Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU TNAX

Kiseb il-Faraġ Mingħand Alla Tiegħu

Kiseb il-Faraġ Mingħand Alla Tiegħu

1, 2. X’ġara fl-​iktar ġurnata eċċitanti tal-​ħajja t’Elija?

ELIJA ġera fix-​xita hekk kif beda jidlam. Kien għad fadallu biċċa triq ġmielha qabel ma jasal Ġeżragħel, u ma kienx xi żagħżugħ. Madankollu, hu baqaʼ jiġri bla ma għeja, għax “id Ġeħova” kienet fuqu. Kien mimli enerġija—iktar minn qatt qabel. Biss biss, kien għadu kif għadda ż-​żwiemel li kienu qed jiġbdu l-​karru rjali tas-​Sultan Aħab!—Aqra l-​1 Slaten 18:46.

2 Kellu vjaġġ twil quddiemu. Ġib quddiem għajnejk lil Elija jpetpet għajnejh biex itajjar il-​qtar tax-​xita hu u jiġri u jaħseb dwar dak li ġara fl-​iktar ġurnata eċċitanti taʼ ħajtu. Mingħajr ebda dubju, kienet rebħa glorjuża għal Ġeħova, l-​Alla t’Elija, u għall-​qima vera. ’Il bogħod warajh, mitlufa fid-​dalma tal-​maltemp, kien hemm il-​Muntanja Karmel maħkuma mir-​riħ, fejn Ġeħova kien uża lil Elija biex jegħleb il-​qima taʼ Bagħal b’mod qawwi u mirakoluż. Mijiet taʼ profeti taʼ Bagħal intwerew li kienu imbroljuni mill-​agħar, u b’mod ġust ġew maqtulin. Imbagħad Elija talab lil Ġeħova biex itemm in-​nixfa li kienet laqtet il-​pajjiż għal tliet snin u nofs. Ix-​xita niżlet bil-​qliel!—1 Slat. 18:18-​45.

3, 4. (a) Elija għala setaʼ kellu tamiet sbieħ hu u jiġri lejn Ġeżragħel? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 Hekk kif Elija ġera fix-​xita dawk it-​30 kilometru lejn Ġeżragħel, x’aktarx li kellu tamiet sbieħ. Setaʼ ħaseb li issa, ladarba nqerdu l-​profeti taʼ Bagħal, kien se jkun hemm bidliet kbar. Aħab kien se jkollu jinbidel! Wara dak li kien ra b’għajnejh stess, żgur li ma kellu ebda għażla ħlief li jabbanduna l-​qima taʼ Bagħal, irażżan lis-​sultana tiegħu, Ġeżabel, u jwaqqaf il-​persekuzzjoni kontra l-​qaddejja taʼ Ġeħova.

“Elija . . . telaq jiġri qabel Aħab it-triq kollha sa Ġeżragħel”

4 Meta l-​affarijiet ikunu jidhru li sejrin favurina, hu naturali li t-​tama tagħna tkompli toktor. Nistgħu nimmaġinaw li ċ-​ċirkustanzi tagħna fil-​ħajja se jkomplu jitjiebu, forsi anke naħsbu li l-​agħar problemi tagħna fl-​aħħar ikunu għaddew. Ma niskantawx jekk Elija ħaseb hekk għax kien “raġel b’sentimenti bħal tagħna.” (Ġak. 5:17) Imma, fir-​realtà l-​problemi t’Elija kienu għadhom jibdew. Infatti, f’temp taʼ ftit sigħat Elija tant kien se jkun beżgħan, tant kien se jkun qalbu maqtugħa, li kien se jixtieq imut. X’ġara, u Ġeħova kif għen lill-​profeta tiegħu jerġaʼ jkattar il-​fidi u l-​kuraġġ tiegħu? Ejja naraw.

L-​Affarijiet Jinbidlu bla Mistenni

5. Wara l-​ġrajjiet fuq il-​Muntanja Karmel, kien Aħab tgħallem jirrispetta iktar lil Ġeħova, u kif nafu dan?

5 Meta Aħab wasal fil-​palazz tiegħu f’Ġeżragħel, wera hu li kien inbidel? Naqraw: “Aħab qal lil Ġeżabel b’kulma għamel Elija u kif dan qatel lill-​profeti kollha bis-​sejf.” (1 Slat. 19:1) Innota li r-​rakkont taʼ Aħab dwar dak li kien ġara ħalla barra lil Ġeħova, l-​Alla t’Elija. Peress li ma kienx spiritwali, Aħab ħares lejn il-​ġrajjiet mirakolużi tal-​ġurnata minn ħarsa umana biss—dak li kien “għamel Elija.” Jidher ċar li ma tgħallimx jirrispetta lil Alla Ġeħova. U martu li kienet vendikattiva kif irreaġixxiet?

6. Ġeżabel x’messaġġ bagħtet lil Elija, u dan x’kien ifisser?

6 Ġeżabel kienet inkorlata! Mitlufa f’dagħdigħa, bagħtet dan il-​messaġġ lil Elija: “Jalla jagħmlu hekk l-​allat, u iktar minn hekk, jekk s’għada bħalissa ma nkunx għamilt minn ruħek bħalma sar minn ruħ kull wieħed minnhom!” (1 Slat. 19:2) Din kienet l-​agħar tip taʼ theddida tal-​mewt. Nistgħu ngħidu li Ġeżabel kienet qed taħlef li hi nfisha kellha tmut jekk ma tkunx qatlet lil Elija sal-​għada biex tpatti għall-​profeti tagħha li kienu jaduraw lil Bagħal. Immaġina lil Elija jiġi mqajjem mir-​raqda f’xi dar sempliċi f’Ġeżragħel f’dik il-​lejla taʼ maltemp biex jismaʼ l-​messaġġier tas-​sultana jwassal dak il-​kliem orribbli. Kif ġie effettwat?

Maħkum mill-​Iskuraġġiment u l-​Biżaʼ

7. It-​theddida taʼ Ġeżabel x’effett ħalliet fuq Elija, u x’għamel?

7 Jekk Elija emmen li l-​ġlieda kontra l-​qima taʼ Bagħal kienet kważi spiċċat, malajr induna li kienet ferħa bla temma. Ġeżabel ma biddlitx fehmitha. Għadd kbir minn dawk li b’lealtà ħadmu flimkien m’Elija diġà kienu nqatlu bl-​ordni tagħha, u issa deher li kien imiss lilu. Din it-​theddida taʼ Ġeżabel x’effett ħalliet fuq Elija? Il-​Bibbja tgħidilna: “Beda jibżaʼ.” Tgħid Elija ġab quddiem għajnejh il-​mewt terribbli li Ġeżabel kellha lesta għalih? Jekk qagħad jhewden fuq dawn il-​ħsibijiet, mhux taʼ b’xejn li qataʼ qalbu. Kienu x’kienu l-​ħsibijiet, Elija “ħarab biex isalva ruħu.”—1 Slat. 18:4; 19:3.

Jekk irridu nibqgħu nkunu kuraġġużi, m’għandniex inħallu moħħna jhewden fuq il-​perikli li jbeżżgħuna

8. (a) Il-​problema taʼ Pietru kif kienet simili għal dik t’Elija? (b) X’lezzjoni nistgħu nisiltu minn Elija u Pietru?

8 Elija ma kienx l-​uniku raġel taʼ fidi li qatt ġie maħkum mill-​biżaʼ. Ħafna żmien wara, l-​appostlu Pietru kellu l-​istess problema. Pereżempju, meta Ġesù għen lil Pietru jingħaqad Miegħu biex jimxi fuq l-​ilma, l-​appostlu beda ‘jara r-​riefnu.’ Imbagħad tilef il-​kuraġġ u beda jegħreq. (Aqra Mattew 14:30.) B’hekk, l-​eżempji t’Elija u Pietru jgħallmuna lezzjoni taʼ valur. Jekk irridu nibqgħu nkunu kuraġġużi, m’għandniex inħallu moħħna jhewden fuq il-​perikli li jbeżżgħuna. Għandna nibqgħu ffokati fuq is-​Sors tat-​tama u tas-​saħħa tagħna.

“Biżżejjed!”

9. Iddeskrivi l-​vjaġġ t’Elija u dak li kien għaddej minn moħħu hu u jaħrab.

9 Maħkum mill-​biżaʼ, Elija ħarab lejn il-​Lbiċ, xi 150 kilometru lejn Bir-​xeba, belt ħdejn il-​fruntiera tan-​Nofsinhar taʼ Ġuda. Hemmhekk ħalla warajh il-​qaddej tiegħu u rħielha waħdu lejn ix-​xagħri. Ir-​rakkont jgħid li “vvjaġġa għal jum,” u allura nistgħu nimmaġinawh jitlaq maż-​żerniq, u milli jidher mingħajr ma ħa ebda provvista miegħu. Dipress u sforzat ikompli sejjer għax imbeżżaʼ, hu ssara biex jimxi fl-​ambjent aħrax u salvaġġ taħt ix-​xemx tisreġ. Hekk kif ix-​xemx li tgħammex l-​għajnejn bdiet nieżla bil-​mod il-​mod u saret bħal ballun aħmar li għab fix-​xefaq, saħħet Elija ċediet u ma felaħx ikompli. Għajjien mejjet, intefaʼ bilqiegħda taħt siġra tal-​ġummar—l-​iktar ħaġa li setgħet tagħtih kenn f’dik l-​art bla ħajja.—1 Slat. 19:4.

10, 11. (a) X’kienet tfisser it-​talba t’Elija lil Ġeħova? (b) Uża l-​iskritturi ċitati u ddeskrivi s-​sentimenti taʼ individwi oħrajn li qdew lil Alla u li sewdu qalbhom ħafna.

10 Iddisprat għall-​aħħar, Elija talab li jmut. Qal: “M’iniex aħjar minn missirijieti.” Hu kien jaf li missirijietu kienu biss trab u għadam fil-​qabar, bla ma setgħu jkunu t’għajnuna għal ħadd. (Ekk. 9:10) Bl-​istess mod, Elija ħassu mhu tajjeb għal xejn. Mhux taʼ b’xejn li għajjat: “Biżżejjed!” Hu bħallikieku qal: ‘X’jiswa li nibqaʼ ngħix?’

11 Għandna niħduha bi kbira jekk insiru nafu li raġel t’Alla setaʼ jsir daqstant qalbu sewda? Mhux bilfors. Għadd taʼ rġiel u nisa leali msemmijin f’rakkonti Bibliċi huma deskritti bħala li tant ħassewhom imdejqin li xtaqu jmutu—fosthom Rebekka, Ġakobb, Mosè, u Ġob.—Ġen. 25:22; 37:35; Num. 11:13-​15; Ġob 14:13.

12. Jekk xi darba ssewwed qalbek, b’liema mod għandek issegwi l-​eżempju t’Elija?

12 Illum ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” u għalhekk ma nissorprendux ruħna li ħafna nies, saħansitra qaddejja leali t’Alla, kultant ikunu qalbhom sewda. (2 Tim. 3:1) Jekk qatt issib lilek innifsek f’sitwazzjoni mwiegħra bħal din, segwi l-​eżempju t’Elija f’dan ir-​rigward: Iftaħ qalbek m’Alla. Wara kollox, Ġeħova huwa “l-​Alla taʼ kull faraġ.” (Aqra t-​2 Korintin 1:3, 4.) Farrġu lil Elija?

Ġeħova Ħa Ħsieb il-​Profeta Tiegħu

13, 14. (a) Ġeħova kif uża anġlu biex juri t-​tħassib bi mħabba li kellu għall-​profeta inkwetat Tiegħu? (b) Għala hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova jaf kollox dwar kull wieħed u waħda minna, inkluż il-​limitazzjonijiet tagħna?

13 Kif taħseb li ħassu Ġeħova hekk kif ħares ’l isfel mis-​sema u ra lill-​profeta maħbub tiegħu mitluq taħt dik is-​siġra fix-​xagħri jitlob biex tieħdu l-​mewt? Ir-​rakkont jgħidilna. Wara li Elija marret għajnu bih, Ġeħova bagħatlu anġlu. L-​anġlu qajjem lil Elija b’ġentilezza billi messu u qallu: “Qum u kul!” Elija hekk għamel għax l-​anġlu b’qalb tajba kien lestielu ftira sħuna u ftit ilma. Irringrazzjah lill-​anġlu? Kulma jgħid ir-​rakkont hu li l-​profeta kiel u xorob u reġaʼ mtedd. Tgħid kien qalbu maqtugħa wisq biex jitkellem? Ġara x’ġara, l-​anġlu qajmu għal darb’oħra, forsi mas-​sebħ. Hu reġaʼ ħeġġeġ lil Elija, “Qum u kul,” u żied jgħid dan il-​kliem rimarkevoli, “għax il-​vjaġġ huwa wisq għalik.”—1 Slat. 19:5-​7.

14 Grazzi għad-​dehen mogħti minn Alla, l-​anġlu kien jaf ’il fejn kien sejjer Elija. Kien jaf ukoll li Elija ma kienx se jiflaħ għall-​vjaġġ bil-​ħila tiegħu biss. Kemm hu taʼ faraġ li naqdu lil Alla li jaf il-​miri u l-​limitazzjonijiet tagħna aħjar milli nafuhom aħna stess! (Aqra Salm 103:13, 14.) Elija kif ibbenefika minn dik l-​ikla?

15, 16. (a) In-​nutriment mingħand Ġeħova x’għenu jagħmel lil Elija? (b) Għala għandna napprezzaw il-​mod kif Ġeħova jsostni lill-​qaddejja tiegħu llum?

15 Naqraw: “Qam u kiel u xorob, u bis-​saħħa taʼ dak in-​nutriment baqaʼ sejjer erbgħin jum u erbgħin lejl sal-​muntanja taʼ l-​Alla l-​veru, il-​Ħoreb.” (1 Slat. 19:8) Bħal Mosè xi sitt sekli qablu u bħal Ġesù kważi għaxar sekli warajh, Elija sam għal 40 jum u 40 lejl. (Eżo. 34:28; Lq. 4:1, 2) Dik l-​ikla waħda ma neħħitlux il-​problemi kollha, imma sostnietu b’mod mirakoluż. Immaġina lil dan ix-​xwejjaħ jissielet biex jivvjaġġa fix-​xagħri ġurnata wara l-​oħra, ġimgħa wara ġimgħa, għal kważi xahar u nofs mingħajr ma jkollu triq jew mogħdija xi jsegwi!

16 Illum, Ġeħova ma jsostnix lill-​qaddejja tiegħu b’ikel materjali mirakoluż, imma b’mod ħafna iktar vitali. Hu jipprovdi għall-​qaddejja tiegħu f’sens spiritwali. (Mt. 4:4) Meta nitgħallmu dwar Alla mill-​Kelma tiegħu u mill-​pubblikazzjonijiet li bir-​reqqa huma bbażati fuq il-​Bibbja niġu sostnuti spiritwalment. Jekk nieħdu nutriment spiritwali bħal dan, veru li forsi l-​problemi kollha tagħna ma jitilqux, imma nistgħu niġu megħjunin nissaportu dak li kieku ma nkunux nifilħu għalih. Ukoll iwassal għall-​“ħajja taʼ dejjem.”—Ġw. 17:3.

17. Elija fejn mar, u dan il-​post għala kien sinifikanti?

17 Elija mexa għal kważi 320 kilometru sakemm fl-​aħħar wasal sal-​Muntanja Ħoreb. Dan kien post sinifikanti għax kien hemmhekk li ħafna żmien qabel Alla Ġeħova permezz taʼ anġlu kien deher lil Mosè fl-​għollieqa taqbad. U kien hemmhekk ukoll li Ġeħova iktar tard kien għamel il-​patt tal-​Liġi maʼ Iżrael. Elija sab kenn f’għar.

Kif Ġeħova Farraġ u Saħħaħ lill-​Profeta Tiegħu

18, 19. (a) L-​anġlu taʼ Ġeħova liema mistoqsija għamel, u Elija kif wieġbu? (b) Elija kixef liema tliet raġunijiet għad-​dwejjaq tiegħu?

18 Fil-​Ħoreb, il-​“kelma” taʼ Ġeħova—li milli jidher kienet imwassla minn anġlu—poġġiet din il-​mistoqsija sempliċi: “X’int tagħmel hawn, Elija?” X’aktarx li għamel din il-​mistoqsija b’ġentilezza, għax Elija ħadha bħala stedina biex jiftaħ qalbu. U fetaħha qalbu! Qal: “Għert ħafna minħabba Ġeħova l-​Alla taʼ l-​armati; għax ulied Israel telqu l-​patt tiegħek, l-​artali tiegħek ġarrfuhom, u lill-​profeti tiegħek qatluhom bis-​sejf, u b’hekk jien biss baqaʼ; u qed jipprovaw jiħduli ħajti.” (1 Slat. 19:9, 10) Kliem Elija jikxef minn tal-​inqas tliet raġunijiet għad-​dwejjaq tiegħu.

19 L-​ewwel, Elija ħass li xogħlu kien sar għalxejn. Minkejja s-​snin li fihom ‘għer ħafna’ f’li jaqdi lil Ġeħova, f’li jpoġġi l-​isem sagru t’Alla u l-​qima tiegħu qabel kull ħaġ’oħra, Elija ra li l-​kundizzjonijiet donnhom kienu sejrin biss għall-​agħar. In-​nies kienu għadhom bla fidi u ribellużi, u l-​qima falza kienet qed tinfirex maʼ kullimkien. It-​tieni, Elija ħassu waħdu. Hu qal: “Jien biss baqaʼ,” bħallikieku kien l-​aħħar bniedem f’dak il-​ġens li kien għadu jaqdi lil Ġeħova. It-​tielet, Elija kien beżgħan. Ħafna mill-​profeti sħabu kienu diġà nqatlu, u kien ċert li kien imiss lilu. Setaʼ ma kienx faċli għal Elija biex jammetti kif kien qed iħossu, imma ma ħalliex il-​kburija jew il-​mistħija żżommu lura. Billi fetaħ qalbu m’Alla tiegħu permezz tat-​talb, hu ta eżempju mill-​aħjar lin-​nies leali kollha.—Salm 62:8.

20, 21. (a) Iddeskrivi x’ra Elija fid-​daħla tal-​għar fuq il-​Muntanja Ħoreb. (b) It-​turijiet tal-​qawwa taʼ Ġeħova x’għallmuh lil Elija?

20 Ġeħova kif ħa ħsieb il-​beżgħat u t-​tħassib t’Elija? L-​anġlu qal lil Elija biex jieqaf fid-​daħla tal-​għar. Hu obda, avolja ma kienx jaf x’kien ġej. F’daqqa waħda qam riħ qawwi! Żgur li għamel ħoss kbir għax tant kien qawwi li feraq il-​muntanji u qasam il-​blat. Immaġina lil Elija jipprova jgħatti għajnejh waqt li jiggranfa mal-​ilbies sempliċi u oħxon magħmul mix-​xagħar hekk kif ir-​riħ beda jtajru madwaru. Imbagħad kellu jissielet biex iżomm il-​bilanċ għax l-​art infisha bdiet titriegħed—terremot heżżeż lir-​reġjun! Bilkemm kien ġie f’siktu meta nar kbir għadda minn ħdejh u ġiegħlu jersaq lura fl-​għar biex jipproteġi ruħu mis-​sħana tikwi.—1 Slat. 19:11, 12.

Ġeħova uża l-qawwa tremenda tiegħu biex ifarraġ u jinkuraġġixxi lil Elija

21 F’kull każ, ir-​rakkont ifakkarna li Ġeħova ma kienx f’dawn it-​turijiet spettakolari tal-​qawwa tan-​natura. Elija kien jaf li Ġeħova ma kienx xi alla tan-​natura li ma jeżistix bħal Bagħal, li kien meqjum mill-​aduraturi mqarrqin bħala r-​“rikkieb tas-​sħab,” jew dak li jġib ix-​xita. Ġeħova hu s-​Sors veru tal-​qawwa tal-​għaġeb kollha li tinsab fin-​natura, imma hu wkoll bil-​wisq akbar minn kwalunkwe ħaġa li għamel. Saħansitra s-​smewwiet fiżiċi ma jistgħux jesgħuh! (1 Slat. 8:27) Dan kollu kif għen lil Elija? Ftakar x’kien il-​biżaʼ tiegħu. B’Alla bħal Ġeħova fuq in-​naħa tiegħu, b’dik il-​qawwa tremenda li Għandu, Elija ma kellu għalfejn jibżaʼ xejn affattu minn Aħab u Ġeżabel!—Aqra Salm 118:6.

22. (a) Il-​“leħen kalm u baxx” kif żgura lil Elija li hu kien apprezzat? (b) Min setaʼ kien is-​sors tal-​“leħen kalm u baxx”? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

22 Wara li telaq in-​nar, waqgħet ħemda u Elija semaʼ “leħen kalm u baxx.” Dan stieden lil Elija jerġaʼ jesprimi ruħu, u hekk għamel billi għat-​tieni darba fetaħ qalbu. * Forsi dan għenu jserraħ iktar moħħu. Iżda, mingħajr ebda dubju, Elija sab saħansitra iktar faraġ f’dak li issa qallu “l-​leħen kalm u baxx.” Ġeħova żgura lil Elija li hu kien apprezzat u xogħlu kien taʼ siwi. Kif? Alla rrivela ħafna mill-​iskop futur tiegħu dwar il-​gwerra kontra l-​qima taʼ Bagħal f’Iżrael. Jidher ċar li xogħol Elija ma kienx fieragħ għax l-​iskop t’Alla kien miexi ’l quddiem u ħadd ma setaʼ jwaqqfu. Barra minn hekk, Elija xorta kellu jkun parti minn dan l-​iskop għax Ġeħova bagħtu lura biex jaħdem b’xi istruzzjonijiet speċifiċi.—1 Slat. 19:12-​17.

23. Ġeħova liema żewġ affarijiet għamel biex itaffi s-​sentimenti taʼ solitudni li ħass Elija?

23 Xi ngħidu dwar is-​sentimenti taʼ solitudni li ħass Elija? Ġeħova għamel żewġ affarijiet dwar dan. L-​ewwel, qal lil Elija biex jidlek lil Eliżew bħala l-​profeta li eventwalment kien se jiġi warajh. Dan ir-​raġel iżgħar kien se jsir is-​sieħeb u l-​ajjutant t’Elija għal numru taʼ snin. Kemm kien prattiku dan il-​faraġ! It-​tieni, Ġeħova kixef din l-​aħbar eċċitanti: “Jien ħallejt sebat elef ruħ f’Israel, kull irkoppa li ma niżlitx quddiem Bagħal, u kull fomm li ma bisux.” (1 Slat. 19:18) Le, Elija ma kienx waħdu. Żgur li għamillu l-​qalb li jismaʼ b’dawk l-​eluf taʼ wħud leali li rrifjutaw li jqimu lil Bagħal. Huma kellhom bżonn li Elija jibqaʼ fis-​servizz leali tiegħu u jibqaʼ jagħtihom eżempju taʼ lealtà li ma titħarrikx lejn Ġeħova f’dawk iż-​żminijiet diffiċli. Elija żgur li ntmesset qalbu meta semaʼ dak il-​kliem permezz tal-​messaġġier taʼ Ġeħova, il-​“leħen kalm u baxx” taʼ Alla tiegħu.

Il-​Bibbja tistaʼ tkun bħal dak il-​“leħen kalm u baxx” jekk inħalluha tiggwidana llum

24, 25. (a) Illum b’liema mod nistgħu nisimgħu l-​“leħen kalm u baxx” taʼ Ġeħova? (b) Għala nistgħu nkunu ċerti li Elija aċċetta l-​faraġ li tah Ġeħova?

24 Bħal Elija, aħna għandna mnejn nibqgħu mistagħġbin bil-​forzi naturali immensi li jidhru fil-​ħolqien, u bir-​raġun. Il-​ħolqien juri b’mod ħaj il-​qawwa tal-​Ħallieq. (Rum. 1:20) Ġeħova għadu jħobb juża l-​qawwa bla limitu tiegħu biex jgħin lill-​qaddejja leali tiegħu. (2 Kron. 16:9) Madankollu, Alla jitkellem b’iktar dettall magħna permezz tal-​paġni tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. (Aqra Isaija 30:21.) F’ċertu sens, il-​Bibbja tistaʼ tkun bħal dak il-​“leħen kalm u baxx” jekk inħalluha tiggwidana llum. Permezz tal-​Kelma prezzjuża tiegħu, Ġeħova jikkoreġina, jinkuraġġina, u jiżgurana minn imħabbtu.

25 Aċċetta Elija l-​faraġ li tah Ġeħova fuq il-​Muntanja Ħoreb? Mingħajr dubju! Malajr reġaʼ taha għax-​xogħol u reġaʼ kien il-​profeta qalbieni u leali li ħa waqfa kontra l-​ħażen tal-​qima falza. Jekk aħna bl-​istess mod inniżżlu f’qalbna l-​kliem imnebbaħ t’Alla, “il-​faraġ mill-​Iskrittura,” se nkunu nistgħu nimitaw il-​fidi t’Elija.—Rum. 15:4.

^ par. 22 Is-​sors taʼ dan il-​“leħen kalm u baxx” setaʼ kien l-​istess spirtu li ntuża biex iwassal “il-​kelma taʼ Ġeħova” li nsibu fl-​1 Slaten 19:9. F’vers 15, dan l-​ispirtu jissemma sempliċement bħala “Ġeħova.” Aħna nistgħu niġu mfakkrin fl-​anġlu li uża Ġeħova biex jiggwida lil Iżrael fix-​xagħri u li dwaru Alla qal: “Jaġixxi f’ismi.” (Eżo. 23:21) Ovvjament, ma nistgħux inkunu ċerti mija fil-​mija dwar dan il-​punt imma taʼ min jinnota li fl-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, Ġesù qeda bħala “l-​Kelma,” il-​Kelliemi speċjali għall-​qaddejja taʼ Ġeħova.—Ġw. 1:1.