Mur fil-kontenut

X’inhi s-salvazzjoni?

X’inhi s-salvazzjoni?

It-tweġiba tal-Bibbja

 It-termini “salva” u “salvazzjoni” kultant jintużaw minn kittieba tal-Bibbja biex jagħtu l-idea li persuna qed tiġi meħlusa minn xi periklu jew qerda. (Eżodu 14:13, 14; Atti 27:20) Iżda dawn it-termini spiss jirreferu għall-ħelsien mid-dnub. (Mattew 1:21) Ladarba l-mewt hi r-riżultat tad-dnub, uħud li jiġu salvati mid-dnub għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem.—Ġwanni 3:16, 17. a

Kif tistaʼ tiġi salvat?

 Biex tikseb is-salvazzjoni, għandek bżonn teżerċita l-fidi f’Ġesù u turi din il-fidi billi tobdi l-kmandi tiegħu.—Atti 4:10, 12; Rumani 10:9, 10; Ebrej 5:9.

 Il-Bibbja turi li jrid ikollok għemejjel, jew atti t’ubbidjenza, biex turi li l-fidi tiegħek hi ħajja. (Ġakbu 2:24, 26) Madankollu, is-salvazzjoni mhijiex xi ħaġa li nistgħu niksbu bis-saħħa tagħna. Hi “l-għotja t’Alla” bbażata fuq “il-qalb tajba mhix mistħoqqa,” jew “il-grazzja,” tiegħu.—Efesin 2:8, 9; Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

Tistaʼ titlifha s-salvazzjoni?

 Iva. Bħalma bniedem li jiġi salvat milli jegħreq jistaʼ jaqaʼ jew jerġaʼ jaqbeż fl-ilma, bniedem li jkun ġie salvat mid-dnub imma li ma jibqax jeżerċita l-fidi jistaʼ jitlef is-salvazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani li rċivew is-salvazzjoni biex ‘jiġġieldu bl-aħrax għall-fidi.’ (Ġuda 3) Lil dawk li ġew salvati tagħtihom ukoll din it-twissija: “Ibqgħu wettqu s-salvazzjoni tagħkom bil-biżaʼ u t-tregħid.”—Filippin 2:12.

Min hu s-Salvatur—Alla jew Ġesù?

 Il-Bibbja tidentifika lil Alla bħala s-sors ewlieni tas-salvazzjoni, u spiss tirreferi għalih bħala “Salvatur.” (1 Samwel 10:19; Isaija 43:11; Titu 2:10; Ġuda 25) Barra minn hekk, Alla uża diversi rġiel biex jeħles lill-ġens tal-Iżrael tal-qedem, u l-Bibbja ssejħilhom “salvaturi.” (Neħemija 9:27; Imħallfin 3:9, 15; 2 Slaten 13:5) b Bl-istess mod, ladarba Alla jipprovdi salvazzjoni mid-dnub permezz tas-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù Kristu, il-Bibbja tirreferi għal Ġesù bħala “Salvatur.”—Atti 5:31; Titu 1:4. c

Kulħadd se jiġi salvat?

 Le, xi nies mhux se jiġu salvati. (2 Tessalonikin 1:9) Meta xi ħadd staqsa lil Ġesù, “Huma ftit dawk li jiġu salvati?” hu wieġeb: “Stinkaw kemm tifilħu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax ngħidilkom, ħafna jipprovaw jidħlu imma ma jkunux jistgħu.”—Luqa 13:23, 24.

Ideat żbaljati dwar salvazzjoni universali

 Idea żbaljata: L-1 Korintin 15:22 jgħallem li hemm salvazzjoni universali għax jgħid li “kulħadd għad jingħata l-ħajja fil-Kristu.”

 Fatt: Il-kuntest taʼ dan il-vers jiddiskuti l-irxoxt. (1 Korintin 15:12, 13, 20, 21, 35) Allura l-frażi “kulħadd għad jingħata l-ħajja fil-Kristu” sempliċement tfisser li dawk kollha li jiġu rxoxtati jingħataw din il-barka permezz taʼ Ġesù Kristu.—Ġwanni 11:25.

 Idea żbaljata: Titu 2:11 jgħallem li hemm salvazzjoni universali billi jgħid li Alla se jagħti “salvazzjoni lill-bnedmin kollha.”—GħBM.

 Fatt: Il-kelma Griega tradotta “kollha” f’dan il-vers tistaʼ tfisser ukoll “kull xorta jew varjetà.” d B’hekk, il-fehma korretta taʼ Titu 2:11 hi li Alla qed jagħmel is-salvazzjoni disponibbli lil kull xorta taʼ bnedmin, inkluż nies “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien.”—Rivelazzjoni 7:9, 10.

 Idea żbaljata: It-2 Pietru 3:9 jgħallem li hemm salvazzjoni universali billi jgħid li Alla “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered.”

 Fatt: Alla jrid li nies isalvaw, imma ma jisforzahomx biex jaċċettaw il-provvediment tiegħu għas-salvazzjoni. “Jum il-ġudizzju” tiegħu se jinkludi “l-qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.”—2 Pietru 3:7.

a Il-Bibbja tirreferi għal uħud bħala li huma “salvati” avolja s-salvazzjoni tagħhom mid-dnub u l-mewt għadha ma seħħitx.—Efesin 2:5; Rumani 13:11.

b Fil-versi ċitati, xi traduzzjonijiet jużaw kliem bħal “feddej” jew “ħellies” minflok “salvatur.” Madankollu, fit-test Ebrajk oriġinali tal-Bibbja, tintuża l-istess kelma għal dawn is-salvaturi umani kif tintuża postijiet oħra fil-Bibbja meta tirreferi għal Alla Ġeħova bħala Salvatur.—Salm 7:10.

c L-isem Ġesù ġej mill-isem Ebrajk Ġeħosugħa, li jfisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.”

d Ara Vine’s Complete Expository Dictionary of Old and New Testament Words. L-istess kelma Griega tidher f’Mattew 5:11, fejn hemm l-istqarrija taʼ Ġesù li n-nies kienu se jgħidu “kull xorta taʼ ħażen” kontra s-segwaċi tiegħu.