Mur fil-kontenut

IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

“Il-Martial Arts Kien l-Iktar Ħaġa Importanti f’Ħajti”

“Il-Martial Arts Kien l-Iktar Ħaġa Importanti f’Ħajti”
  • Sena tat-​Twelid: 1962

  • Post tat-​Twelid: L-​Istati Uniti

  • Passat: Kont inħobb ħafna l-​martial arts

IL-​PASSAT TIEGĦI

 Darba waħda, waqt it-​training, tajt daqqa lil sieħbi u weġġajtu. Bi żball ilqattu fi mnieħru. Vera ddispjaċieni. Dan l-​iżball ġegħelni naħseb għandix inkompli nittrennja l-​martial arts, xi ħaġa li jien kont inħobb u kont ilni nipprattikaha għal ħafna snin. Imma l-​ewwel ħalli ngħidilkom kif bdejt dan l-​isport.

 Trabbejt f’post qrib Buffalo, New York, ġo familja magħquda u reliġjuża ħafna. Kont immur skola tal-​Knisja u kont abbati. Il-​ġenituri xtaqu li jien u oħti nirnexxu fil-​ħajja, għalhekk, wara l-​iskola kienu jħalluni nitgħallem l-​isports jew naħdem part-​time. Imma riduni wkoll nitfaʼ moħħi hemm fl-​iskola, biex inġib marki tajbin. Dan għenni biex minn taʼ età żgħira nkun iddixxiplinat.

 Meta kelli 17-​il sena, bdejt nitgħallem il-​martial arts. Għamilt snin nittrennja tliet sigħat kuljum, sitt ijiem fil-​ġimgħa. Ukoll, kull ġimgħa kont inqattaʼ sigħat twal naħseb dwar tattiki u mossi, u kont nara ħafna vidjows biex nimpruvja. Kienet l-​hena tiegħi nipprattika b’għajnejja mgħottijin, anke meta kont nittrennja bl-​armi. Kont tgħallimt inkisser l-​injam u l-​brikks b’idejja. Kont wieħed mill-​aħjar f’dan l-​isport u rbaħt ħafna trophies fil-​kompetizzjonijiet. Il-​martial arts kien l-​iktar ħaġa importanti f’ħajti.

 Kont inħossni rnexxejt fil-​ħajja. Iggradwajt mill-​università u ġibt riżultati tajbin ħafna. Bdejt naħdem maʼ kumpanija kbira bħala computer systems engineer. Maʼ din il-​kumpanija kelli ħafna benefiċċji. Dak iż-​żmien, kelli d-​dar tiegħi, u kelli tfajla wkoll. Għalkemm għan-​nies kien jidher li ma jonqosni xejn u kelli nkun ferħan, jien ma kontx kuntent. Kelli ħafna mistoqsijiet importanti li ma kontx naf it-​tweġiba għalihom.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI

 Minħabba li ridt insib it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet li kelli, bdejt immur il-​knisja darbtejn fil-​ġimgħa u nitlob lil Alla. Imbagħad, darba waħda kont qed nitkellem maʼ sieħbi u din il-​konversazzjoni biddlitli ħajti. Jien staqsejtu: “Ġieli ħsibt x’inhu l-​iskop tal-​ħajja?” Imbagħad għedtlu: “Daqs kemm hawn problemi u inġustizzji!” Hu qalli li ġieli staqsa dawn il-​mistoqsijiet u mill-​Bibbja kien sab it-​tweġibiet li kienu jagħmlu sens. Imbagħad tani ktieb jismu Int Tista’ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art. a Hu qalli li kien qed jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għall-​ewwel, ma kontx ċert naċċettax il-​ktieb, għax ma kontx naf jekk għandix naqra kotba li mhumiex tar-​reliġjon tiegħi. Imma x-​xewqa li nsib it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħi ħajritni nara jekk dak li kienu qed jgħallmu x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienx jagħmel sens.

 Vera kont qed nitgħallem affarijiet tal-​għaġeb mill-​Bibbja. Jien tgħallimt li l-​iskop t’Alla hu li l-​bnedmin jgħixu għal dejjem f’ġenna tal-​art u l-​iskop tiegħu ma nbidilx. (Ġenesi 1:28) Bqajt mistagħġeb meta sibt l-​isem t’Alla, Ġeħova, fil-​Bibbja tiegħi, il-​King James version. Tgħallimt ukoll li dan kien l-​isem li jien kont nitlob dwaru fit-​Talba tal-​Missierna. (Salm 83:18; Mattew 6:9) Ukoll, fl-​aħħar sirt naf għala għalissa, Alla jippermetti t-​tbatija. Dak li kont qed nitgħallem mill-​Bibbja vera kien jagħmel sens!

 Qatt mhu se ninsa l-​ewwel darba li mort laqgħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Kulħadd kien dħuli u kulħadd ried ikun jaf x’jisimni. Fl-​ewwel laqgħa li mort, kien hemm taħdita speċjali li kienet titkellem dwar it-​talb li jismaʼ u jwieġeb Alla. Is-​suġġett vera kien interessani għax jien kont nitlob lil Alla biex jgħinni. Imbagħad, attendejt it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù. L-​iktar ħaġa li kienet timpressjonani kienet li anke t-​tfal kienu jsegwu hekk kif jaqraw mill-​Bibbja. Għall-​ewwel, ma kontx naf kif insib l-​iskritturi, imma x-​Xhieda taʼ Ġeħova għenuni ħafna u għallmuni kif nuża l-​Bibbja.

 Iktar ma bdejt nattendi l-​laqgħat, iktar bdejt napprezza l-​mod kif ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu jgħallmu. F’kull laqgħa, kont nitgħallem ħafna u wara dejjem kont inħossni inkuraġġit. Imbagħad qaluli jekk xtaqtx nistudja l-​Bibbja b’mod personali.

 Jien stajt nara d-​differenza li kien hemm bejn ix-​Xhieda taʼ Ġeħova u n-​nies fir-​reliġjon tiegħi. Indunajt li x-​Xhieda kienu nies sinċiera u magħqudin, li vera jippruvaw jogħġbu lil Alla. Maż-​żmien, sirt iktar konvint li huma kienu l-​Kristjani veri minħabba l-​imħabba li rajt bejniethom.—Ġwanni 13:35.

 Iktar ma kont qed nitgħallem x’tgħid il-​Bibbja, iktar bdejt nagħmel bidliet f’ħajti biex ngħix kif jixtieq Alla. Però, ħassejt li qatt ma stajt nieqaf mill-​martial arts. Kont nieħu pjaċir ħafna nittrennja u nieħu sehem fil-​kompetizzjonijiet. Meta darba staqsejt lir-​raġel li kont nistudja l-​Bibbja miegħu dwar dan, hu b’qalb tajba qalli, ”Ibqaʼ studja, jien naf li se tieħu l-​aħjar deċiżjoni.” Dan il-​kliem vera għenni. Iktar ma studjajt, iktar ridt nogħġob lil Alla Ġeħova.

 Mument li biddilli ħajti kien l-​aċċident li semmejt fil-​bidu, meta bi żball ilqatt lil sieħbi fi mnieħru. Dak li ġara ġegħelni naħseb bis-​serjetà jekk stajtx inkun Kristjan li jħobb il-​paċi u fl-​istess ħin inkompli nittrennja l-​martial arts. Minn Isaija 2:3, 4 kont tgħallimt li dawk li jridu jobdu lil Alla ma setgħux ‘jitħarrġu iktar għall-​gwerra.’ U Ġesù kien jgħallem lin-​nies biex ma jkunux vjolenti anke meta jiġu trattati ħażin. (Mattew 26:52) Għalhekk, ma bqajtx nittrennja dan l-​isport li tant kont inħobb.

 Wara dan, ħadt bis-​serjetà l-​parir tal-​Bibbja billi għamiltha mira biex nittrennja lili nnifsi kif nogħġob lil Alla. (1 Timotju 4:7) Il-​ħin li kont inqattaʼ u l-​isforz li kont nagħmel fil-​martial arts issa kont qed nużahom biex insaħħaħ il-​ħbiberija tiegħi m’Alla u naqdih. It-​tfajla ma bdietx taqbel ma dak li kont qed nitgħallem mill-​Bibbja. Fil-​fatt, maʼ bqajniex flimkien. Jien tgħammidt bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​24 taʼ Jannar 1987. Ftit wara, l-​ippritkar sar ix-​xogħol tiegħi. Ridt nuża l-​ħin tiegħi biex ngħallem lil oħrajn dak li tgħallem il-​Bibbja. Sal-​lum, għadni nagħmel dan ix-​xogħol. Għal xi żmien, ħdimt ukoll fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, fi New York, l-​Istati Uniti.

KIF IBBENEFIKAJT

 Issa li tgħallimt il-​verità dwar Alla, sibt dak li kelli nieqes fil-​ħajja tiegħi. M’għadnix inħoss dak il-​vojt ġewwa fija. Minflok, issa għandi skop fil-​ħajja tiegħi, tama vera għall-​futur, u vera nħossni kuntent. Xorta għadni nieħu pjaċir nittrennja, imma m’għadux l-​iktar ħaġa importanti għalija. L-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja tiegħi hi li naqdi lil Ġeħova.

 Meta kont nittrennja l-​martial arts, kont inkun moħħni fin-​nies taʼ madwari għax dejjem kont naħseb kif se niddefendi ruħi jekk xi ħadd jagħmel għalija. Illum, ukoll inkun moħħni f’dawk taʼ madwari, imma għal raġuni differenti—biex ngħinhom. Il-​Bibbja għenitni nsir persuna ġeneruża u raġel aħjar għall-​mara tiegħi, Brenda.

 Il-​martial arts kien l-​iktar ħaġa importanti f’ħajti. Imma issa għandi xi ħaġa ħafna aħjar. Dak li tgħid il-​Bibbja vera jagħmel sens: “It-​taħriġ tal-​ġisem hu taʼ benefiċċju għal ftit; imma d-​devozzjoni lejn Alla hi taʼ benefiċċju għal kollox, għax toffri l-​wegħda tal-​ħajja t’issa u taʼ dik li ġejja.”—1 Timotju 4:8.

a Ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova imma issa m’għadux jiġi stampat.