Mur fil-kontenut

X’tgħid il-Bibbja dwar li tagħti?

X’tgħid il-Bibbja dwar li tagħti?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Il-Bibbja tinkuraġġixxi li nagħtu għax verament nixtiequ u biex nagħmlu dan bil-mottiv it-tajjeb. Turi wkoll li meta wieħed jagħti, mhux dak li jirċievi biss se jibbenefika imma wkoll dak li jkun ta. (Proverbji 11:25; Luqa 6:38) Ġesù qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

 Li wieħed jagħti meta jagħmel lil Alla ferħan?

 Li wieħed jagħti b’mod volontarju hu taʼ benefiċċju. Il-Bibbja tgħid: “Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 Korintin 9:7.

 Li nagħtu mill-qalb hu parti mill-“qima” li Alla japprova. (Ġakbu 1:27) Persuna li b’mod ġeneruż tgħin lil dawk fil-bżonn tkun qed taħdem spalla maʼ spalla m’Alla, li jqis ġenerożità bħal din bħallikieku qed tingħata lilu. (Proverbji 19:17) Il-Bibbja tgħallem li Alla nnifsu se jbierek lil min jagħti.—Luqa 14:12-14.

 Li wieħed jagħti meta ma jagħmilx lil Alla ferħan?

 Jekk jagħmel dan b’mottivi egoistiċi. Eżempji taʼ dan jinkludu:

 Jekk l-għotja tintuża għal affarijiet li Alla jikkundanna. Pereżempju, ikun ħażin jekk tagħti l-flus lil xi ħadd biex jilgħabhom, għad-droga, jew biex jabbuża mill-alkoħol. (1 Korintin 6:9, 10; 2 Korintin 7:1) Bl-istess mod, ma jkunx xieraq li tagħti lil xi ħadd li jistaʼ jmantni lilu nnifsu finanzjarjament imma jirrifjuta li jagħmel dan.—2 Tessalonikin 3:10.

 Jekk iżżommna milli nwettqu bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet li tana Alla. Il-Bibbja tgħallem li l-kapijiet tal-familja għandhom jipprovdu għall-bżonnijiet taʼ darhom. (1 Timotju 5:8) Ma jkunx sew jekk kap tal-familja jagħti tant lil oħrajn li tispiċċa tbati l-familja tiegħu stess. B’mod simili, Ġesù kkundanna lil dawk li rrifjutaw li jipprovdu għall-ġenituri mdaħħlin fiż-żmien billi qalu li dak kollu li kellhom kien “għotja dedikata lil Alla.”—Marku 7:9-13.