Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 4:1-37

  • Jiġu arrestati Pietru u Ġwanni (1-4)

    • L-ammont taʼ rġiel li saru dixxipli jiżdied għal madwar 5,000 (4)

  • Ġuri quddiem is-Sinedriju (5-22)

    • “Ma nistgħux nieqfu nitkellmu” (20)

  • Jitolbu biex ikollhom il-kuraġġ (23-31)

  • Id-dixxipli jaqsmu dak li għandhom bejniethom (32-37)

4  Waqt li Pietru u Ġwanni kienu qed jitkellmu man-nies, marru ħdejhom il-qassisin, il-kap tat-tempju, u s-Sadduċej.  Dawn kienu rrabjati għax l-appostli kienu qed jgħallmu lin-nies u jxandru li Ġesù ġie rxoxtat mill-mewt.  Għalhekk qabduhom u żammewhom arrestati sal-għada, għax kien diġà filgħaxija.  Imma ħafna minn dawk li semgħuhom bdew jemmnu, u l-ammont taʼ rġiel li saru dixxipli kien madwar 5,000.  L-għada, il-mexxejja, l-anzjani,* u l-iskribi tal-Lhud inġabru flimkien f’Ġerusalemm  m’Anna l-qassis importanti, Kajfa, Ġwanni, Alessandru, u dawk kollha li jiġu mill-qassis importanti.  Huma ġabu lil Pietru u lil Ġwanni u bdew jistaqsuhom: “Min takom l-awtorità biex tagħmlu dan, u f’isem min qed tagħmluh?”  Imbagħad Alla bagħat l-ispirtu qaddis fuq Pietru, u dan qalilhom: “Mexxejja tal-poplu u anzjani,  tridu tkunu tafu x’għamilna għal dan ir-raġel li ma setax jimxi, u kif fieq? 10  Kunu afu intom u n-nies kollha t’Iżrael, li dan ir-raġel ġie mfejjaq f’isem Ġesù Kristu n-Nazzarenu. Hu qiegħed wieqaf quddiemkom u b’saħħtu grazzi għal Ġesù, il-wieħed li intom qtiltu maʼ zokk imma li Alla qajmu mill-mewt. 11  Hu ‘l-ġebla li warrabtu intom il-bennejja u li saret l-iktar ġebla importanti* tal-bini.’ 12  Barra minn hekk, ħadd iktar ma jistaʼ jsalvana ħlief hu, għax fuq l-art m’hemm ebda isem ieħor fost in-nies li bih nistgħu niġu salvati.” 13  Meta raw lil Pietru u lil Ġwanni jitkellmu bil-kuraġġ* u ndunaw li kienu rġiel komuni u taʼ ftit skola,* baqgħu mistagħġbin. Huma rrealizzaw li dawn kienu jkunu maʼ Ġesù. 14  Waqt li kienu qed iħarsu lejn ir-raġel li ġie mfejjaq u li kien magħhom, ma kinux jafu x’se jaqbdu jgħidu. 15  Għalhekk, ikkmandawhom joħorġu ’l barra mis-sala tas-Sinedriju, u bdew jitkellmu bejniethom 16  u jgħidu: “X’se nagħmlu b’dawn l-irġiel? Għax huwa fatt li dawn għamlu xi ħaġa tal-għaġeb li saru jafu biha n-nies taʼ Ġerusalemm kollha, u aħna ma nistgħux ngħidu li mhux veru. 17  Biex ma jsirux jafu iktar nies dwar dan, ejja nhedduhom u ngħidulhom biex ma jitkellmux iktar f’isem dan ir-raġel.” 18  Imbagħad, għajtulhom u kkmandawhom biex ma jibqgħux jitkellmu jew jgħallmu dwar isem Ġesù. 19  Imma Pietru u Ġwanni wiġbuhom: “Araw intom jekk hux sewwa f’għajnejn Alla li nobdu lilkom minflok lilu. 20  Imma aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.” 21  Għalhekk wara li reġgħu heddewhom, ħelsuhom, għax ma sabux fuqiex jikkastigawhom u kienu jibżgħu min-nies. Dan kien għax in-nies kollha kienu qed ifaħħru lil Alla minħabba dak li ġara. 22  Ir-raġel li ġie mfejjaq b’dan il-miraklu kellu iktar minn 40 sena. 23  Wara li ġew meħlusin, marru għand id-dixxipli l-oħra u rrakkontawlhom x’kienu qalulhom il-qassisin importanti u l-anzjani. 24  Meta semgħu dan, huma talbu lil Alla flimkien: “Sid taʼ Kollox,* int il-Wieħed li għamilt is-sema, l-art, il-baħar, u kulma fihom. 25  Int il-Wieħed li permezz tal-ispirtu qaddis użajt lill-antenat tagħna David, il-qaddej tiegħek, biex jgħid: ‘Il-popli għala huma mifxulin u n-nies għala qed jaħsbu fuq affarijiet bla sens? 26  Ir-rejiet tal-art ħadu l-waqfa tagħhom u l-mexxejja nġabru flimkien kontra Ġeħova* u l-magħżul* tiegħu.’ 27  Għax fil-fatt, Erodi, Ponzju Pilatu, in-nies tal-popli, u n-nies t’Iżrael inġabru flimkien f’din il-belt kontra l-qaddej qaddis tiegħek Ġesù, li int għażilt.* 28  Huma għamlu hekk biex isir dak li għedt int minn qabel, għax int għandek il-qawwa* u għax hekk trid. 29  U issa, Ġeħova,* agħti kas it-theddid tagħhom, u għin lilna, l-ilsiera tiegħek, biex nibqgħu nippritkaw bil-kuraġġ, 30  waqt li int tfejjaq il-morda bis-saħħa tiegħek u tagħmel affarijiet tal-għaġeb u mirakli permezz tal-isem tal-qaddej qaddis tiegħek Ġesù.” 31  Wara li talbu bil-ħniena,* il-post fejn kienu miġburin theżżeż, u l-ispirtu qaddis ġie fuqhom kollha u bdew jippritkaw il-kelma t’Alla bil-kuraġġ. 32  Iktar minn hekk, id-dixxipli kollha kienu jaħsbuha l-istess* u ħadd minnhom ma kien jgħid li dak li kellu kien tiegħu, imma kienu jaqsmu kollox bejniethom. 33  L-appostli komplew jippritkaw b’mod effettiv dwar l-irxoxt tal-Mulej Ġesù, u Alla berikhom bil-kbir. 34  Fil-fatt, ħadd minnhom ma kien fil-bżonn, għax dawk kollha li kellhom xi għalqa jew dar kienu jbigħuha u dak li jaqilgħu 35  jagħtuh lill-appostli. Imbagħad, dan kien jitqassam bejn kulħadd skont il-bżonn. 36  Hekk għamel Ġużeppi, Levita minn Ċipru, li l-appostli kienu jgħidulu wkoll Barnaba (li jfisser Wieħed li Jinkuraġġixxi).* 37  Hu kellu biċċa art, biegħha, u ta l-flus lill-appostli.

Noti taʼ taħt

Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ fuq nett taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.
Jew “bla tlaqliq.”
Dan ma jfissirx li ma kinux jafu jiktbu u jaqraw, imma li ma marrux fi skejjel tal-mexxejja reliġjużi.
Jew “Mulej Sovran.”
Jew “il-Kristu.” Letteralment “il-midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “dlikt.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “minħabba idek.”
Letteralment “qalb u ruħ waħda.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “Bin il-Faraġ.”