L-Ewwel Ittra taʼ Pietru 2:1-25

  • Ixxennqu għall-kelma t’Alla (1-3)

  • Kunu ġebel ħaj li qed tinbnew f’dar spiritwali (4-10)

  • Għixu bħala barranin fid-dinja (11, 12)

  • Kunu sottomessi kif suppost (13-25)

    • Kristu hu l-eżempju tagħna (21)

2  Għalhekk neħħu kull ħażen, qerq, ipokrisija, għira, u malafama.  Bħal trabi tat-twelid li jixxennqu għall-ħalib t’ommhom, intom ukoll għandkom tixxennqu biex tfittxu l-kelma vera t’Alla, li hi bħal ħalib pur, ħalli timmaturaw u ssalvaw.  Dan għax intom esperjenzajtu* l-qalb tajba tal-Mulej.  In-nies warrbu l-Mulej li hu l-ġebla ħajja, imma Alla għażlu u qiesu prezzjuż. Meta tersqu lejh,  intom tkunu ġebel ħaj li qed tinbnew f’dar spiritwali biex tkunu qassisin qaddisa. B’hekk toffru sagrifiċċji spiritwali li Alla jaċċetta permezz taʼ Ġesù Kristu.  Għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Jien qed inqiegħed ġebla magħżula f’Sijon, l-iktar ġebla importanti* u prezzjuża tal-pedament, u kull min juri li għandu fidi fiha mhux se jkun iddiżappuntat.”*  Għalhekk, għalikom hu prezzjuż, għax intom temmnu; imma għal dawk li ma jemmnux, l-Iskrittura tgħid, “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret l-iktar ġebla importanti* tal-bini,”  u “ġebla li tfixkel lin-nies u blata li ġġegħelhom iħossuhom offiżi.” Huma jitfixklu għax ma jobdux il-kelma. Fil-fatt, ġie pprofetizzat li kien se jiġrilhom hekk.  Imma intom “razza magħżula, qassisin li taqdu bħala rejiet, ġens qaddis, u poplu speċjali. Intom ġejtu magħżulin biex ixxandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet tal-għaġeb” t’Alla li għajtilkom minn ġod-dlam u laqagħkom fid-dawl mill-isbaħ tiegħu. 10  Għax xi darba ma kontux poplu, imma issa l-poplu t’Alla; xi darba ma ntwerejtux ħniena, imma issa qed tintwerew ħniena. 11  Maħbubin, bħala barranin u residenti temporanji, ninkuraġġikom biex tibqgħu tirrifjutaw xewqat ħżiena. Dawn qegħdin bħallikieku jiġġieldu kontrikom.* 12  Ibqgħu ġibu ruħkom sew quddiem il-popli, ħalli meta jakkużawkom li intom nies ħżiena, ikunu jistgħu jaraw it-tajjeb li tagħmlu, u b’hekk jigglorifikaw lil Alla dakinhar li jeżamina n-nies. 13  Agħmlu dak li jixtieq il-Mulej billi tkunu sottomessi lejn kull awtorità magħmula mill-bniedem, kemm jekk ikun re, li hu superjuri minnkom, 14  u kemm jekk ikun gvernatur, li jkun intbagħat minnu biex jikkastiga lill-ħżiena u biex ifaħħar lil dawk li jagħmlu t-tajjeb. 15  Għax Alla jrid li tagħmlu t-tajjeb, ħalli tagħlqu ħalq dawk li jitkellmu bla sens u li mhumiex raġonevoli. 16  Kunu nies liberi u għixu bħala poplu li jaqdi lil Alla, imma tużawx il-libertà tagħkom bħala skuża biex tagħmlu l-ħażin.* 17  Irrispettaw lil kull tip taʼ nies, ħobbu lill-aħwa kollha, uru rispett kbir lejn* Alla, u onoraw lir-re. 18  Il-qaddejja għandhom ikunu sottomessi lejn is-sidien tagħhom u juruhom ir-rispett li ħaqqhom. Dan m’għandhomx jagħmluh maʼ dawk li huma tajbin u raġonevoli biss, imma anki maʼ dawk li huma diffiċli biex tikkuntentahom. 19  Alla jieħu pjaċir meta xi ħadd jissaporti d-diffikultajiet u jbati minkejja li ma jkunx ħati biex ikollu kuxjenza nadifa quddiemu. 20  Għax x’jiswa jekk tiġu msawtin talli dnibtu u tissaportu? Imma Alla jieħu pjaċir jekk tissaportu t-tbatija talli għamiltu t-tajjeb. 21  Fil-fatt, għalhekk ġejtu magħżulin, għax anki Kristu bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuqu kemm jistaʼ jkun. 22  Hu m’għamilx dnub, u ma qal xejn biex iqarraq. 23  Meta għajruh, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx, imma baqaʼ jafda f’Dak li jiġġudika bil-ġustizzja. 24  Hu ġarr id-dnubiet tagħna meta ġismu ġie msammar maz-zokk,* biex ninħelsu mid-dnubiet* u biex ngħixu ħalli nagħmlu dak li hu ġust. U l-Iskrittura tgħid, “Bil-feriti tiegħu ġejtu mfejqin.” 25  Għax kontu bħal nagħaġ mitlufin; imma issa ġejtu lura għand ir-ragħaj u l-wieħed li jieħu ħsiebkom.*

Noti taʼ taħt

Letteralment “doqtu.”
Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.
Letteralment “jiġi mġiegħel jistħi.”
Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ fuq nett taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.
Jew “kontra ruħkom.”
Jew “biex tgħattu l-ħażin li tagħmlu.”
Letteralment “ibżgħu minn.”
Jew “mas-siġra.”
Jew “biex immutu għad-dnubiet.”
Jew “l-indokratur taʼ ruħkom.”