Mur fil-kontenut

Xi jfisser li wieħed jitwieled mill-​ġdid?

Xi jfisser li wieħed jitwieled mill-​ġdid?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 It-​terminu ‘titwieled mill-​ġdid’ jirreferi għal bidu ġdid fir-​relazzjoni bejn Alla u l-​persuna li titwieled mill-​ġdid. (Ġwanni 3:3, 7) Lil dawk li jitwieldu mill-​ġdid, Alla jadottahom bħala wliedu. (Rumani 8:15, 16; Galatin 4:5; 1 Ġwanni 3:1) B’mod simili għal dawk li jiġu adottati legalment, huma jesperjenzaw bidla fl-​istat tagħhom u jsiru parti mill-​familja t’Alla.—2 Korintin 6:18.

Persuna għala titwieled mill-​ġdid?

 Ġesù qal: “Jekk wieħed ma jitwilidx mill-​ġdid, ma jistax jara s-​saltna t’Alla.” (Ġwanni 3:3) B’hekk, il-​fatt li wieħed jitwieled mill-​ġdid jippreparah biex isaltan maʼ Kristu fis-​Saltna t’Alla. Din is-​Saltna tiggverna mis-​sema, allura l-​Bibbja tiddeskrivi ‘t-​twelid mill-​ġdid’ bħala wirt li hu “merfugħ fis-​smewwiet.” (1 Pietru 1:3, 4) Dawk li jitwieldu mill-​ġdid huma ċerti li se ‘jsaltnu flimkien’ maʼ Kristu.—2 Timotju 2:12; 2 Korintin 1:21, 22.

Persuna kif titwieled mill-​ġdid?

 Meta Ġesù ddiskuta dan is-​suġġett, hu qal li dawk li jitwieldu mill-​ġdid kienu se jitwieldu “mill-​ilma u mill-​ispirtu.” (Ġwanni 3:5) Din l-​espressjoni tirreferi għall-​magħmudija fl-​ilma u warajha magħmudija bl-​ispirtu qaddis.—Atti 1:5; 2:1-​4.

 Ġesù kien l-​ewwel persuna li twieled mill-​ġdid. Hu tgħammed fix-​Xmara Ġordan, u wara Alla dilku (jew, għammdu) bl-​ispirtu qaddis. B’hekk, Ġesù kien twieled mill-ġdid bl-ispirtu qaddis bħala iben Alla bit-tama li jerġaʼ jmur jgħix fis-sema. (Marku 1:9-​11) Alla wettaq din it-​tama billi rxoxta lil Ġesù bħala ħliqa spirtu.—Atti 13:33.

 Oħrajn li jitwieldu mill-​ġdid, jitgħammdu fl-​ilma wkoll qabel ma jirċievu l-​ispirtu qaddis. a (Atti 2:38, 41) Imbagħad huma jkollhom it-​tama ċerta li jgħixu fis-​sema, li Alla se jwettaq fl-​irxoxt.—1 Korintin 15:42-​49.

Ideat żbaljati dwar li wieħed jitwieled mill-​ġdid

 Idea żbaljata: Persuna trid titwieled mill-​ġdid biex tikseb is-​salvazzjoni jew biex issir Kristjana.

 Fatt: Is-​sagrifiċċju taʼ Kristu ma jipprovdix biss salvazzjoni għal dawk li jitwieldu mill-​ġdid bħala wħud li se jsaltnu maʼ Kristu fis-​sema. Imma jipprovdi wkoll salvazzjoni għas-​sudditi fuq l-​art tas-​Saltna t’Alla. (1 Ġwanni 2:1, 2; Rivelazzjoni 5:9, 10) Dan it-​tieni grupp taʼ Kristjani għandu l-​opportunità li jgħix għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art.—Salm 37:29; Mattew 6:9, 10; Rivelazzjoni 21:1-​5.

 Idea żbaljata: Persuna tistaʼ tagħżel li titwieled mill-​ġdid.

 Fatt: L-​opportunità biex wieħed ikollu relazzjoni m’Alla u jikseb is-​salvazzjoni hi miftuħa għal kulħadd. (1 Timotju 2:3, 4; Ġakbu 4:8) Madankollu, hu Alla li jagħżel lil dawk li jitwieldu mill-​ġdid, jew jiġu midlukin bl-​ispirtu qaddis. Skont il-​Bibbja, li wieħed jitwieled mill-​ġdid ma jiddependix mix-​xewqa jew l-​isforzi taʼ dak li jkun, imma minn Alla. (Rumani 9:16) L-​espressjoni ‘titwieled mill-​ġdid’ tistaʼ tiġi tradotta ‘titwieled minn fuq,’ u dan juri li l-​għażla taʼ dawk li jitwieldu mill-​ġdid tiġi minn fuq, jew minn Alla.—Ġwanni 3:3.

a Il-​każ taʼ Kornelju u dawk li kienu miegħu, kienet eċċezzjoni waħda.—Atti 10:44-​48.