L-Aħbar Tajba Skont Mattew 28:1-20

  • Ġesù jiġi rxoxtat (1-10)

  • Is-suldati jingħataw il-flus biex jigdbu (11-15)

  • Ikkmandati biex ngħallmu n-nies ħalli jsiru dixxipli (16-20)

28  Wara s-Sabat, hekk kif kienet tielgħa x-xemx fl-ewwel jum tal-ġimgħa,* Marija l-Maddalena u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar.  F’daqqa waħda kien hemm terremot kbir, għax l-anġlu taʼ Ġeħova* niżel mis-sema u gerbeb il-ġebla, u mbagħad poġġa fuqha.  Hu kien jiddi bħal sajjetta, u l-ħwejjeġ tiegħu kienu bojod silġ.  Is-suldati li kienu għassa tant beżgħu minnu li bdew jitriegħdu u ma felħux jiċċaqalqu.  Imma l-anġlu qal lin-nisa: “Tibżgħux, naf li qed tfittxu lil Ġesù li sammruh maʼ zokk.  Mhuwiex hawn għax ġie rxoxtat bħalma kien qal. Ejjew ħa taraw fejn kien qiegħed.  Imbagħad iddumux biex tmorru tgħidu lid-dixxipli tiegħu li ġie rxoxtat mill-mewt, għax hu sejjer qabilkom fil-Galilija. Se tarawh hemmhekk. Tinsewx dak li għedtilkom.”  Għalhekk, b’biżaʼ u b’ferħ kbir telqu mill-ewwel jiġru minn ħdejn il-qabar ħalli jgħidu lid-dixxipli tiegħu.  Huma u sejrin, Ġesù ltaqaʼ magħhom u qalilhom: “Bonġu!” Huma marru ħdejh, mielu quddiemu, u qabdulu saqajh b’rispett. 10  Imbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħux! Morru għidu lil ħuti biex imorru l-Galilija u jarawni hemmhekk.” 11  Huma u sejrin, xi suldati li kienu għassa marru l-belt u qalu dak kollu li kien ġara lill-qassisin importanti. 12  Wara, dawn iltaqgħu mal-anzjani* u ftiehmu bejniethom. Huma taw lis-suldati ammont mhux ħażin taʼ muniti tal-fidda 13  u qalulhom: “Għidu li d-dixxipli tiegħu ġew billejl u serquh waqt li kontu reqdin. 14  U jekk Pilatu jsir jaf b’dan, se nispjegawlu* aħna. Intom m’għandkomx għalfejn tinkwetaw.” 15  Għalhekk, ħadu l-muniti tal-fidda u għamlu kif qalulhom, u din l-istorja saret magħrufa mal-Lhud sal-lum. 16  Sadanittant, il-11-il dixxiplu marru fil-Galilija lejn il-muntanja fejn Ġesù kien qalilhom biex imorru. 17  Meta rawh, mielu quddiemu. Imma xorta kien hemm min ma kienx ċert li hu Ġesù. 18  Ġesù resaq lejhom u qalilhom: “Alla tani l-awtorità fuq kulma hemm fis-sema u fuq l-art. 19  Għalhekk, morru u għallmu n-nies mill-popli kollha biex isiru dixxipli tiegħi u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis. 20  U għallmuhom jobdu dak kollu li kkmandajtkom. Jien se nibqaʼ magħkom sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.”*

Noti taʼ taħt

Din il-ġurnata għalina hi l-Ħadd. Għal-Lhud kienet l-ewwel ġurnata tal-ġimgħa.
Letteralment “nikkonvinċuh.”
Jew “sal-konklużjoni tas-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati. “Konklużjoni tas-sistema tal-affarijiet” u “Sistema tal-affarijiet.”