Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ĦARSA LEJN ID-DINJA

Kelmtejn dwar l-Ewropa

Kelmtejn dwar l-Ewropa

L-Ewropa darba kienet reliġjuża ħafna imma issa fil-biċċa l-kbira mhijiex reliġjuża. Minkejja dan, għandu mnejn jissorprendik li aħbarijiet reċenti mill-Ewropa jivverifikaw dak li tgħid il-Bibbja.

Il-benefiċċji tal-vuċi tal-omm

Riċerkaturi f’Milan, l-Italja, waslu għall-konklużjoni li trabi li jitwieldu qabel iż-żmien jiksbu diversi benefiċċji tas-saħħa billi jkunu esposti għall-vuċi t’ommhom permezz t’apparat fuq il-polz tat-tarbija waqt li din tkun l-isptar. Din it-teknika tipprova timita kif it-tarbija tismaʼ l-vuċi tal-omm waqt li tkun fil-ġuf. “Li jisimgħu l-vuċi tal-omm minn kmieni,” jikkonkludi l-istudju, “iħalli effett pożittiv fuq trabi li jkunu twieldu qabel iż-żmien.”

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Żgur li jien ikkalmajt u kkwitajt ix-xewqat taʼ ruħi qisni tarbija li qatgħet il-ħalib u li qiegħda fi ħdan ommha.”—Salm 131:2.

Inrawmu l-egoiżmu?

Skont studju fuq 565 tifel u tifla fl-Olanda, tfal li l-ġenituri tagħhom iddeskrivewhom bħala “iżjed speċjali minn tfal oħra” u li jixirqilhom “jiġu ttrattati b’mod speċjali” għandhom tendenza ogħla jkunu egoisti u jesprimu sentimenti taʼ superjorità u jaħsbu li jkollhom dritt għal xi ħaġa meta mqabblin maʼ tamparhom. “It-tfal jemmnu lill-ġenituri tagħhom meta dawn jgħidulhom li huma iżjed speċjali minn oħrajn,” jgħid wieħed mill-awturi tal-istudju. “Dan jistaʼ ma jkunx tajjeb għalihom u għas-soċjetà.”

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq; imma jaħseb b’tali mod li jkollu moħħ f’loku.”—Rumani 12:3.

Persuni ottimisti li għandhom ’il fuq minn mitt sena

Riċerkaturi f’Heidelberg University, il-Ġermanja, jirrapportaw li minkejja l-mard u l-limitazzjonijiet fiżiċi, nies li għandhom ’il fuq minn 100 sena għandhom xewqa qawwija li jkomplu jgħixu. Minn kull erbaʼ persuni ’l fuq minn 100 sena li ġew intervistati, tlieta minnhom għadhom iħobbu l-ħajja u jgawduha kemm jistgħu. Huma wettqu miri personali, huma ottimisti u mimlijin tama, iħossu li għandhom skop fil-ħajja, u jżommu mal-valuri reliġjużi u morali tagħhom.

AĦSEB DWAR DAN: Bħalma jindika Ekkleżjasti 3:11, x’turi x-xewqa naturali li għandna biex nibqgħu ngħixu?