt żviluppa din il-​kwalità mill-​aqwa. Tant wera fidi qawwija li l-​eżempju tiegħu hu ħaj u taʼ min jimitah illum. Jekk nitgħallmu mill-​fidi tiegħu u nipprovaw nimitawha, ikun bħallikieku Abel qed ikellimna b’mod reali u effettiv ferm.

4 Imma x’nistgħu nitgħallmu dwar Abel u l-​fidi tiegħu ladarba l-​Bibbja ftit li xejn titkellem dwaru? Ejja naraw.

Jitrabba fil-​Bidu tal-​Umanità

5. Ġesù x’ried ifisser bl-​istqarrija tiegħu meta assoċja lil Abel mat-​“tisjis tad-​dinja”? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

5 Abel twieled fil-​bidu tal-​istorja umana. Ġesù iktar tard tkellem dwar Abel bħala li għex fi żmien “it-​tisjis tad-​dinja.” (Aqra Luqa 11:50, 51.) Evidentement Ġesù ried ifisser id-​dinja taʼ nies li għandhom mnejn jiġu mifdijin mid-​dnub. Filwaqt li Abel kien ir-​rabaʼ bniedem li eżista, milli jidher hu kien l-​ewwel wieħed li Alla ra li jistħoqqlu jiġi mifdi. * B’mod ċar, Abel ma trabbiex fost nies li għexu ħajja eżemplari.

6. Abel x’tip taʼ ġenituri kellu?

6 Għalkemm il-​bnedmin ma kinux ilhom jeżistu, diġà kellhom jiffaċċjaw ċirkustanzi tal-​biki. Il-​ġenituri taʼ Abel, Adam u Eva, x’aktarx li kienu nies sbieħ u dinamiċi. Imma żbaljaw bl-​ikrah matul ħajjithom, u dan huma kienu jafuh. Xi darba kienu perfetti, u quddiemhom kellhom il-​prospett li jgħixu għal dejjem. Imbagħad irribellaw kontra Alla Ġeħova u tkeċċew mill-​ġnien tal-​Għeden li kien darhom. Billi poġġew ix-​xewqat tagħhom stess qabel kwalunkwe ħaġ’oħra—saħansitra qabel il-​bżonnijiet tan-​nisel tagħhom—tilfu l-​perfezzjoni u l-​ħajja taʼ dejjem.—Ġen. 2:15–3:24.

7, 8. Eva x’qalet meta twieled Kajjin, u x’setaʼ kellha f’moħħha?

7 Issa li kienu eżiljati ’l barra mill-​ġnien, Adam u Eva sabu l-​ħajja diffiċli. Madankollu, meta twieled l-​ewwel wild tagħhom, huma semmewh Kajjin li jfisser “Xi Ħaġa Mnissla,” u Eva qalet: “Ulidt raġel bl-​għajnuna taʼ Ġeħova.” Kliemha jagħti x’jifhem li f’moħħha setaʼ kellha l-​wegħda li Ġeħova għamel fil-​ġnien meta bassar li ċertu mara kien se jkollha ‘nisel’ li xi darba kien se jeqred lill-​wieħed mill-​agħar li żvija lil Adam u Eva. (Ġen. 3:15; 4:1) Immaġinat Eva li l-​mara fil-​profezija kienet hi u li Kajjin kien in-​‘nisel’ imwiegħed?

8 Jekk inhu hekk, arralha bl-​ikrah. Iktar minn hekk, jekk hi u Adam imlew moħħ Kajjin b’ideat bħal dawn hu u jikber, mhux taʼ b’xejn li forsi kibritlu rasu. Maż-​żmien, Eva kellha t-​tieni wild, imma ma nsibu ebda stqarrija grandjuża dwaru. Semmewh Abel, li jistaʼ jfisser “Nifs,” jew “Vanità.” (Ġen. 4:2) Irriflettiet l-​għażla taʼ dan l-​isem inqas stennijiet, bħallikieku kellhom inqas tama f’Abel milli f’Kajjin? Nistgħu biss nissopponu.

9. Il-​ġenituri llum x’jistgħu jitgħallmu mill-​ewwel ġenituri tagħna?

9 Il-​ġenituri llum jistgħu jitgħallmu ħafna mill-​ewwel ġenituri tagħna. Bil-​kliem u bl-​azzjonijiet tagħkom, se tinkuraġġixxu intom il-​kburija, l-​ambizzjoni, u t-​tendenzi egoistiċi taʼ wliedkom? Jew se tgħallmuhom iħobbu lil Alla Ġeħova u jkollhom ħbiberija miegħu? B’sogħba, l-​ewwel ġenituri ma wettqux ir-​responsabbiltà li kellhom. Iżda kien hemm tama għan-​nisel tagħhom.

X’Għen lil Abel Jiżviluppa l-​Fidi f’Alla?

10, 11. Kajjin u Abel liema xogħlijiet kellhom, u Abel liema kwalità żviluppa?

10 Hekk kif iż-​żewġ subien kienu qed jikbru, Adam x’aktarx li ħarriġhom fix-​xogħol li kellu jsir biex jipprovdu għall-​familja. Kajjin sar bidwi; Abel sar ragħaj.

11 Però, Abel għamel xi ħaġa bil-​wisq iktar importanti. Matul is-​snin, hu żviluppa l-​fidi—kwalità mill-​isbaħ li iktar tard Pawlu kiteb dwarha. Aħseb dwar dan! Abel ma kellu ebda eżempju uman li setaʼ jsegwi. Allura, kif żviluppa l-​fidi f’Alla Ġeħova? Ikkunsidra tliet raġunijiet għala Abel setaʼ jkollu fidi soda.

12, 13. Abel kif setaʼ ġie megħjun ikabbar il-​fidi tiegħu billi josserva l-​ħolqien taʼ Ġeħova?

12 Il-​ħolqien taʼ Ġeħova. Veru, Ġeħova kien seħet l-​art u bdiet tipproduċi xewk u għollieq li kienu taʼ xkiel għall-​agrikultura. Xorta waħda, l-​art kienet tipproduċi b’mod ġeneruż l-​ikel li sostna lill-​familja taʼ Abel. U ma kien hemm ebda saħta fuq l-​annimali, inkluż l-​għasafar u l-​ħut; lanqas fuq il-​muntanji, il-​lagi, ix-​xmajjar, u l-​ibħra; u lanqas fuq is-​smewwiet, is-​sħab, ix-​xemx, il-​qamar, u l-​istilel. Kull fejn kien iħares, Abel kien jara evidenza tal-​imħabba, l-​għerf, u t-​tjubija profondi t’Alla Ġeħova, il-​wieħed li ħalaq kollox. (Aqra Rumani 1:20.) Meta hu mmedita b’apprezzament fuq il-​ħolqien u l-​kwalitajiet t’Alla, il-​fidi taʼ Abel issaħħet.

Fil-ħolqien, Abel sab raġunijiet sodi biex ipoġġi l-fidi f’Ħallieq kollu mħabba

13 Abel ċertament li ħa l-​ħin biex jaħseb fuq affarijiet spiritwali. Immaġinah jieħu ħsieb il-​merħla tiegħu. Il-​ħajja taʼ ragħaj kienet tirrikjedi ħafna mixi. Hu mexxa lil dawn il-​ħlejjaq ġentili fuq l-​għoljiet, mill-​widien, mix-​xmajjar—dejjem ifittex l-​aħjar ħaxix, l-​aħjar għadajjar għax-​xorb, u l-​iktar postijiet kennija fejn jistrieħu. Mill-​ħlejjaq kollha t’Alla, in-​nagħaġ jidhru li huma l-​iktar vulnerabbli, bħallikieku ġew maħluqin bil-​bżonn li l-​bniedem jiggwidahom u jipproteġihom. Ħass Abel li anki hu kellu bżonn il-​gwida, il-​protezzjoni, u l-​ħarsien taʼ Xi Ħadd ferm iktar għaref u qawwi minn kwalunkwe bniedem? Mingħajr dubju, hu esprima ħafna ħsibijiet bħal dawn fit-​talb, u minħabba f’hekk il-​fidi tiegħu baqgħet tikber.

14, 15. Il-​wegħdi taʼ Ġeħova kif taw lil Abel ħafna fuqiex jimmedita?

14 Il-​wegħdi taʼ Ġeħova. Adam u Eva żgur li rrakkontaw lil uliedhom l-​affarijiet li ġraw fil-​ġnien tal-​Għeden u li wasslu għat-​tkeċċija tagħhom. B’hekk, Abel kellu ħafna fuqiex jimmedita.

15 Ġeħova qal li l-​art kienet se tiġi misħuta. Abel setaʼ jara ċar ix-​xewk u l-​għollieq li wettqu dan il-​kliem. Ġeħova bassar ukoll li Eva kienet se tbati l-​uġigħ fit-​tqala u fil-​ħlas. Hu żgur li ra dan il-​kliem jitwettaq ukoll meta twieldu ħutu l-​oħrajn. Ġeħova bassar li Eva kien se jkollha bżonn estrem għall-​imħabba u l-​attenzjoni taʼ żewġha u li Adam, min-​naħa tiegħu, kien se jiddominaha. Abel ra din ir-​realtà tal-​biki tiġri quddiem għajnejh. F’kull każ, Abel ra li l-​kelma taʼ Ġeħova hi taʼ min joqgħod fuqha għalkollox. B’hekk, Abel kellu raġunijiet sodi biex ipoġġi l-​fidi fil-​wegħda t’Alla dwar ‘nisel’ li xi darba kien se jirranġa l-​affarijiet ħżiena li kienu bdew fl-​Għeden.—Ġen. 3:15-19.

16, 17. Abel x’setaʼ tgħallem mill-​kerubini taʼ Ġeħova?

16 Il-​qaddejja taʼ Ġeħova. Abel ma ra ebda eżempju tajjeb fil-​familja umana, imma dak iż-​żmien il-​bnedmin ma kinux l-​uniċi ħlejjaq intelliġenti fuq l-​art. Meta Adam u Eva tkeċċew mill-​ġnien, Ġeħova għamel ċert li la huma u lanqas nisilhom ma jkun jistaʼ jidħol f’dik il-​Ġenna tal-​art. Biex jgħasses id-​daħla, Ġeħova poġġa l-​kerubini—anġli b’kariga għolja ħafna—flimkien max-​xafra taqbad taʼ xabla li kienet iddur kontinwament.—Aqra Ġenesi 3:24.

17 Immaġina lil Abel bħala daqsxejn taʼ tifel jara lil dawk il-​kerubini. Ladarba kienu jidhru b’iġsma umani, Abel setaʼ jara li kellhom saħħa immensa. U dik ix-​“xabla,” dejjem taqbad, dejjem iddur, kienet tqanqal stagħġib ukoll. Hu u jikber, Abel qatt ra lil dawn il-​kerubini jiddejqu u jabbandunaw l-​inkarigu tagħhom? Le. Lejl u nhar, xahar wara xahar, sena wara sena, dawn il-​ħlejjaq intelliġenti u b’saħħithom baqgħu eżatt f’posthom. B’hekk, Abel sar jaf li Alla Ġeħova kellu qaddejja ġusti u sodi. F’dawk il-​kerubini, Abel setaʼ jara tip taʼ lealtà u ubbidjenza lejn Ġeħova li ma setax jara fil-​familja tiegħu stess. Ċertament li dak l-​eżempju anġeliku saħħaħlu l-​fidi.

Tul ħajtu kollha, Abel setaʼ jara li l-kerubin kienu qaddejja leali u ubbidjenti taʼ Ġeħova

18. Fuqiex nistgħu nibbażaw il-​fidi tagħna llum?

18 Meta mmedita fuq dak kollu li Ġeħova rrivela dwaru nnifsu permezz tal-​ħolqien, tal-​wegħdi divini, u tal-​eżempji tal-​qaddejja anġeliċi Tiegħu, Abel ra li l-​fidi tiegħu ssaħħet saħansitra iktar. Nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​eżempju tiegħu, hux hekk? Partikularment iż-​żgħażagħ jistgħu jiġu inkuraġġiti li jkunu jafu li hu possibbli jiżviluppaw il-​fidi ġenwina f’Alla Ġeħova, jagħmlu x’jagħmlu l-​membri tal-​familja tagħhom. Bil-​meravilji tal-​ħolqien taʼ madwarna, bil-​Bibbja sħiħa għad-​dispożizzjoni tagħna, u b’ħafna eżempji taʼ bnedmin li wrew il-​fidi, għandna bosta raġunijiet biex nibnu l-​fidi llum.

Is-​Sagrifiċċju taʼ Abel—Għala Kien mill-​Aqwa?

19. Maż-​żmien, liema verità profonda beda jifhem Abel?

19 Hekk kif kattar il-​fidi tiegħu f’Ġeħova, Abel ried isib mezz biex jesprimi din il-​fidi bl-​azzjoni. Madankollu, sempliċi bniedem x’jistaʼ jagħtih lill-​Ħallieq tal-​univers? Alla ċertament li ma kellu bżonn ebda għotja jew għajnuna mingħand il-​bnedmin. Maż-​żmien, Abel fehem din il-​verità profonda: Kieku—b’motiv xieraq—hu sempliċement offra lil Ġeħova l-​aqwa minn dak li kellu, Missieru tas-​sema kollu mħabba kien jieħu pjaċir.

Abel offra s-sagrifiċċju tiegħu bil-fidi; Kajjin m’għamilx hekk

20, 21. Kajjin u Abel liema offerta għamlu lil Ġeħova, u hu kif irreaġixxa?

20 Abel ipprepara biex joffri xi nagħaġ mill-​merħla tiegħu. Hu għażel l-​aqwa, l-​ewwel imweldin, u l-​aħjar partijiet taʼ dawn l-​annimali. Sadanittant, Kajjin ukoll fittex il-​barka u l-​approvazzjoni t’Alla u pprepara offerta mill-​ħsad tiegħu. Imma l-​motivi tiegħu ma kinux bħal taʼ Abel. Id-​differenza saret evidenti meta l-​aħwa ppreżentaw l-​offerti tagħhom.

21 Iż-​żewġ subien taʼ Adam għandhom mnejn użaw l-​artali u n-​nar għall-​offerti tagħhom. Dan forsi għamluh fejn setgħu jarawhom il-​kerubini, li dak iż-​żmien kienu l-​uniċi rappreżentanti taʼ Ġeħova ħajjin fuq l-​art. Ġeħova rreaġixxa. Naqraw: “Ġeħova kien qed iħares b’approvazzjoni lejn Abel u l-​offerta tiegħu.” (Ġen. 4:4) Il-​Bibbja ma tgħidilniex kif Alla wera l-​approvazzjoni tiegħu.

22, 23. X’kienet ir-​raġuni għala Ġeħova approva l-​offerta taʼ Abel?

22 Alla għala approva lil Abel? Kien minħabba l-​offerta nfisha? Abel offra ħliqa ħajja li tieħu n-​nifs u xerred id-​demm prezzjuż tagħha. Irrealizza Abel kemm kien se jkun taʼ valur sagrifiċċju bħal dan? Ħafna sekli wara żmien Abel, Alla uża s-​sagrifiċċju taʼ ħaruf bla difett biex jirrappreżenta s-​sagrifiċċju tal-​Iben perfett Tiegħu, “il-​Ħaruf t’Alla,” li d-​demm innoċenti tiegħu kien se jixxerred. (Ġw. 1:29; Eżo. 12:5-​7) Madankollu, għalkemm ma nafux fiċ-​ċert x’kien qed jaħseb jew x’kien jaf Abel dak iż-​żmien, nistgħu ngħidu li hu la kien jaf u lanqas fehem kif Ġeħova kien se juża s-​sagrifiċċji iktar tard.

23 Imma dak li nafu fiċ-​ċert hu dan: Abel offra l-​aqwa nett minn dak li kellu. Ġeħova ma kienx qed iħares b’approvazzjoni lejn l-​offerta biss imma anki lejn ir-​raġel innifsu. Imqanqal mill-​imħabba għal Ġeħova u minn fidi ġenwina fih, Abel aġixxa.

24. (a) Għala ngħidu li ma kinitx l-​offerta nfisha taʼ Kajjin li kienet difettuża? (b) Kajjin b’liema mod kien bħal ħafna nies illum?

24 Il-​każ taʼ Kajjin kien differenti. Ġeħova “ma ħarisx b’approvazzjoni lejn Kajjin u lejn l-​offerta tiegħu.” (Ġen. 4:5) Mhux għax l-​offerta nfisha taʼ Kajjin kienet difettuża; il-​Liġi t’Alla iktar tard ippermettiet offerti minn dak li tipproduċi l-​art. (Lev. 6:14, 15) Imma dwar Kajjin, il-​Bibbja tgħid li “l-​għemejjel tiegħu kienu mill-​agħar.” (Aqra l-​1 Ġwanni 3:12.) Bħal ħafna nies illum, Kajjin evidentement ħaseb li sempliċi turija minn barra taʼ devozzjoni lejn Alla kienet biżżejjed. In-​nuqqas taʼ fidi tiegħu f’Ġeħova jew in-​nuqqas taʼ mħabba vera lejh malajr saru evidenti permezz tal-​għemejjel tiegħu.

25, 26. Ġeħova liema twissija tah lil Kajjin, iżda Kajjin x’għamel?

25 Meta Kajjin ra li ma kisibx l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova, ipprova hu jitgħallem mill-​eżempju taʼ Abel? Le. Hu mtela b’mibegħda għal ħuh. Ġeħova ra x’kien hemm f’qalb Kajjin u pprova jirraġuna miegħu bil-​paċenzja. Hu wissa lil Kajjin li dan l-​aġir kien se jwasslu għal dnub serju u offra lil Kajjin it-​tama li jiġi “milqugħ” jekk biss ibiddel l-​aġir tiegħu.—Ġen. 4:6, 7.

26 Kajjin injora t-​twissija t’Alla. Minflok, hu stieden lil ħuh iżgħar minnu biex imur jimxi miegħu fl-​għalqa u bl-​innoċenza kollha Abel mar. Hemmhekk Kajjin ħebb għalih u qatlu. (Ġen. 4:8) F’ċertu sens, Abel b’hekk sar l-​ewwel vittma taʼ persekuzzjoni reliġjuża, l-​ewwel martri. Hu miet, imma l-​istorja tiegħu ma spiċċatx hemmhekk.

27. (a) Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Abel se jiġi rxoxtat? (b) Kif nistgħu nkunu ċerti li xi darba se niltaqgħu maʼ Abel?

27 B’mod figurattiv, id-​demm taʼ Abel għajjat lil Alla Ġeħova għall-​vendetta, jew ġustizzja. U Alla ra li ssir ġustizzja billi kkastiga lil Kajjin, li kien mill-​agħar, għad-​delitt tiegħu. (Ġen. 4:9-​12) Iktar importanti, ir-​rakkont dwar il-​fidi taʼ Abel qed ikellem lilna llum. Għomru—forsi madwar mitt sena—kien qasir għall-​bnedmin taʼ dak iż-​żmien, imma Abel uża ħajtu b’mod li għoġob lil Alla. Qabel ma miet kien jaf li kellu l-​imħabba u l-​approvazzjoni taʼ Missieru tas-​sema, Ġeħova. (Ebr. 11:4) Allura, nistgħu nkunu fiduċjużi li hu qiegħed fis-​sigurtà fil-​memorja bla limitu taʼ Ġeħova, jistenna li jiġi rxoxtat għall-​ħajja fuq art magħmula ġenna. (Ġw. 5:28, 29) Se tiltaqaʼ miegħu hemmhekk? Tistaʼ, jekk int determinat li tagħti widen hekk kif jitkellem Abel u timita l-​fidi mill-​aqwa tiegħu.

^ par. 5 L-​espressjoni “t-​tisjis tad-​dinja” tinvolvi l-​idea taʼ prokreazzjoni, u b’hekk għandha x’taqsam mal-​bidu tan-​nisel uman. Però, Ġesù għala assoċja lil Abel mat-​“tisjis tad-​dinja” u mhux lil Kajjin, li kien l-​ewwel bniedem li twieled? Id-​deċiżjonijiet u l-​azzjonijiet taʼ Kajjin wassluh għal ribelljoni intenzjonata kontra Alla Ġeħova. Bħall-​ġenituri tiegħu, Kajjin ma jidhirx li se jiġi rxoxtat u mifdi.