Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

A4

L-isem divin fl-Iskrittura Ebrajka

L-isem divin bl-ittri Ebrajċi tal-qedem li kienu jintużaw qabel l-eżilju f’Babilonja

L-isem divin bl-ittri Ebrajċi li kienu jintużaw wara l-eżilju f’Babilonja

L-isem divin, li huwa rappreżentat mill-erbaʼ konsonanti Ebrajċi יהוה, jidher kważi 7,000 darba fl-Iskrittura Ebrajka. It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tittraduċi dawn l-erbaʼ ittri, li jissejħu t-Tetragrammaton, bħala “Ġeħova.” Dan l-isem jidher fil-Bibbja bil-wisq iktar minn kull isem ieħor. Filwaqt li l-kittieba ispirati jirreferu għal Alla b’ħafna titli u kliem deskrittiv, bħal “Dak li Jistaʼ Kollox,” “l-Iktar Għoli,” u “Mulej,” it-Tetragrammaton hu l-uniku isem persunali li jużaw biex jidentifikaw lil Alla.

Alla Ġeħova nnifsu ispira lill-kittieba tal-Bibbja biex jużaw ismu. Pereżempju, hu nebbaħ lill-profeta Ġoel biex jikteb: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jsalva.” (Ġoel 2:32) U Alla qanqal lil wieħed salmista biex jikteb: “Biex in-nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, Int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.” (Salm 83:18) Infatti, l-isem divin jidher mas-700 darba fil-ktieb tas-Salmi biss—ktieb mimli poeżiji li kellhom jitkantaw u jitlissnu mill-poplu t’Alla. Allura, l-isem t’Alla għala ma jinstabx f’ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja? Għala t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tuża l-kelma “Ġeħova”? U l-isem divin, Ġeħova, xi jfisser?

Siltiet mis-Salmi fir-Romblu tal-Baħar il-Mejjet li jmorru lura għal nofs l-ewwel seklu wara Kristu (WK). It-test hu miktub b’ittri bl-Ebrajk li normalment kienu jintużaw wara l-eżilju f’Babilonja, imma t-Tetragrammaton jidher kemm-il darba b’ittri bl-Ebrajk tal-qedem li jintgħarfu

Dan l-isem għala ma jinstabx f’ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja? Ir-raġunijiet ivarjaw. Xi wħud iħossu li Alla li Jistaʼ Kollox m’għandux bżonn isem uniku biex jidentifikah. Oħrajn milli jidher ġew influwenzati mit-tradizzjoni Lhudija li kienet tgħid li l-isem t’Alla għandu jiġi evitat. Dan forsi għax jibżgħu li jkażbruh. Jerġaʼ oħrajn jemmnu li ladarba ħadd ma jaf kif jippronunzja eżatt l-isem t’Alla, ikun aħjar jekk sempliċement jintuża titlu, bħal “Mulej” jew “Alla.” Imma oġġezzjonijiet bħal dawn ma tistax toqgħod fuqhom minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

  • Dawk li jsostnu li Alla li Jistaʼ Kollox m’għandux bżonn isem uniku jinjoraw l-evidenza li kopji tal-bidu tal-Kelma tiegħu, inkluż dawk miżmumin fi stat tajjeb minn qabel żmien Kristu, kien fihom l-isem persunali t’Alla. Bħalma diġà ssemma, Alla ħa ħsieb li ismu jkun inkluż fil-Kelma tiegħu madwar 7,000 darba. Ovvjament, hu jridna nkunu nafu ismu u nużawh.

  • Tradutturi li jneħħu l-isem biex jirrispettaw it-traduzzjoni Lhudija ma jirrikonoxxux aspett importanti. Waqt li xi skribi Lhud ma ridux jippronunzjaw l-isem, huma ma neħħewhx mill-kopji tagħhom tal-Bibbja. Skrolli antiki li nstabu fl-inħawi taʼ Qumran, viċin il-Baħar il-Mejjet, fihom l-isem f’ħafna bnadi. Xi tradutturi tal-Bibbja jagħtu ħjiel li fit-test oriġinali kien hemm l-isem divin billi poġġew it-titlu “MULEJ” b’ittri kbar. Imma tibqaʼ l-mistoqsija, Jekk dawn it-tradutturi kienu jafu li l-isem t’Alla jinsab eluf taʼ drabi fit-test tal-Bibbja, għala ma ddejqux jibdluh jew ineħħuh? Min mingħalihom tahom l-awtorità li jagħmlu bidla bħal din? Huma biss jistgħu jwieġbu.

  • Dawk li jgħidu li l-isem divin m’għandux jintuża għax ma nafux kif kien jiġi pronunzjat eżattament, xorta waħda jużaw isem Ġesù mingħajr diffikultà. Però, id-dixxipli taʼ Ġesù tal-ewwel seklu kienu jlissnu ismu differenti mill-mod kif ilissnuh il-biċċa l-kbira tal-Kristjani llum. Il-Kristjani Lhud wisq probabbli kienu jlissnu l-isem Ġesù bħala Jesugħa. U t-titlu “Kristu” kienu jgħiduh Maxjok, jew “Messija.” Il-Kristjani li kienu jitkellmu bil-Grieg kienu jsejħulu Jejsus Krejstaws, u l-Kristjani li kienu jitkellmu bil-Latin kienu jsejħulu Jejsus Krejstus. It-traduzzjoni Griega taʼ ismu ġiet imniżżla fil-Bibbja taħt ispirazzjoni, u dan juri li l-Kristjani tal-ewwel seklu kienu għaqlin u użaw l-isem li kien komuni bil-lingwa tagħhom. B’mod simili, il-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja tad-Dinja l-Ġdida jħoss li hu raġunevoli li jintuża l-isem “Ġeħova,” anki jekk din it-traduzzjoni tal-isem divin mhijiex il-mod eżatt kif kien jiġi mlissen bl-Ebrajk tal-qedem.

Għala t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tuża l-isem “Ġeħova”? L-erbaʼ ittri tat-Tetragrammaton (יהוה) bil-Malti huma rappreżentati mill-konsonanti JĦWH. Bħall-kliem kollu miktub bl-Ebrajk tal-qedem, it-Tetragrammaton ma kienx fih vokali. Meta l-Ebrajk tal-qedem kien mitkellem fil-ħajja taʼ kuljum, il-qarrejja ma kinux isibu diffikultà jdaħħlu l-vokali fejn kien ikun xieraq.

Madwar elf sena wara li tlestiet l-Iskrittura Ebrajka, studjużi Lhud żviluppaw sistema taʼ tikek, jew sinjali, biex bihom ikunu jafu liema vokali għandhom jużaw meta jaqraw bil-lingwa Ebrajka. Imma, sa dak iż-żmien, ħafna Lhud kellhom l-idea superstizzjuża li kien ħażin li tgħid l-isem persunali t’Alla b’leħen għoli, u minħabba f’hekk bdew jużaw espressjonijiet oħrajn minfloku. Għaldaqstant, jidher li meta kkopjaw it-Tetragrammaton, huma għaqqdu l-vokali taʼ dawn l-espressjonijiet oħrajn mal-erbaʼ konsonanti li jirrappreżentaw l-isem divin. Għalhekk, il-manuskritti b’dawn il-vokali mhumiex t’għajnuna biex inkunu nafu kif kien jiġi pronunzjat oriġinarjament l-isem bil-lingwa Ebrajka. Xi wħud iħossu li l-isem kien jiġi mlissen “Jaħweh,” filwaqt li oħrajn jissuġġerixxu pronunzji differenti. Ir-Romblu tal-Baħar il-Mejjet li fih silta minn Levitiku bil-Grieg jittraduċi l-isem divin bħala Jow. Minbarra din it-traduzzjoni, il-kittieba Griegi tal-bidu jissuġġerixxu wkoll il-pronunzji Jowe, Jobe, u Jouwe. Però, m’hemmx għalfejn inkunu dommatiċi. Aħna sempliċement ma nafux kif il-qaddejja t’Alla tal-qedem kienu jlissnu dan l-isem bil-lingwa Ebrajka. (Ġenesi 13:4; Eżodu 3:15) Dak li nafu hu li Alla uża ismu kemm-il darba meta kkomunika mal-poplu tiegħu, li huma sejħulu b’dak l-isem, u li kienu jużawh bil-libertà kollha meta kienu jitkellmu m’oħrajn.—Eżodu 6:2; 1 Slaten 8:23; Salm 99:9.

Allura, għala t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tuża l-isem “Ġeħova”? Dan ġej mill-isem divin “Jehovah,” li għandu storja twila fil-lingwa Ingliża.

L-isem t’Alla f’​Ġenesi 15:2 fit-traduzzjoni tal-Pentatewku taʼ William Tyndale, 1530

L-ewwel traduzzjoni tal-isem persunali t’Alla f’Bibbja Ingliża dehret fl-1530 fit-traduzzjoni tal-Pentatewku taʼ William Tyndale. Hu uża l-isem “Iehouah.” Maż-żmien, il-lingwa Ingliża nbidlet, u l-mod kif jinkiteb l-isem t’Alla ġie modernizzat. Pereżempju, fl-1612, Henry Ainsworth uża l-isem “Iehovah” fit-traduzzjoni tiegħu tal-ktieb tas-Salmi. Imbagħad, fl-1639, meta dan ix-xogħol ġie rivedut u stampat flimkien mal-Pentatewku, intuża l-isem “Jehovah.” Fl-1901, it-tradutturi li ppubblikaw l-American Standard Version tal-Bibbja użaw l-isem “Jehovah” fejn fit-test Ebrajk deher l-isem divin.

Meta spjega għala uża “Jehovah” minflok “Yahweh” fix-xogħol tiegħu Studies in the Psalms fl-1911, l-istudjuż tal-Bibbja rispettat Joseph Bryant Rotherham qal li hu ried juża “isem iktar familjari (u fl-istess ħin aċċettat għalkollox) mill-pubbliku inġenerali li jaqra l-Bibbja.” Fl-1930, l-istudjuż A. F. Kirkpatrick qal xi ħaġa simili rigward l-użu tal-isem “Jehovah.” Hu qal: “Esperti tal-grammatika taʼ żmienna jsostnu li għandu jinqara Yahveh jew Yahaveh; imma JEHOVAH jidher li hu stabbilit sew fil-lingwa Ingliża, u l-iktar ħaġa importanti mhijiex kif għandu jiġi pronunzjat eżattament, imma li jiġi rikonoxxut bħala Isem Proprju, u mhux sempliċi titlu komuni bħal ‘Mulej.’”

It-Tetragrammaton, JĦWH: “Hu Jġiegħel li Jsir”

Il-verb ĦWH: “li jsir”

Xi jfisser l-isem Ġeħova? Bl-Ebrajk l-isem Ġeħova ġej mill-verb li jfisser “li jsir,” u għadd taʼ studjużi jħossu li dan jirrifletti l-forma kawżattiva tal-verb Ebrajk (verb li jqanqal azzjoni). Għaldaqstant, il-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja tad-Dinja l-Ġdida hu tal-fehma li isem Alla jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” L-istudjużi għandhom fehmiet differenti, allura ma nistgħux inkunu dommatiċi dwar dan it-tifsir. Madankollu, din it-tifsira taqbel sewwa mal-irwol taʼ Ġeħova bħala l-Ħallieq tal-affarijiet kollha u l-Wieħed li jwettaq l-iskop tiegħu. Hu mhux biss ħalaq l-univers, il-bnedmin, u l-anġli, imma hekk kif jiżvolġu l-affarijiet, hu jkompli jagħmel ċert li r-rieda u l-iskop tiegħu jseħħu dejjem.

Għalhekk, it-tifsir tal-isem Ġeħova mhuwiex limitat biss mal-verb li nsibu f’​Eżodu 3:14, li jgħid: “JIEN SE NSIR DAK LI RRID INSIR.” Dan il-kliem ma jispjegax bis-sħiħ l-isem t’Alla. Minflok juri aspett tal-personalità t’Alla, billi juri li hu jsir dak li hemm bżonn f’kull ċirkustanza sabiex iwettaq l-iskop tiegħu. B’hekk, filwaqt li l-isem Ġeħova jistaʼ jinkludi dan il-ħsieb, mhuwiex limitat għal dak li hu nnifsu jagħżel li jsir. Dan jinkludi wkoll dak li jġiegħel li jsir f’konnessjoni mal-ħolqien tiegħu u t-twettiq tal-iskop tiegħu.