L-Aħbar Tajba Skont Luqa 6:1-49

  • Ġesù għandu “awtorità fuq is-Sabat” (1-5)

  • Raġel b’idu pparalizzata (6-11)

  • It-12-il appostlu (12-16)

  • Ġesù jgħallem u jfejjaq (17-19)

  • Riżultati tajbin u ħżiena (20-26)

  • “Ħobbu lill-għedewwa” (27-36)

  • “Tibqgħux tiġġudikaw” (37-42)

  • “Siġra tingħaraf mill-frott tagħha” (43-45)

  • Dar mibnija sew; dar mingħajr pedament (46-49)

6  Fis-Sabat hu kien għaddej mill-għelieqi tal-qamħ u d-dixxipli tiegħu bdew jaqtgħu l-parti taʼ fuq tal-qamħ. Huma bdew jogħrkuhom bejn idejhom biex jieħdu l-qamħ u jikluh.  Għal dan, xi Fariżej qalu: “Għala qed tagħmlu xi ħaġa li skont il-Liġi ma tistgħux tagħmluha fis-Sabat?”  Imma Ġesù wiġibhom: “Qatt ma qrajtu x’għamel David meta hu u l-irġiel li kienu miegħu kellhom il-ġuħ?  Hu daħal fid-dar t’Alla u ngħata l-ħobż tal-preżenza u kiel minnu u ta lill-irġiel li kien hemm miegħu, xi ħaġa li skont il-Liġi l-qassisin biss setgħu jagħmluha.”  Imbagħad qalilhom: “Jien, Bin il-bniedem, għandi awtorità fuq is-Sabat.”*  Darb’oħra, fis-Sabat, daħal fis-sinagoga u beda jgħallem. U kien hemm raġel li kellu idu l-leminija pparalizzata.*  L-iskribi u l-Fariżej kienu għassa għal Ġesù biex jaraw jekk kienx se jfejjaq fis-Sabat, ħalli jsibu fuqiex jakkużawh.  Imma hu kien jaf x’qed jaħsbu, u għalhekk qal lir-raġel li kellu idu pparalizzata:* “Qum u ejja fin-nofs.” U dan hekk għamel.  Imbagħad Ġesù staqsiehom: “Skont il-Liġi x’tistaʼ tagħmel fis-Sabat, affarijiet tajbin jew ħżiena, issalva ħajja jew teqridha?” 10  Wara li ħares lejhom kollha, qal lir-raġel: “Oħroġ idek.” Dan hekk għamel, u idu fieqet. 11  Imma huma tgħidx kemm irrabjaw, u bdew jitkellmu bejniethom dwar x’setgħu jagħmlu lil Ġesù. 12  Darba minnhom, hu mar fuq il-muntanja biex jitlob, u qattaʼ lejl sħiħ jitlob lil Alla. 13  Meta sebaħ, hu għajjat lid-dixxipli tiegħu, għażel 12 minnhom, u sejħilhom appostli. Dawn kienu: 14  Xmun, li semmieh ukoll Pietru, ħuh Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew, 15  Mattew, Tumas, Ġakbu bin Alfew, Xmun li kienu jgħidulu “ż-żeluż,” 16  Ġuda bin Ġakbu, u Ġuda l-Iskarjota, li sar traditur. 17  Hu niżel magħhom u qagħad fuq art ċatta. Hemm kien hemm folla kbira taʼ dixxipli u ammont kbir ħafna taʼ nies li ġew mil-Lhudija kollha, minn Ġerusalemm, u minn Tir u Sidon, li qegħdin ħdejn il-baħar. Dawn ġew biex jisimgħuh u jfiqu mill-mard tagħhom. 18  Anki dawk li kellhom spirti ħżiena* ġew imfejqin. 19  Il-folla kollha bdiet tipprova tmissu, għax minnu kienet ħierġa qawwa li kienet qed tfejjaqhom ilkoll. 20  Hu ħares lejn id-dixxipli tiegħu u beda jgħid: “Ferħanin intom il-foqra, għax tagħkom hi s-Saltna t’Alla.* 21  “Ferħanin intom li issa bil-ġuħ, għax se tixbgħu. “Ferħanin intom li issa qed tibku, għax se tidħqu. 22  “Ferħanin intom meta n-nies jobogħdukom, u meta jkeċċukom, jgħajrukom, iwarrbukom, u jgħidu li intom ħżiena* minħabba fija, Bin il-bniedem. 23  Dawn huma l-istess affarijiet li l-antenati tagħhom għamlu lill-profeti. Ifirħu u aqbżu bil-ferħ dakinhar, għax Alla se jberikkom bil-kbir.* 24  “Imma ħażin għalikom intom is-sinjuri, għax dak li għandkom issa biss se tgawdu. 25  “Ħażin għalikom li issa mxebbgħin, għax se tkunu bil-ġuħ. “Ħażin għalikom li issa qed tidħqu, għax se tkunu mdejqin u tibku. 26  “Ħażin għalikom meta n-nies kollha jfaħħrukom, għax hekk għamlu l-antenati tagħhom lill-profeti foloz. 27  “Imma lilkom li qed tisimgħu ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom, agħmlu t-tajjeb maʼ dawk li jobogħdukom, 28  bierku lil dawk li jisħtukom, u itolbu għal dawk li jittrattawkom ħażin. 29  Lil min jagħtik daqqa taʼ ħarta, dawwar wiċċek u ħallih jagħtik daqqa n-naħa l-oħra. Jekk xi ħadd jiħodlok il-libsa, agħtih il-ħwejjeġ kollha li għandek fuqek. 30  Agħti lil kull min jitolbok, u titlobx lura l-affarijiet mingħand min jiħodhomlok. 31  “Ukoll, ittrattaw lil oħrajn bħalma tridu li tiġu ttrattati intom. 32  “Jekk tħobbu lil min iħobbkom, liema tifħir ikun ħaqqkom? Għax anki l-midinbin* jagħmlu hekk. 33  U jekk tgħinu lil dawk li jgħinukom, liema tifħir ikun ħaqqkom? Anki l-midinbin jagħmlu hekk. 34  Jekk issellfu* lil dawk li tistennew li jħallsukom lura, liema tifħir ikun ħaqqkom? Anki l-midinbin isellfu lill-midinbin u jistennew li jieħdu lura daqskemm ikunu taw. 35  Minflok, komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom, agħmlu t-tajjeb, u isilfu mingħajr ma tistennew xejn lura. B’hekk il-premju tagħkom ikun kbir u tkunu t-tfal tal-Iktar Għoli, għax hu qalbu tajba anki lejn dawk li ma japprezzawx u l-ħżiena. 36  Komplu uru ħniena bħalma jagħmel Missierkom. 37  “Iktar minn hekk, tibqgħux tiġġudikaw lill-oħrajn, u Alla ma jiġġudikakomx. Tibqgħux tikkundannaw lill-oħrajn, u Alla ma jikkundannakomx. Ibqgħu aħfru lill-oħrajn, u Alla jaħfrilkom. 38  Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom. Huma se jpoġġu ammont ġeneruż fil-but tal-ħwejjeġ tagħkom billi jċaqalquh u jippressawh ’l isfel. Għax jekk tagħtu ħafna, se tirċievu lura daqskemm tajtu.” 39  Imbagħad ġabilhom ukoll dan l-eżempju: “Raġel agħmi ma jistax imexxi lil xi ħadd agħmi, hux hekk? Inkella t-tnejn jaqgħu f’ħofra. 40  Student* mhuwiex aħjar mill-għalliem tiegħu, imma kull min jiġi mgħallem b’mod perfett ikun bħall-għalliem tiegħu. 41  Allura, għala tinnota t-tibna f’għajn ħuk* u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek? 42  Kif tistaʼ tgħid lil ħuk, ‘Ħallini nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek,’ meta int m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek stess? Ja ipokrita! L-ewwel neħħi t-travu minn għajnek, u mbagħad tkun tistaʼ tneħħi t-tibna minn għajn ħuk. 43  “Ebda siġra tajba ma tagħti frott ħażin, u ebda siġra ħażina ma tagħti frott tajjeb. 44  Għax kull siġra tingħaraf mill-frott tagħha. Pereżempju, in-nies ma jaqtgħux it-tin mix-xewk, u lanqas ma jaqtgħu l-għeneb mill-għollieq. 45  Raġel tajjeb jgħid affarijiet tajbin għax affarijiet tajbin għandu f’qalbu, imma raġel ħażin jgħid affarijiet ħżiena għax hu jitkellem skont dak li hemm f’qalbu. 46  “Mela għala tgħiduli ‘Mulej! Mulej!’ imma ma tagħmlux dak li ngħid? 47  Kull min jiġi għandi, jismaʼ kliemi, u jobdih, ikun qisu 48  raġel li meta bena dar, ħaffer ’l isfel ħafna u għamel pedament fuq il-blat. Għalhekk, meta niżlet ħafna xita u l-ilma mix-xmara ħabat mad-dar, din ma ċċaqalqitx, għax kienet mibnija sew. 49  Mill-banda l-oħra, kull min jismaʼ kliemi u ma jobdihx, hu bħal raġel li jibni dar mingħajr pedament. Hekk kif ix-xmara tħabbat magħha, taqaʼ, u l-ħsara tkun kbira.”

Noti taʼ taħt

Jew “is-Sid tas-Sabat.”
Letteralment “niexfa.”
Letteralment “niexfa.”
Letteralment “mhux nodfa.”
Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “li isimkom hu ħażin.”
Letteralment “għax il-ħlas tagħkom hu kbir fis-sema.”
Jew “in-nies li jagħmlu d-dnub.”
Jiġifieri mingħajr imgħax.
Jew “Dixxiplu.”
Jiġifieri xi ħadd ieħor li jqim lil Alla.