Mur fil-kontenut

X’inhi r-​ruħ?

X’inhi r-​ruħ?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Il-​kelma “ruħ” fil-​Bibbja hi traduzzjoni tal-​kelma Ebrajka nefex u l-​kelma Griega psike. Il-​kelma Ebrajka letteralment tfisser “ħliqa li tieħu n-​nifs,” u l-​kelma Griega tfisser “ħliqa ħajja.” a Għalhekk, ir-​ruħ hi l-​ħliqa kollha kemm hi u mhux xi ħaġa ġo fina li tibqaʼ ħajja meta jmut il-​ġisem. Ikkunsidra kif il-​Bibbja turi li r-​ruħ umana hi l-​persuna kollha kemm hi:

Adam ma ngħatax ruħ—hu “sar ruħ ħajja”

  •   Meta Alla Ġeħova ħalaq lill-​ewwel bniedem, Adam, il-​Bibbja tgħid li “l-​bniedem sar ruħ ħajja.” (Ġenesi 2:7, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija l-​Ewwel Edizzjoni) Adam ma ngħatax ruħ—hu sar ruħ, jew persuna, ħajja.

  •   Il-​Bibbja tgħid li r-​ruħ tistaʼ taħdem, tixxennaq għall-​ikel, tiekol, u tobdi liġijiet. (Levitiku 7:20; 23:30; Dewteronomju 12:20; Rumani 13:1) Dawn l-​attivitajiet jinvolvu l-​persuna kollha kemm hi.

Hija r-​ruħ immortali?

 Le, ir-​ruħ tistaʼ tmut. Hemm bosta versi fil-​Bibbja li jirreferu għar-​ruħ bħala li hi mortali. Hawnhekk se ssib xi eżempji:

  •   “Ir-​ruħ li tidneb, tmut.”​—Eżekjel 18:4, 20, Il-​Bibbja Mqaddsa, Karm Żammit.

  •   F’Iżrael tal-​qedem, il-​kastig għall-​iktar reati gravi kien li ‘r-​ruħ tiġi maqtugħa.’ (Eżodu 12:15, 19; Levitiku 7:20, 21, 27; 19:8) L-​individwu kien “jingħata l-​mewt.”—Eżodu 31:14.

  •   Wara li persuna tmut, xi versi tal-​Bibbja meta jirreferu għall-​ġisem jużaw it-​terminu letterali “ruħ mejta.” (Levitiku 21:11; Numri 6:6) Minkejja li ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja jużaw it-​termini “ġisem mejjet” jew “persuna mejta” f’dawn il-​versi, il-​lingwa Ebrajka oriġinali tuża l-​kelma nefex, jew “ruħ.”

Ir-​“ruħ” tistaʼ tfisser “ħajja”

 Il-​Bibbja tuża wkoll il-​kelma “ruħ” bħala sinonima għall-​kelma “ħajja.” Pereżempju, Ġob 33:22 juża l-​kelma Ebrajka għal “ruħ” (nefex) bħala kelma oħra għal “ħajja.” B’mod simili, il-​Bibbja turi li r-​ruħ taʼ individwu, jew ħajtu, tistaʼ tkun fil-​periklu jew tintilef.​—Eżodu 4:19, nota taʼ taħt; Imħallfin 9:17; Filippin 2:30.

 L-​użu tal-​kelma “ruħ” b’dan il-​mod jgħinna nifhmu versi li fihom jingħad li r-​ruħ kienet “ħierġa.” (Ġenesi 35:18; GħBM.) Din l-​espressjoni figurattiva tindika li l-​ħajja tal-​persuna qed tintemm. Xi traduzzjonijiet jittraduċu din l-​espressjoni f’​Ġenesi 35:18 b’dan il-​mod: “Hi ħadet l-​aħħar nifs taʼ ħajjitha.”​—Good News Translation; New Jerusalem Bible.

Minn fejn ġej it-​twemmin taʼ ruħ immortali?

 Reliġjonijiet Kristjani li jemmnu f’ruħ immortali ma ġabux dan it-​tagħlim mill-​Bibbja imma minn filosofija Griega tal-​qedem. L-​Encyclopædia Britannica tgħid: ‘Referenzi Bibliċi għar-​ruħ għandhom x’jaqsmu mal-​idea li dak li jkun jieħu n-​nifs u ma tagħmel l-​ebda distinzjoni bejn ir-​ruħ spiritwali u l-​ġisem materjali. L-​ideat Kristjani li l-​ġisem u r-​ruħ huma separati oriġinaw mill-​Griegi tal-​qedem.’

 Alla ma jittollerax li t-​tagħlim tiegħu jitħallat maʼ filosofiji umani, bħalma hu t-​twemmin tar-​ruħ immortali. Minflok, il-​Bibbja twissi: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-​tradizzjoni tal-​bnedmin.”​—Kolossin 2:8.

a Ara The New Brown, Driver, and Briggs Hebrew and English Lexicon of the Old Testament, paġna 659, u l-​Lexicon in Veteris Testamenti Libros, paġna 627. Ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja jittraduċu l-​kliem nefex u psike b’mod differenti skont il-​kuntest, billi jużaw kliem bħal “ruħ,” “ħajja,” “persuna,” “ħliqa,” jew “ġisem.”