Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ĠIET DISINJATA?

L-abbiltà li għandu l-ġisem uman biex idewwi l-feriti

L-abbiltà li għandu l-ġisem uman biex idewwi l-feriti

FOST il-bosta mekkaniżmi li jagħmlu l-ħajja umana possibbli hemm l-abbiltà tal-ġisem li jfejjaq il-feriti u li jerġaʼ jiġġenera partijiet li tkun ġratilhom il-ħsara. Il-proċess jibda malli ssir ferita.

Ikkunsidra: Il-proċess taʼ fejqan isir possibbli permezz taʼ ħafna funzjonijiet ċellulari kumplessi:

  • Il-platelets jeħlu man-nisġa taċ-ċelluli madwar il-ferita, jifformaw demm magħqud u jissiġillaw il-vini li tkun ġratilhom il-ħsara.

  • L-infjammazzjoni tipproteġi kontra l-infezzjoni u tneħħi kwalunkwe “skart” ikkaġunat mill-ferita.

  • Fi żmien ftit jiem, il-ġisem jibda jġedded in-nisġa taċ-ċelluli, iġiegħel il-ġerħa tingħalaq, u jsewwi l-vini li tkun ġratilhom il-ħsara.

  • Fl-aħħar, ġilda iebsa terġaʼ tifforma u ssaħħaħ il-parti milquta.

Ispirati minn kif jagħqad id-demm, xi riċerkaturi qed jiżviluppaw tipi taʼ plastik li jistgħu “jfejqu” ħsara li tkun ġratilhom. Materjal bħal dan li jsewwi lilu nnifsu fih tubi żgħar paralleli li fihom żewġ kimiki li joħorġu meta tiġrilu kwalunkwe ħsara. Meta ż-żewġ kimiki jitħalltu, jifformaw ġel li jinfirex fuq il-partijiet milquta u l-qsim u t-toqob jingħalqu. Hekk kif il-ġel jagħqad, jifforma sustanza iebsa li tirrestawra s-saħħa oriġinali tal-materjal. Wieħed mir-riċerkaturi jammetti li dan il-proċess taʼ fejqan sintetiku li bħalissa qed jiġi żviluppat “ifakkrek” f’dak li diġà jeżisti fin-natura.

Int x’taħseb? L-abbiltà tal-ġisem li jdewwi l-feriti ġiet bl-evoluzzjoni? Jew ġiet disinjata?