Mur fil-kontenut

Il-​Bibbja x’tgħid dwar is-​sawm?

Il-​Bibbja x’tgħid dwar is-​sawm?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Fi żminijiet Bibliċi, is-​sawm kien aċċettabbli għal Alla meta kien isir bil-​mottiv it-​tajjeb. Imma meta kien isir bi skop ħażin, ma kienx ikun approvat minn Alla. Madankollu, il-​Bibbja la tikkmanda n-​nies tal-​lum biex isumu u lanqas ma tipprojbixxi li jsir dan.

Xi wħud fil-​Bibbja għala kienu jsumu?

  •   Meta dak li jkun ifittex l-​għajnuna u l-​gwida mingħand Alla. In-​nies li kienu jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm kienu jsumu biex juru s-​sinċerità tagħhom meta jitolbu għall-​għajnuna t’Alla. (Esdra 8:21-​23) Kultant, Pawlu u Barnaba għażlu li jsumu meta kienu jiġu biex jagħżlu l-​anzjani tal-​kongregazzjoni.—Atti 14:23.

  •   Meta dak li jkun jiffoka fuq l-​iskop t’Alla. Wara li tgħammed Ġesù, hu sam għal 40 jum biex jipprepara lilu nnifsu ħalli jagħmel ir-​rieda t’Alla matul il-​ministeru li kellu jwettaq.—Luqa 4:1, 2.

  •   Meta dak li jkun juri li nidem minn dnubiet tal-​passat. Permezz tal-​profeta Ġoel, Alla qal lill-​Iżraelin żleali: “Ejjew lura għandi b’qalbkom kollha, u bis-​sawm, bil-​biki, u bl-​ilfiq.”—Ġoel 2:12-​15.

  •   Meta kien jitwettaq Jum it-​Tpattija. Il-​Liġi li Alla ta lill-​ġens taʼ Iżrael inkludiet kmand biex isumu f’Jum it-​Tpattija taʼ kull sena. a (Levitiku 16:29-​31) Is-​sawm kien addattat f’din l-​okkażjoni għax kien ifakkar l-​Iżraelin li huma kienu imperfetti u li kellhom bżonn il-​maħfra t’Alla.

X’inhuma xi raġunijiet ħżiena għala dak li jkun isum?

  •   Biex jimpressjona lil ħaddieħor. Ġesù għallem li s-​sawm reliġjuż għandu jkun xi ħaġa personali u kwistjoni privata bejn l-​individwu u Alla.—Mattew 6:16-​18.

  •   Biex jagħti prova li hu sewwa. Is-​sawm ma jagħmilx persuna moralment jew spiritwalment aħjar minn ħaddieħor.—Luqa 18:9-​14.

  •   Biex jipprova jpatti għal dnub li jkompli jagħmel apposta. (Isaija 58:3, 4) Alla ma kienx jaċċetta li wieħed isum mingħajr ma juri ubbidjenza u ndiema sinċiera għal kwalunkwe dnub li jkun għamel.

  •   Biex iwettaq prattika reliġjuża. (Isaija 58:5-​7) F’dan il-​każ, Alla hu bħal ġenitur li ma jiħux pjaċir meta t-​tfal tiegħu juru mħabba lejh sempliċiment biex ikunu għamlu dmirhom, u mhux mill-​qalb.

Il-​Kristjani huma mitlubin li jsumu?

 Le. Alla talab l-​Iżraelin biex isumu f’Jum it-​Tpattija. Imma wara li Ġesù patta għad-​dnubiet tan-​nies niedma, Alla ma baqax jitlob li jitwettaq dan il-​jum. (Ebrej 9:24-​26; 1 Pietru 3:18) Jum it-​Tpattija kien parti mil-​Liġi li Alla ta lil Mosè, u l-​Kristjani m’għadhomx taħt din il-​Liġi. (Rumani 10:4; Kolossin 2:13, 14) Għaldaqstant, kull Kristjan irid jiddeċiedi għalih innifsu jekk iridx isum jew le.—Rumani 14:1-​4.

 Il-​Kristjani jafu li s-​sawm mhuwiex l-​iktar ħaġa importanti fil-​qima tagħhom. Il-​Bibbja qatt ma tassoċja s-​sawm mal-​ferħ. Għall-​kuntrarju, il-​ferħ hi kwalità li tispikka fil-​qima Kristjana vera, xi ħaġa li tirrifletti l-​personalità taʼ Ġeħova, “l-​Alla l-​hieni.”—1 Timotju 1:11; Ekkleżjasti 3:12, 13; Galatin 5:22.

Ideat żbaljati dwar il-​ħarsa tal-​Bibbja lejn is-​sawm

 Idea żbaljata: L-​appostlu Pawlu ssuġġerixxa li l-​koppji Kristjani miżżewġin isumu.—1 Korintin 7:5, King James Version.

 Fatt: L-​eqdem manuskritti tal-​Bibbja ma jsemmux is-​sawm fl-​1 Korintin 7:5. b Milli jidher, dawk li kkopjaw il-​Bibbja ma żidux referenza għas-​sawm hawnhekk biss imma anki f’​Mattew 17:21; Marku 9:​29; u Atti 10:30. Il-​maġġorparti tat-​traduzzjonijiet moderni tal-​Bibbja neħħew dawn ir-​referenzi foloz dwar is-​sawm.

 Idea żbaljata: Il-​Kristjani għandhom isumu bħala tifkira tal-​40 jum li Ġesù sam fl-​art xagħrija wara l-​magħmudija tiegħu.

 Fatt: Ġesù qatt ma kmanda biex isir sawm bħal dan. Lanqas m’hemm xi indikazzjoni Skritturali li l-​Kristjani tal-​bidu kienu jagħmlu dan. c

 Idea żbaljata: Il-​Kristjani għandhom isumu meta jfakkru l-​mewt taʼ Ġesù.

 Fatt: Ġesù ma kmandax lid-​dixxipli tiegħu biex isumu meta jkunu qed ifakkru l-​mewt tiegħu. (Luqa 22:14-​18) Għalkemm Ġesù qal li d-​dixxipli tiegħu kienu se jsumu meta jmut, ma kienx qed jagħti kmand imma kemm qal x’se jiġri. (Mattew 9:15) Il-​Bibbja tat istruzzjoni lill-​Kristjani biex ma jmorrux bil-​ġuħ għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù, imma biex jieklu minn qabel.—1 Korintin 11:33, 34.

a Lill-​Iżraelin, Alla qalilhom: “Għandkom tgħakksu ruħkom,” jew “tgħakksu lilkom infuskom,” f’Jum it-​Tpattija. (Levitiku 16:29, 31; Karm Żammit) Hu mifhum li din l-​espressjoni qed tirreferi għas-​sawm. (Isaija 58:3) B’hekk, il-​Contemporary English Version tpoġġiha b’dan il-​mod: “Għandkom tmorru mingħajr ma tieklu biex turu n-​niket minħabba d-​dnubiet tagħkom.”

b Ara t-​Tielet Edizzjoni taʼ A Textual Commentary on the Greek New Testament, minn Bruce M. Metzger, paġna 554.

c Rigward l-​oriġini tal-​40 jum tar-​Randan, in-​New Catholic Encyclopedia tgħid: “Fl-​ewwel tlett sekli, il-​perjodu tas-​sawm fi tħejjija għall-​festa tal-​Għid ma kienx idum iktar minn ġimgħa; normalment kien jieħu ġurnata jew tnejn. . . . L-​ewwel darba li jissemma l-​perjodu taʼ 40 jum hu fil-​ħames liġi tal-​Konċilju taʼ Niċea (325), però xi studjużi ma jaqblux li dan qed jirreferi għar-​Randan.”—It-​Tieni Edizzjoni, it-​8 Volum, paġna 468.