Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IMITA L-​FIDI TAGĦHOM | ENOK

“Kien għoġob sew lil Alla”

“Kien għoġob sew lil Alla”

ENOK għex ħajja twila. Jistaʼ jkun diffiċli għalina biex nimmaġinaw, imma dan ir-​raġel għex 365 sena—aktar minn erbaʼ darbiet minn kemm ngħixu normalment illum! Imma, fir-​realtà, ma kienx daqshekk xiħ għad-​dinja taʼ żmienu. F’dak iż-​żmien, aktar minn 5,000 sena ilu, in-​nies kienu jgħixu ferm aktar milli jgħixu llum. Adam, l-​ewwel raġel, kellu aktar minn 600 sena meta twieled Enok, u Adam għex 300 sena oħra! Xi wħud mid-​dixxendenti taʼ Adam għexu saħansitra aktar minn hekk. Allura taʼ 365 sena, Enok xorta waħda setaʼ deher li kien ibigħ is-​saħħa u li kien għad baqagħlu ħajja twila quddiemu. Imma, fil-​fatt, mhux hekk ġara.

Enok x’aktarx kien f’periklu kbir. Immaġinah qed jaħrab—mingħajr ma jistaʼ jneħħi minn quddiem għajnejh ir-​reazzjoni tan-​nies li kien għadu kemm wasslilhom messaġġ mingħand Alla. Kienu f’dagħdigħa taʼ rabja. Dawn in-​nies ma kinux jaħmluh pinġut. Kienu jobogħdu l-​messaġġ tiegħu u kienu jistmerru lil Alla li bagħtu. Ma setgħux jattakkaw lil Alla taʼ Enok, Ġeħova, imma żgur li setgħu jattakkaw lil dan ir-​raġel! Forsi Enok għaddielu minn moħħu jekk qattx kien se jerġaʼ jara lil familtu. Kien hu qed jaħseb f’martu u fi wliedu l-​bniet, jew f’ibnu Metuselaħ, jew fit-​tifel taʼ ibnu Lamek? (Ġenesi 5:21-​23, 25) Kien dan it-​tmiem?

Enok huwa persunaġġ kemxejn misterjuż fil-​Bibbja. Fil-​Bibbja hemm biss tliet siltiet qosra li jitkellmu dwaru bid-​dettall. (Ġenesi 5:21-​24; Ebrej 11:5; Ġuda 14, 15) Però, dawn il-​versi jipprovdu biżżejjed informazzjoni biex jagħtuna stampa taʼ raġel li kellu fidi kbira. Għandek familja x’tieħu ħsieb? Qatt sibtha bi tqila biex tieħu waqfa għal dak li hu sewwa? Jekk inhu hekk, int tistaʼ titgħallem ħafna mill-​fidi taʼ Enok.

“ENOK MEXA MAʼ L-​ALLA L-​VERU”

L-​umanità kienet fi triq ħażina ħafna meta tfaċċa Enok. Kienet is-​seba’ ġenerazzjoni mil-​linja t’Adam. F’dak iż-​żmien, in-​nies kienu fiżikament eqreb lejn il-​perfezzjoni li Adam u Eva xi darba kellhom u tilfu. Din hi r-​raġuni għala n-​nies kienu għadhom jgħixu aktar. Madanakollu, moralment u spiritwalment kienu f’kundizzjoni diżastruża. Il-​vjolenza kienet infirxet maʼ kullimkien. Din it-​tendenza kienet bdiet fit-​tieni ġenerazzjoni, meta Kajjin qatel lil ħuh Abel. Wieħed mid-​dixxendenti taʼ Kajjin donnu kien kburi li kien saħansitra aktar vjolenti u vendikattiv minn Kajjin! Fit-​tielet ġenerazzjoni, żviluppa ħażen aktar gravi. In-​nies bdew isejħu isem Ġeħova, iżda mhux biex iqimuh. Milli jidher, huma kienu qed jużaw l-​isem qaddis taʼ Alla b’nuqqas taʼ rispett billi bdew jidgħu bih.—Ġenesi 4:8, 23-​26.

Din il-​qima korrotta x’aktarx kienet fl-​aqwa tagħha fi żmien Enok. Hekk kif Enok beda jikber, kellu jagħmel għażla. Kien se jimxi max-​xejra tan-​nies taʼ żmienu? Jew kien se jfittex lill-​Alla l-​veru Ġeħova, li kien ħalaq is-​sema u l-​art? Żgur li Enok kien imqanqal profondament biex jitgħallem dwar Abel, li kien miet martri għax kien iqim lil Ġeħova bil-​mod kif kien jogħġob Lilu. Enok iddeċieda li jieħu waqfa simili. Ġenesi 5:22 jgħidilna: “Enok mexa maʼ l-​Alla l-​veru.” Din l-​espressjoni tal-​għaġeb tenfasizza kemm kien jispikka Enok bħala raġel li kellu devozzjoni lejn Alla f’dinja mingħajr Alla. Hu l-​ewwel bniedem li l-​Bibbja tiddeskrivih b’dan il-​mod.

L-​istess vers tal-​Bibbja juri li Enok kompla miexi maʼ Ġeħova wara li kellu lil ibnu Metuselaħ. Mela qed naraw lil Enok bħala raġel tal-​familja meta kellu madwar 65 sena. Hu kellu mara, li isimha ma jissemmiex fl-​Iskrittura, u għadd taʼ “subien u bniet.” Jekk missier irid jogħġob lil Alla waqt li jieħu ħsieb il-​familja u jipprovdi għaliha, għandu jipprova jieħu ħsiebha bil-​mod kif irid Alla. Enok fehem li Ġeħova stenna li hu kellu jibqaʼ leali lejn il-​mara tiegħu. (Ġenesi 2:24) U hu żgur li għamel l-​aħjar li setaʼ biex jgħallem lil uliedu dwar Alla Ġeħova. B’liema riżultat?

Il-​Bibbja ftit li xejn tagħtina dettalji f’dan ir-​rigward. Ma tgħid xejn dwar il-​fidi taʼ iben Enok, Metuselaħ, li fil-​Bibbja jissemma bħala l-​iktar bniedem li għex. Hu miet fis-​sena li ġie d-​Dulluvju l-​kbir. Metuselaħ kellu iben jismu Lamek. Lamek u nannuh Enok għexu fl-​istess żmien għal aktar minn mitt sena. U Lamek kiber u wera fidi li tispikka. Ġeħova ispirah biex ilissen profezija dwar Noè, iben Lamek, u din il-​profezija twettqet wara d-​Dulluvju. Noè, bħal bużnannuh Enok, spikka bħala raġel li mexa maʼ Alla. Noè qatt ma ltaqaʼ maʼ Enok. Imma Enok ħalla impatt li baqaʼ jissemma. Noè setaʼ tgħallem dwaru mingħand missieru stess Lamek, jew minn nannuh Metuselaħ, jew saħansitra mingħand Ġared, missier Enok, li miet meta Noè kellu 366 sena.—Ġenesi 5:25-​29; 6:9; 9:1.

Aħseb dwar il-​kuntrast bejn Enok u Adam. Adam, għalkemm kien perfett, dineb kontra Ġeħova u bħala wirt lid-​dixxendenti tiegħu ħallielhom ir-​ribelljoni u l-​miżerja. Enok, għalkemm kien imperfett, mexa maʼ Alla u bħala wirt lid-​dixxendenti tiegħu ħallielhom eżempju taʼ fidi. Adam miet meta Enok kellu 308 snin. Tnikktet il-​familja taʼ Adam għal dan il-​missier tant egoist? Ma nafux. Hu x’inhu l-​każ, Enok “mexa maʼ l-​Alla l-​veru.”—Ġenesi 5:24.

Jekk għandek familja x’tieħu ħsieb, aħseb x’tistaʼ titgħallem mill-​fidi taʼ Enok. Għalkemm huwa vitali li tipprovdi għall-​familja tiegħek materjalment, huwa aktar importanti li tipprovdi spiritwalment. (1 Timotju 5:8) Dan il-​bżonn ma timliehx biss b’dak li tgħid imma wkoll b’dak li tagħmel. Jekk tagħżel li timxi maʼ Alla, bħalma għamel Enok, billi tħalli l-​livelli ispirati taʼ Alla jiggwidawlek ħajtek, int ukoll se tħalli wirt għani għall-​familja tiegħek—eżempju imprezzabbli li jistgħu jimitaw.

ENOK “IPPROFETIZZA DWARHOM”

Enok setaʼ ħassu waħdu bħala raġel taʼ fidi f’dinja li ma kellha ebda fidi. Imma Alla tiegħu, Ġeħova, ta kasu? Iva. Waslet il-​ġurnata meta Ġeħova kkomunika maʼ dan il-​qaddej leali tiegħu. Alla lil Enok tah messaġġ biex iwasslu lin-​nies taʼ żmienu. Hu b’hekk għamel lil Enok profeta, l-​ewwel wieħed li l-​messaġġ tiegħu hu mniżżel fil-​Bibbja. Aħna nafu b’dan għaliex Ġuda, ħu Ġesù mill-​omm, kien ispirat biex iniżżel bil-​miktub il-​profezija taʼ Enok mijiet taʼ snin wara. *

X’kienet tgħid il-​profezija taʼ Enok? Kienet tgħid: “Ara! Ġeħova ġie bil-​mirjadi mqaddsa tiegħu, biex jagħmel ġudizzju minn kulħadd, u jikkundanna lil dawk kollha li m’għandhomx devozzjoni lejn Alla għall-​għemejjel bla devozzjoni kollha tagħhom li għamlu mingħajr devozzjoni, u għall-​kliem li jkexkex kollu li ntqal kontrih minn midinbin li m’għandhomx devozzjoni lejh.” (Ġuda 14, 15) Mela l-​ewwel ħaġa li tistaʼ tinnota hi li Enok tkellem fil-​passat, bħallikieku Alla kien diġà wettaq dak li tiddeskrivi l-​profezija. Dan hu stil taʼ kitba li ntuża f’ħafna mill-​profeziji li ġew wara. L-​idea hi din: Il-​profeta qed jitkellem dwar xi ħaġa li tant hu ċert li se sseħħ li jiddeskriviha bħallikieku diġà twettqet!—Isaija 46:10.

Enok mingħajr biżaʼ pprietka l-messaġġ taʼ Alla lil dinja ostili

Kif setaʼ ħassu Enok hu u jiddikjara dan il-​messaġġ, forsi waqt li ppritkah lil kull min tah widen? Innota kemm kienet qawwija t-​twissija—din erbaʼ darbiet takkuża lin-​nies, l-​għemejjel tagħhom, u l-​mod kif għamlu l-​affarijiet bħala li huma mingħajr devozzjoni. Din il-​profezija b’hekk wissiet l-​umanità kollha li l-​ħajja li kienu qegħdin jgħixu minn mindu tkeċċew mill-​Għeden kienet korrotta għalkollox. Dik id-​dinja kienet se tiffaċċja tmiem katastrofiku meta Ġeħova kien se jiġi “bil-​mirjadi mqaddsa tiegħu”—leġjuni taʼ anġli setgħana lesti għat-​taqbida—biex iġib qerda. Enok mingħajr biżaʼ pprietka din it-​twissija divina, u dan għamlu waħdu! Forsi ż-​żagħżugħ Lamek ħares b’ammirazzjoni lejn il-​kuraġġ taʼ nannuh. Jekk inhu hekk, nistgħu nifhmu għalfejn.

Il-​fidi taʼ Enok tistaʼ tqanqalna biex nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex naraw id-​dinja li qegħdin ngħixu fiha bil-​mod kif qed iħares lejha Alla. Il-​ġudizzju li Enok ħabbar bil-​qlubija għadu jgħodd illum; dan japplika għad-​dinja tal-​lum daqs kemm kien japplika għad-​dinja taʼ żmien Enok. Fi qbil mat-​twissija taʼ Enok, Ġeħova ġab Dulluvju kbir kontra d-​dinja taʼ mingħajr devozzjoni lejn Alla fi żmien Noè. Imma din il-​qerda hi eżempju taʼ qerda ferm akbar li għad trid tiġi. (Mattew 24:38, 39; 2 Pietru 2:4-​6) Illum, bħal dakinhar, Alla jinsab lest bil-​kotra kbira taʼ anġli tiegħu biex iġib ġudizzju ġust kontra dinja mingħajr devozzjoni lejn Alla. Kull wieħed u waħda minna għandu jieħu t-​twissija taʼ Enok bis-​serjetà u jaqsamha m’oħrajn. Il-​familja u l-​ħbieb tagħna jistgħu jwarrbuna. Nistgħu nħossuna waħedna xi kultant. Imma Ġeħova qatt m’abbanduna lil Enok u lanqas mhu se jabbanduna lill-​qaddejja leali tiegħu llum!

“ĠIE TRASFERIT BIEX MA JARAX IL-​MEWT”

It-​tmiem kif ġie għal Enok? Sa ċertu punt il-​mewt tiegħu tqanqal aktar kurżità u misteru mill-​ħajja tiegħu. Ir-​rakkont taʼ Ġenesi sempliċiment jgħid: “U Enok mexa maʼ l-​Alla l-​veru. Imbagħad ma deherx iktar, għax Alla ħadu.” (Ġenesi 5:24) F’liema sens Alla ħa lil Enok? Aktar tard, l-​appostlu Pawlu jispjega: “Bil-​fidi Enok ġie trasferit biex ma jarax il-​mewt, u ma nstab imkien għax Alla kien ittrasferieh; imma qabel ma ġie trasferit kellu x-​xiehda li kien għoġob sew lil Alla.” (Ebrej 11:5) X’ried jgħid Pawlu b’din il-​frażi “ġie trasferit biex ma jarax il-​mewt”? Xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja jgħidu li Alla ħa lil Enok fis-​sema. Imma dan maʼ jistax ikun. Il-​Bibbja turi li Ġesù Kristu kien l-​ewwel wieħed irxoxtat lejn is-​sema.—Ġwanni 3:13.

Allura Enok f’liema sens “ġie trasferit biex ma jarax il-​mewt”? Ġeħova x’aktarx ittrasferixxa lil Enok bil-​ġentilezza mill-​ħajja għall-​mewt, u b’hekk ħelsu minn mewta vjolenti minn taħt idejn dawk li kienu jobogħduh. Imma l-​ewwel Enok irċieva “x-​xiehda li kien għoġob sew lil Alla.” Kif? Ftit qabel mewtu, Enok setaʼ rċieva viżjoni mingħand Alla, forsi viżjoni tal-​art magħmula ġenna. B’dan is-​sinjal ċar li juri l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova, Enok raqad fil-​mewt. Waqt li kien qed jikteb dwar Enok u rġiel u nisa leali oħrajn, l-​appostlu Pawlu stqarr: “Dawn kollha mietu waqt li żammew il-​fidi.” (Ebrej 11:13) Minn hemm ʼil quddiem, jistaʼ jkun li l-​għedewwa tiegħu pprovaw isibu l-​ġisem taʼ Enok, iżda “ma nstab imkien,” forsi għaliex Ġeħova kien sparixxieh. B’hekk, hu ma ħalliex lill-​għedewwa jkażbru jew jużaw il-​ġisem taʼ Enok biex jippromwovu reliġjon falza. *

B’dan ir-​raġunament Skritturali f’moħħna, ħa nipprovaw nimmaġinaw kif setgħet intemmet il-​ħajja taʼ Enok. Immaġina dan ix-​xenarju u żomm f’moħħok li din tistaʼ tkun biss possibbiltà waħda. Enok kien qed jaħrab, kważi mifluġ. Dawk li kienu qed jippersegwitawh kienu qed jiġru warajh, bir-​ragħwa f’ħalqhom minħabba l-​messaġġ taʼ ġudizzju tiegħu. Enok sab post għall-​kenn fejn setaʼ jistrieħ xi ftit, imma hu kien jaf li ma setax jaħrab għal dejjem. Kien hemm mewta vjolenti tistennieh. Xħin kien qed jistrieħ, talab lill-​Alla tiegħu. Imbagħad ħass paċi profonda. Viżjoni li kienet ċara daqslikieku Enok kien qiegħed fiha, ħaditu ’l bogħod.

X’aktarx li Enok iffaċċja mewta vjolenti meta Ġeħova ħadu

Immaġina li nfetħet dehra quddiem għajnejh li kienet qed turih dinja kompletament differenti minn dik li kien jaf hu. Għalih kienet sabiħa daqs kemm setaʼ kien sabiħ il-​ġnien tal-​Għeden, imma ma kienx hemm kerubini jgħassu d-​daħla biex ma jidħlux nies. Kien hemm għadd kbir taʼ rġiel u nisa mimlijin saħħa u enerġija. Kien hemm il-​paċi tirrenja fosthom. Ma kien hemm l-​ebda traċċa taʼ mibegħda u persekuzzjoni reliġjuża li tant kien familjari magħhom Enok. Enok ħass l-​assiguranza, l-​imħabba, u l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. Hu kien ċert li hemm kien postu; dan il-​post kien se jkun daru. Hekk kif ħassu aktar u aktar fil-​paċi, Enok għalaq għajnejh u raqad raqda profonda, waħda mingħajr ħolm.

Hu għadu hemm sal-​ġurnata tal-​lum—rieqed fil-​mewt, imħares sew fil-​memorja mingħajr limitu taʼ Alla Ġeħova! Bħalma aktar tard wiegħed Ġesù, ġej il-​jum meta dawk kollha fil-​memorja taʼ Alla se jisimgħu leħen Kristu u joħorġu mill-​qabar, u se jiftħu għajnejhom f’dinja ġdida sabiħa u taʼ paċi.—Ġwanni 5:28, 29.

Tixtieq tkun hemmhekk? Immaġina x’eċċitament li tiltaqaʼ maʼ Enok. Aħseb dwar kemm nistgħu nitgħallmu affarijiet affaxxinanti mingħandu! Se jkun jistaʼ jgħidilna jekk dan ix-​xenarju li immaġinajna dwar l-​aħħar mumenti taʼ ħajtu kienx simili għal dak li ġara. Imma hemm xi ħaġa li b’mod urġenti għandna bżonn nitgħallmu minnu minn issa stess. Wara li semma lil Enok, Pawlu kompla jgħid: “Mingħajr fidi impossibbli li togħġbu [lil Alla] sew.” (Ebrej 11:6) X’raġuni importanti għandna lkoll biex nimitaw il-​fidi kuraġġuża taʼ Enok!

^ par. 14 Xi studjużi Bibliċi jgħidu li Ġuda kkwota xogħol apokrifu msejjaħ il-​Ktieb taʼ Enok, imma dan il-​ktieb huwa xogħol kollu immaġinazzjoni taʼ oriġini dubjuża u li b’mod falz intqal li nkiteb minn Enok. Meta dan il-​ktieb jirreferi għall-​profezija taʼ Enok, dan jagħmlu b’mod eżatt, imma jistaʼ jkun li din ir-​referenza ttieħdet minn sors antik li llum m’għadux jeżisti. Dan is-​sors setaʼ kien dokument miktub jew mgħoddi minn ġenerazzjoni għal oħra oralment. Ġuda forsi uża l-​istess sors antik jew tgħallem dwar Enok mingħand Ġesù, li hu stess ra l-​ħajja taʼ Enok mis-​sema.

^ par. 20 B’mod simili, Alla x’aktarx għamel ċert li l-​iġsma taʼ Mosè u taʼ Ġesù jkunu meħlusin minn abbużi bħal dawn.—Dewteronomju 34:5, 6; Luqa 24:3-​6; Ġuda 9.