Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

A5

L-isem divin fl-Iskrittura Griega Kristjana

Studjużi tal-Bibbja jirrikonoxxu li l-isem persunali t’Alla, kif inhu rappreżentat mit-Tetragrammaton (יהוה), jidher kważi 7,000 darba fit-test oriġinali tal-Iskrittura Ebrajka. Madankollu, ħafna jħossu li ma kienx jidher fit-test oriġinali tal-Iskrittura Griega Kristjana. Minħabba f’hekk, ħafna Bibbji moderni ma jużawx l-isem Ġeħova meta jittraduċu l-hekk imsejjaħ Testment il-Ġdid. Anki meta jittraduċu kwotazzjonijiet mill-Iskrittura Ebrajka li fihom kien jidher it-Tetragrammaton, il-maġġuranza tat-tradutturi jużaw “Mulej” minflok l-isem persunali t’Alla.

It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa ma ssegwix din il-prattika komuni. B’kollox, l-Iskrittura Griega Kristjana tuża l-isem Ġeħova 237 darba. Meta ddeċidew li jagħmlu hekk, it-tradutturi kkunsidraw żewġ fatturi importanti: (1) Il-manuskritti Griegi li għandna llum mhumiex l-oriġinali. Mill-eluf taʼ kopji li jeżistu llum, il-biċċa l-kbira minnhom inkitbu minn tal-inqas mitejn sena wara li ġew miktubin l-oriġinali. (2) Sa dak iż-żmien, dawk li kkopjaw il-manuskritti kitbu l-kelma Kirjos, il-kelma Griega għal “Mulej,” minflok it-Tetragrammaton jew inkella kkopjaw minn manuskritti li diġà kien fihom din il-bidla.

Il-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja tad-Dinja l-Ġdida wasal għall-konklużjoni li hemm evidenza konvinċenti li t-Tetragrammaton kien jidher fil-manuskritti Griegi oriġinali. Id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-evidenza li ġejja:

  • Kopji tal-Iskrittura Ebrajka li kienu jintużaw fi żmien Ġesù u l-appostli tiegħu kien fihom it-Tetragrammaton. Fil-passat, kienu ftit in-nies li merew din il-konklużjoni. Issa peress li qrib l-inħawi taʼ Qumran instabu kopji tal-Iskrittura Ebrajka li jmorru lura għall-ewwel seklu, ħadd ma jistaʼ jiċħad dan il-fatt.

  • Fi żmien Ġesù u l-appostli tiegħu, it-Tetragrammaton kien jidher ukoll fit-traduzzjonijiet Griegi tal-Iskrittura Ebrajka. Għal sekli sħaħ, l-istudjużi kienu jaħsbu li ma kienx hemm it-Tetragrammaton fil-manuskritti tat-traduzzjoni tas-Settanta Griega tal-Iskrittura Ebrajka. Imbagħad, f’nofs is-seklu 20, inġiebu għall-attenzjoni xi frammenti qodma ħafna tal-verżjoni tas-Settanta Griega li kienet teżisti fi żmien Ġesù. Dawn il-frammenti fihom l-isem persunali t’Alla miktub b’ittri Ebrajċi. B’hekk, fi żmien Ġesù, kopji tal-Iskrittura bil-Grieg kien fihom l-isem divin. Però, sar-rabaʼ seklu WK, il-manuskritti prinċipali tas-Settanta Griega, bħall-Manuskritt tal-Vatikan u l-Manuskritt Sinajtiku, ma kienx fihom l-isem divin fil-kotba minn Ġenesi sa Malakija (fejn kien jidher fil-manuskritti taʼ qabel). Allura, ma niħduhiex bi kbira li fil-kitba li għadha teżisti minn dak iż-żmien, l-isem divin ma jinstabx fl-hekk imsejjaħ Testment il-Ġdid, jew fl-Iskrittura Griega Kristjana.

    Ġesù qal ċar u tond: “Jien ġejt f’isem Missieri.” Hu enfasizza wkoll li l-għemejjel tiegħu għamilhom ‘f’isem Missieru’

  • L-Iskrittura Griega Kristjana stess turi li Ġesù spiss kien jirreferi għall-isem t’Alla u kien jagħmlu magħruf m’oħrajn. (Ġwanni 17:6, 11, 12, 26) Ġesù qal ċar u tond: “Jien ġejt f’isem Missieri.” Hu enfasizza wkoll li l-għemejjel tiegħu għamilhom ‘f’isem Missieru.’—Ġwanni 5:43; 10:25.

  • Ladarba l-Iskrittura Griega Kristjana ġiet miżjuda b’mod ispirat mal-Iskrittura Ebrajka mqaddsa, kienet tkun xi ħaġa stramba li f’daqqa waħda l-isem taʼ Ġeħova ma jibqax jintuża. Madwar nofs l-ewwel seklu WK, id-dixxiplu Ġakbu lill-anzjani f’Ġerusalemm qalilhom: “Simgħon irrakkonta bir-reqqa kif għall-ewwel darba Alla dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu.” (Atti 15:14) Kieku fl-ewwel seklu ħadd ma kien jaf jew juża l-isem t’Alla, allura kien ikun bla sens li Ġakbu jagħmel stqarrija bħal din.

  • L-isem divin jidher imqassar fl-Iskrittura Griega Kristjana. F’​Rivelazzjoni 19:1, 3, 4, 6, l-isem divin jidher fil-kelma “Ħallelujah.” Din ġejja minn espressjoni Ebrajka li letteralment tfisser “Faħħru lil Jah.” “Jah” hu l-isem taʼ Ġeħova fil-qosor. Hemm ħafna ismijiet li ntużaw fl-Iskrittura Griega Kristjana li ġejjin mill-isem divin. Fil-fatt, xogħlijiet taʼ referenza jispjegaw li l-isem taʼ Ġesù stess ifisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.”

  • Kitbiet Lhud tal-bidu jindikaw li l-Kristjani Lhud kienu jużaw l-isem divin f’dak li kienu jiktbu. Ġabra taʼ liġijiet orali miktubin sas-sena 300 WK (The Tosefta) tgħid li l-kitbiet Kristjani setgħu jinħarqu fis-Sabat, saħansitra anki s-siltiet li kien fihom ir-referenzi għall-Isem Divin. L-istess sors jikkwota lir-Rabbi Yosé l-Galilew, li kien jgħix fil-bidu tat-tieni seklu WK, bħala li qal li fi ġranet oħrajn tal-ġimgħa, “dak li jkun kien jaqtaʼ r-referenzi tal-Isem Divin li jkun hemm fihom [mifhum li qed jirreferi għall-kitbiet Kristjani] u jerfagħhom, u l-bqija kien jaħraqhom.”

  • Xi studjużi tal-Bibbja jirrikonoxxu li l-isem divin x’aktarx deher fl-Iskrittura Griega Kristjana meta ġiet kwotata l-Iskrittura Ebrajka. Taħt it-titlu “Tetragrammaton in the New Testament,” The Anchor Bible Dictionary jgħid li hemm xi evidenza li meta għall-ewwel inkitbu d-dokumenti tat-Testment il-Ġdid, fih deher it-Tetragrammaton, jiġifieri, l-isem divin Jaħweh, f’xi ftit mill-kwotazzjonijiet jew fil-kwotazzjonijiet kollha mit-Testment il-Qadim. L-istudjuż George Howard jgħid li t-Tetragrammaton kien miktub f’kopji tal-Bibbja Griega [is-Settanta] li kienet it-traduzzjoni tal-Iskrittura Ebrajka li kienu jużaw il-Kristjani tal-ewwel seklu. Minħabba f’hekk, huwa raġunevoli li nikkonkludu li l-kittieba tat-Testment il-Ġdid użaw it-Tetragrammaton meta kkwotaw mill-Iskrittura Ebrajka.

  • Tradutturi tal-Bibbja magħrufin użaw l-isem t’Alla fil-Iskrittura Griega Kristjana. Xi ftit minn dawn it-tradutturi għamlu dan ħafna qabel ma ġiet pubblikata t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida. Dawn it-tradutturi u x-xogħol tagħhom jinkludu: A Literal Translation of the New Testament . . . From the Text of the Vatican Manuscript, taʼ Herman Heinfetter (1863); The Emphatic Diaglott, taʼ Benjamin Wilson (1864); The Epistles of Paul in Modern English, taʼ George Barker Stevens (1898); St. Paul’s Epistle to the Romans, taʼ W. G. Rutherford (1900); The New Testament Letters, taʼ J.W.C. Wand, Isqof taʼ Londra (1946). Barra minn hekk, fi traduzzjoni Spanjola tal-bidu tas-seklu 20, it-traduttur Pablo Besson uża l-isem “Jehová” f’​Luqa 2:15 u f’​Ġuda 14, u fit-traduzzjoni tiegħu hemm kważi 100 nota taʼ taħt li jissuġġerixxu li kellu jiġi tradott l-isem divin. Ħafna qabel dawn it-traduzzjonijiet, verżjonijiet Ebrajċi tal-Iskrittura Griega Kristjana mis-seklu 16 ’il quddiem użaw it-Tetragrammaton f’ħafna siltiet. Fil-lingwa Ġermaniża biss, minn tal-inqas 11-il verżjoni użaw l-isem “Ġeħova” (jew “Jaħweh”) fl-Iskrittura Griega Kristjana, filwaqt li erbaʼ tradutturi żiedu l-isem fil-parentesi wara l-kelma “Mulej.” Iktar minn 70 traduttur Ġermaniż użaw l-isem divin fin-noti taʼ taħt jew fin-noti li jfissru l-kliem.

    L-isem t’Alla f’​Atti 2:34 f’The Emphatic Diaglott, taʼ Benjamin Wilson (1864)

  • Traduzzjonijiet tal-Bibbja f’iktar minn mitt lingwa differenti fihom l-isem divin fl-Iskrittura Griega Kristjana. Ħafna lingwi Afrikani, Indo-Amerikani, Asjatiċi, Ewropej, u tal-gżejjer Paċifiċi użaw l-isem divin spiss. (Ara l-lista f’ paġni 12 u 13.) It-tradutturi taʼ dawn l-edizzjonijiet iddeċidew li jużaw l-isem divin minħabba raġunijiet simili għal dawk li semmejna qabel. Xi wħud mit-traduzzjonijiet tal-Iskrittura Griega Kristjana huma reċenti, bħar-Rotuman Bible (1999), li tuża l-isem “Jihova” 51 darba fi 48 vers, u l-verżjoni Batak (Toba) (1989) mill-Indoneżja, li tuża l-isem “Jahowa” 110 darbiet.

    L-isem t’Alla f’​Marku 12:29, 30 fit-traduzzjoni tal-lingwa Ħawajjana tal-1816

Bla dubju, hemm bażi ċara biex l-isem divin, Ġeħova, jerġaʼ jitpoġġa fl-Iskrittura Griega Kristjana. U dan hu preċiż dak li għamlu t-tradutturi tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida. Huma għandhom rispett kbir għall-isem divin u bix-xieraq jibżgħu jneħħu kwalunkwe ħaġa li dehret fit-test oriġinali.—Rivelazzjoni 22:18, 19.