L-Ewwel Ittra taʼ Pietru 4:1-19

  • Għix biex tagħmel dak li jrid Alla bħalma għamel Kristu (1-6)

  • It-tmiem taʼ kollox hu viċin (7-11)

  • Inbatu bħala Kristjani (12-19)

4  Kristu bata meta kien bniedem, allura intom ukoll kunu lesti biex taħsbu* bħal Kristu, għax min ibati juri li ma jridx jibqaʼ jidneb.  B’hekk, waqt li jkun għadu ħaj, jgħix biex jagħmel dak li jrid Alla, u mhux iktar għax-xewqat tal-bniedem.  Iż-żmien li għadda kien biżżejjed għalikom biex tagħmlu bħall-popli meta kontu qed iġġibu ruħkom b’mod ħażin bla mistħija,* kellkom xewqat ħżiena, kontu tiskru, kontu tixxalaw,* kontu tagħmlu mħatri min jixrob l-iktar, u kontu tqimu l-idoli, xi ħaġa li tmur kontra l-liġi.  Huma jitħawdu għax m’għadkomx tgħixu ħajja sfrattata bħalhom, allura jgħajrukom.  Imma dawn in-nies iridu jagħtu kont lil dak li lest li jiġġudika lill-ħajjin u lill-mejtin.  Fil-fatt, minħabba f’hekk l-aħbar tajba ġiet ippritkata lill-mejtin ukoll. Għalhekk, għalkemm jiġu ġġudikati bħalma jiġu ġġudikati n-nies, huma jistgħu jgħixu taħt il-gwida tal-ispirtu t’Alla.  Imma t-tmiem taʼ kollox hu viċin. Allura użaw l-għaqal* u ftakru kemm hu importanti t-talb.  Fuq kollox, għandkom tħobbu ħafna lil xulxin, għax min iħobb ikun dejjem lest li jaħfer.*  Kunu ospitabbli maʼ xulxin mingħajr ma tgergru. 10  Bħala qaddejja fdati u mill-aħjar t’Alla, użaw ir-rigal li kull wieħed minnkom irċieva biex taqdu lil xulxin u biex tgħinu lil oħrajn jibbenefikaw mill-qalb tajba kbira* t’Alla li tintwera b’ħafna modi. 11  Jekk xi ħadd jitkellem, ħa jitkellem bħallikieku qed jgħid messaġġ mingħand Alla; jekk xi ħadd jaqdi, ħa jistrieħ fuq is-saħħa li jagħti Alla. B’hekk, permezz taʼ Ġesù Kristu, Alla jiġi gglorifikat f’kollox. Iva, jalla l-glorja u l-qawwa tiegħu jkunu għal dejjem taʼ dejjem. Ammen. 12  Maħbubin, tiħduhiex bi kbira jekk qed tgħaddu minn provi kbar, bħallikieku dawn huma affarijiet ġodda għalikom. 13  Għall-kuntrarju, minħabba li qed tbatu bħalma bata l-Kristu, għandkom tkomplu tifirħu ħalli meta tidher il-glorja tiegħu, intom tifirħu fuq li tifirħu. 14  Jekk qed jgħajrukom* minħabba l-isem taʼ Kristu, għandkom tkunu ferħanin għax dan juri li għandkom l-ispirtu tal-glorja, jiġifieri l-ispirtu t’Alla. 15  Però, ma rridx li xi ħadd minnkom ibati għax isir qattiel, ħalliel, persuna mill-agħar, jew għax jindaħal fl-affarijiet tal-oħrajn. 16  Imma jekk xi ħadd ibati bħala Kristjan, ħa ma jistħix, imma ħa jkompli jigglorifika lil Alla billi jgħix bħala Kristjan. 17  Għax wasal iż-żmien li jibda l-ġudizzju min-nies* t’Alla. Issa jekk jibda bina, x’se jiġri minn dawk li ma jobdux l-aħbar tajba t’Alla? 18  “U jekk hu diffiċli li l-ġust jiġi salvat, x’se jiġri minn dak li ma jirrispettax lil Alla u minn dak li jidneb?” 19  Mela dawk li qed ibatu għax qed jagħmlu dak li jrid Alla, ħa jkomplu jagħmlu t-tajjeb u jafdaw ruħhom fil-Ħallieq, li hu leali.

Noti taʼ taħt

Jew “kunu determinati.”
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Kondotta ħażina bla mistħija.”
Jew “tagħmlu parties bla kontroll.”
Jew “kunu moħħkom f’loku.”
Jew “l-imħabba tgħatti ħafna dnubiet.”
Jew “mill-qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “imaqdrukom.”
Letteralment “mid-dar.”