Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġew il-baleni!

Ġew il-baleni!

Kull sena, fil-bidu taʼ Lulju, is-southern right whales (Eubalaena australis) nisa jaslu mal-kosta tan-Nofsinhar taʼ Santa Catarina, il-Brażil. Jiġu sa mill-inħawi tas-subantartiku, eluf taʼ mili ’l bogħod biex iwelldu u jreddgħu l-frieħ tagħhom f’ilmijiet baxxi. Għal diversi xhur, residenti u turisti f’xatt il-baħar jew fuq l-irdumijiet jitgħaxxqu josservaw il-baleni—ommijiet u frieħ jistrieħu jew jilagħbu fl-ilma! *

Ħlejjaq tal-baħar akrobatiċi ġganteski

Balena mara tistaʼ tkun twila 16-il metru, bejn wieħed u ieħor daqs bendy bus, u tiżen sa 80 tunnellata! Il-ġisem ġgantesk tagħha ġeneralment ikun iswed, kultant ikollha rqajjaʼ bojod fuq żaqqha. Rasha hi enormi, kwart tat-tul taʼ ġisimha. Ħalqha twil u ġej fit-tond. Din il-balena m’għandhiex xewka dorsali bħalma jkollhom xi speċi oħra. F’nofs id-denb wiesaʼ tagħha għandha għamla taʼ V fonda. Biex tgħum ’il quddiem, tilwih ’il fuq u ’l isfel minflok minn ġenb għall-ieħor, bħalma jagħmel il-ħut. Biex tbiddel id-direzzjoni, iċċaqlaq ġwinħajha. Dan jixbah il-mod kif idur ajruplan.

Taʼ interess, minkejja d-daqs immens tagħhom, ir-right whales jistgħu jitgħawġu mhux ħażin u jagħmlu akrobaziji li jgħaġġbuk. Tistaʼ tarahom b’denbhom barra mill-ilma bħal qlugħ għal ħinijiet twal, jgħollu denbhom u jċapċpu fuq l-ilma bih bis-saħħa, u jaqbżu ’l barra mill-ilma u mbagħad itajru ħafna ilma li jidher mill-bogħod meta jinżlu.

Karatteristiki fiżiċi li jiddistingwuhom

Fuq u madwar rashom, ir-right whales ikollhom serje taʼ kallijiet fl-abjad jew fl-isfar miksijin b’kolonji taʼ krustaċej żgħar magħrufin bħala qamel tal-baleni. Karina Groch, il-koordinatriċi tal-Brazilian Right Whale Project, tispjega li kull roqgħa hi unika, bħalma huma uniċi l-marki tas-swabaʼ taʼ kull persuna, u dan jippermetti li r-right whales jintgħarfu minn xulxin. Meta l-baleni jersqu lejn ix-xatt, jinġibdu ritratti bid-disinji tal-irqajjaʼ tal-kallijiet tagħhom u jinżammu f’direttorju.

Il-bijologi jgħidu li hu diffiċli tgħid kemm ikollhom żmien ir-right whales meta jmutu għax din l-ispeċi taʼ balena m’għandhiex snien. Huma jikkalkulaw li l-balena tgħix medja taʼ mill-inqas 65 sena. *

Drawwiet strambi taʼ kif jieklu

Ir-right whales jieklu krustaċej żgħar. Fuq kull naħa tax-xedaq taʼ fuq, il-balena għandha speċi taʼ xibka. Meta jgħumu, iżommu ħalqhom miftuħ, l-ilma jiffiltra minn ġox-xibka u jaqbdu l-priża żgħira fiha. B’dan il-mod, kull balena tistaʼ tiekol sa żewġ tunnellati krustaċej kuljum.

Is-southern right whales iqattgħu s-sajf tagħhom (Jannar/Frar) jieklu fl-Oċean Antartiku biex irabbu x-xaħam. Dan is-saff oħxon taʼ xaħam iżomm il-balena sħuna meta tkun f’ilmijiet kesħin u jservi taʼ riserva taʼ ikel meta tpassi.

Għala kienu jiġu kkaċċjati?

Mis-seklu 18 ’il quddiem, dawn il-baleni ġew ikkaċċjati ħafna fl-Emisferu t’Isfel. Peress li jgħumu bil-mod, setgħu jinqabdu faċilment, anki minn sajjieda tal-baleni f’dgħajjes fraġli tal-injam mgħammrin biss bi ħrapen tal-idejn. Barra minn hekk, għall-kuntrarju taʼ baleni oħra, ir-right whales jifflowtjaw meta jinqatlu minħabba l-ammont straordinarju taʼ xaħam li jkollhom. B’hekk, is-sajjieda tal-baleni setgħu jirmonkawhom faċilment sax-xatt.

Iżjed minn hekk, ix-xaħam u l-ispeċi taʼ xibka li jkollhom f’ħalqhom kienu prodotti importanti dak iż-żmien. Ix-xaħam kien jintuża f’lampi taż-żejt tat-toroq u bħala lubrikant. L-ispeċi taʼ xibka kienet tintuża fil-kriepet, fil-frosti tal-karettuni, u fl-umbrelel. Infatti, il-qligħ mill-bejgħ tax-xbieki taʼ balena waħda kien ikopri l-ispejjeż taʼ spedizzjoni sħiħa!

Kmieni fis-seklu 20, l-ikkaċċjar żejjed naqqas ħafna l-popolazzjoni tar-right whales u eventwalment ma baqax vijabbli. Fil-Brażil, l-aħħar kumpanija tal-ikkaċċjar tal-baleni ngħalqet fl-1973. Filwaqt li xi speċi bil-mod il-mod irpiljaw, oħrajn għadhom f’periklu kbir taʼ estinzjoni.

Ir-right whale żgur li hi eżempju li jispikka tal-komplessità u d-diversità kbira tal-ħajja fuq l-art. Tagħti xhieda għall-għerf u l-qawwa tal-għaġeb taʼ dak li ħalaqha, id-Disinjatur il-Kbir, Alla Ġeħova.—Salm 148:7.

^ par. 2 Ilmijiet oħra fejn iwelldu u jreddgħu l-frieħ huma qrib il-kosti tal-Arġentina, l-Awstralja, l-Afrika t’Isfel, l-Urugwaj, u l-Gżejjer Auckland.

^ par. 8 Ix-xjentisti jikkategorizzaw tliet speċi differenti taʼ baleni li jaqgħu taħt il-kategorija tar-right whales. Minbarra l-Eubalaena australis fl-Emisferu t’Isfel, hemm il-Eubalaena glacialis u l-Eubalaena japonica fl-Emisferu taʼ Fuq.