Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif iqisuhom il-funerali?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif iqisuhom il-funerali?

 Aħna nibbażaw il-​ħarsa u l-​prattiki tagħna relatati mal-​funerali fuq dak li tgħallem il-​Bibbja, inkluż dan li ġej:

  •   Huwa normali li titnikket minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd maħbub. Id-​dixxipli taʼ Ġesù tnikktu minħabba l-​mewt tal-​maħbubin tagħhom. (Ġwanni 11:33-​35, 38; Atti 8:2; 9:39) B’hekk, aħna ma nqisux funeral bħala żmien biex nixxalaw. (Ekkleżjasti 3:1, 4; 7:1-​4) Minflok, aħna nqisuh bħala żmien biex nuru empatija.—Rumani 12:15.

  •   Il-​mejtin mhumiex konxji. Minkejja l-​background etniku jew kulturali li għandna, aħna nevitaw drawwiet jew prattiki bbażati fuq twemmin mhux Skritturali li l-​mejtin huma konxji u jistgħu jinfluwenzaw lill-​ħajjin. (Ekkleżjasti 9:5, 6, 10) Dawn jinkludu drawwiet bħal meta xi ħadd jibqaʼ għassa mal-​mejjet, ċelebrazzjonijiet u anniversarji lussużi tal-​funerali, sagrifiċċji għall-​mejtin, li wieħed jitkellem mal-​mejtin u jitlobhom affarijiet, u riti tar-​romol. Aħna nevitaw dawn id-​drawwiet u l-​prattiki kollha, b’ubbidjenza għall-​kmand tal-​Bibbja: “Infirdu minn magħhom, . . . u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif.”—2 Korintin 6:17.

  •   Hemm tama għall-​mejtin. Il-​Bibbja tgħallem li se jkun hemm irxoxt u li se jasal iż-​żmien meta l-​mewt ma tkunx iktar. (Atti 24:15; Rivelazzjoni 21:4) Din it-​tama tgħinna nevitaw prattiki estremi taʼ vistu, l-​istess bħalma għenet lill-​Kristjani tal-​bidu.—1 Tessalonikin 4:13.

  •   Il-​Bibbja tirrikkmanda l-​modestja. (Proverbji 11:2) Aħna ma nemmnux li funeral għandu jkun opportunità biex ‘niffanfraw’ bl-​istat soċjali jew ekonomiku li għandna. (1 Ġwanni 2:16) Aħna ma norganizzawx funerali b’ħafna tberbiq taʼ flus li huma maħsuba primarjament għal divertiment jew li fihom twiebet għaljin ħafna u lbies estrem li jimpressjona lil dawk li jarawhom.

  •   Aħna ma nipprovawx nimponu fuq oħrajn it-​twemmin tagħna dwar il-​funerali. F’dan ir-​rigward, aħna nimxu fuq il-​prinċipju: “Kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” (Rumani 14:12) Madankollu, jekk ningħataw l-​opportunità, aħna nipprovaw nispjegaw it-​twemmin tagħna “bil-​ħlewwa u b’rispett profond.”—1 Pietru 3:15.

Kif ikun funeral tax-​Xhieda?

 Il-​post: Jekk familja tiddeċiedi li tagħmel funeral, dan jistaʼ jsir fi kwalunkwe post li tagħżel il-​familja, bħal f’Sala tas-​Saltna, f’post fejn isiru l-​funerali, f’dar privata, fi krematorju, jew maġenb il-​qabar.

 Is-​servizz: Tingħata taħdita biex tfarraġ lill-​qraba u l-​ħbieb billi jiġi spjegat dak li tgħid il-​Bibbja dwar il-​mewt u t-​tama tal-​irxoxt. (Ġwanni 11:25; Rumani 5:12; 2 Pietru 3:13) Il-​programm tal-​funeral jistaʼ jfakkar il-​kwalitajiet tajbin tal-​persuna li mietet, u forsi jenfasizza lezzjonijiet inkuraġġanti mill-​eżempju taʼ lealtà taʼ din il-​persuna.—2 Samwel 1:17-​27.

 Tistaʼ titkanta għanja bbażata fuq l-​Iskrittura. (Kolossin 3:16) Is-​servizz jispiċċa b’talba taʼ faraġ.—Filippin 4:6, 7.

 Ħlas jew ġbir: Aħna ma nitolbux ħlas għal xi servizz reliġjuż, inkluż il-​funerali, u lanqas ma jsir ġbir taʼ flus waqt il-​laqgħat tagħna.—Mattew 10:8.

 Attendenza: Dawk li mhumiex Xhieda jistgħu jattendu funeral li jsir f’Sala tas-​Saltna. Bħal-​laqgħat l-​oħra tagħna, is-​servizzi tal-​funerali huma miftuħin għall-​pubbliku.

Ix-​Xhieda jattendu funerali li jsiru minn reliġjonijiet oħra?

 Kull Xhud jiddeċiedi għalih innifsu, skont il-​kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-​Bibbja. (1 Timotju 1:19) Madankollu, aħna ma niħdux sehem f’ċerimonji reliġjużi li nħossu li mhumiex fi qbil mal-​Bibbja.—2 Korintin 6:14-​17.