Eżodu 6:1-30

  • Tiġġedded il-wegħda taʼ ħelsien (1-13)

    • Ġeħova ma weriex ismu għalkollox (2, 3)

  • Il-ġenealoġija taʼ Mosè u Aron (14-27)

  • Mosè se jerġaʼ jidher quddiem il-Fargħun (28-30)

6  Għalhekk, Ġeħova qal lil Mosè: “Issa tara x’se nagħmillu lill-Fargħun. Bil-qawwa tiegħi nisforzah jibgħatkom, u wara li jara l-qawwa tiegħi jgħidilkom titilqu minn pajjiżu.”  Imbagħad Alla qal lil Mosè: “Jien Ġeħova.  U kont nidher lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb bħala l-Alla li Jistaʼ Kollox, imma m’urejthomx xi jfisser ismi Ġeħova.  Jien għamilt ukoll il-patt tiegħi magħhom biex nagħtihom l-art taʼ Kangħan, l-art li fiha għexu bħala barranin.  Issa jien stess smajt kemm qed jibki l-poplu t’Iżrael, li qed jinżamm fil-jasar mill-Eġizzjani, u jien ftakart fil-patt tiegħi.  “Għalhekk, għid lill-Iżraelin, ‘Jien Ġeħova, u jien se neħliskom mix-xogħol li l-Eġizzjani sforzawkom tagħmlu u mill-jasar tagħhom, u jien se nuża l-qawwa* tiegħi u kastigi kbar biex insalvakom.  Jien niħodkom bħala l-poplu tiegħi u nkun l-Alla tagħkom, u intom żgur tkunu tafu li jien Ġeħova l-Alla tagħkom li qed neħliskom mill-Eġittu u t-tagħbijiet tiegħu.  U ndaħħalkom fl-art li ħlift* li nagħtiha lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb. U jien nagħtiha lilkom biex tkun tagħkom. Jien Ġeħova.’”  Iktar tard, Mosè qal dan il-kliem lill-Iżraelin, imma dawn ma tawx kasu minħabba li kienu skuraġġiti u f’jasar aħrax. 10  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 11  “Idħol u għid lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, li għandu jħalli lill-Iżraelin jitilqu minn pajjiżu.” 12  Madankollu, Mosè wieġeb lil Ġeħova: “L-Iżraelin ma tawx kasi. Kif qatt jistaʼ jagħti kasi l-Fargħun, la nsibha diffiċli biex nitkellem?” 13  Imma Ġeħova reġaʼ qal lil Mosè u lil Aron il-kmandi li għandhom jagħtu lill-Iżraelin u lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, sabiex joħorġu lill-Iżraelin mill-art tal-Eġittu. 14  Dawn huma l-kapijiet tal-familja tagħhom: It-tfal taʼ Ruben l-ewwel imwieled t’Iżrael kienu Ħanok, Pallu, Ħesron, u Karmi. Dawn huma l-familji taʼ Ruben. 15  It-tfal taʼ Simegħon kienu Ġemwel, Ġamin, Oħad, Ġakin, Soħar, u Sagħul, bin mara Kangħanija. Dawn huma l-familji taʼ Simegħon. 16  Dawn huma l-ismijiet tat-tfal taʼ Levi, skont il-familji tagħhom: Gerson, Keħat, u Merari. Levi għex 137 sena. 17  It-tfal taʼ Gerson kienu Libni u Simgħi, skont il-familji tagħhom. 18  It-tfal taʼ Keħat kienu Għamram, Isħar, Ħebron, u Użżijel. Keħat għex 133 sena. 19  It-tfal taʼ Merari kienu Maħli u Musi. Dawn kienu l-familji tal-Leviti, skont il-familji tagħhom. 20  Issa Għamram iżżewweġ lil Ġokebed, oħt missieru. Hi wellditlu lil Aron u lil Mosè. Għamram għex 137 sena. 21  It-tfal taʼ Isħar kienu Koraħ, Nefeg, u Żikri. 22  It-tfal taʼ Użżijel kienu Misael, Elsafan, u Sitri. 23  Issa Aron iżżewweġ lil Eliseba li tiġi bint Għamminadab u oħt Naħson. Hi wellditlu lil Nadab, Abiħu, Elegħażar, u Itamar. 24  It-tfal taʼ Koraħ kienu Assir, Elkana, u Abijasaf. Dawn kienu l-familji tal-Koraħin. 25  Elegħażar bin Aron iżżewweġ lil waħda mill-bniet taʼ Putjel. Hi wellditlu lil Fineħas. Dawn huma l-kapijiet tal-familji tal-Leviti, skont il-familji tagħhom. 26  Dawn huma Aron u Mosè li Ġeħova qalilhom: “Oħorġu lill-poplu t’Iżrael mill-art tal-Eġittu, grupp grupp.”* 27  Kienu huma li kellmu lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, biex joħorġu lill-poplu t’Iżrael mill-Eġittu. 28  Dakinhar li Ġeħova kellem lil Mosè fl-art tal-Eġittu, 29  Ġeħova qallu: “Jien Ġeħova. Għid lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, kulma qed ngħidlek.” 30  Imbagħad Mosè qal lil Ġeħova: “Jien insibha diffiċli biex nitkellem, allura kif qatt jistaʼ l-Fargħun jismaʼ minni?”

Noti taʼ taħt

Letteralment “driegħ maħruġ ’il barra.”
Letteralment “erfajt idi.”
Letteralment “skont l-armati tagħhom.”