Mur fil-kontenut

X’tgħid il-​Bibbja dwar id-​dinosawri?

X’tgħid il-​Bibbja dwar id-​dinosawri?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Il-​Bibbja ma ssemmix id-​dinosawri b’mod dirett. Però, il-​Bibbja tgħid li Alla ‘ħalaq l-​affarijiet kollha,’ allura biċ-​ċar dawn huma fost l-​affarijiet li għamel. a (Rivelazzjoni 4:11) Mingħajr ma ssemmi d-​dinosawri b’mod speċifiku, il-​Bibbja tirreferi għal gruppi taʼ ħlejjaq li jistgħu jinkluduhom:

  •   “Mostri kbar tal-​baħar.”—Ġenesi 1:21; Karm Żammit.

  •   “Kull annimal li jitkaxkar taʼ l-​art.”—Ġenesi 1:25.

  •   “Il-​bhejjem salvaġġi taʼ l-​art.”—Ġenesi 1:25.

Id-​dinosawri evolvew minn annimali oħra?

 Ir-​rekords tal-​fossili ma jurux li d-​dinosawri ġew bil-​mod il-​mod bħallikieku bl-​evoluzzjoni, imma dawn ir-​rekords juru li ġew maħluqin hekk mill-​ewwel. Dan hu fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Bibbja fejn turi li Alla ħalaq l-​annimali kollha. Pereżempju, Salm 146:6 jiddeskrivi lil Alla bħala “Dak li għamel is-​sema u l-​art, il-​baħar, u kulma fihom.”

Meta kienu jeżistu d-​dinosawri?

 Il-​Bibbja tgħid li l-​annimali tal-​baħar u tal-​art ġew maħluqin matul il-​ħames u s-​sitt jum, jew epoka, tal-​ħolqien. b (Ġenesi 1:20-​25, 31) B’hekk, il-​Bibbja tagħti x’tifhem li d-​dinosawri kienu jeżistu għal żmien twil.

Kienu l-​Beħemot u l-​Levjatan dinosawri?

 Le. Għalkemm ma nistgħux ngħidu fiċ-​ċert x’inhuma dawn l-​annimali li jissemmew fil-​ktieb taʼ Ġob, il-​Beħemot ġeneralment jiġi identifikat bħala ippopotamu u l-​Levjatan bħala kukkudrill. Il-​mod kif ġew identifikati jaqbel mad-​deskrizzjoni li tagħti dwarhom l-​Iskrittura. (Ġob 40:15-​23; 41:1, 14-​17, 31) Hu x’inhu l-​każ, ma jistax ikun li t-​termini “Beħemot” u “Levjatan” jirreferu għad-​dinosawri. Alla qal lil Ġob biex josserva dawn l-​annimali b’mod personali, u Ġob għex fi żmien meta d-dinosawri kienu ilhom li ġew estinti.—Ġob 40:16; 41:8.

X’sar minnhom id-​dinosawri?

 Il-​Bibbja ma tgħid xejn dwar meta d-​dinosawri ġew estinti. Madankollu, tgħid li l-​affarijiet kollha ġew maħluqin “bir-​rieda” t’Alla, allura Alla żgur li kellu skop għala ħalaq id-​dinosawri. (Rivelazzjoni 4:11) Meta dan l-​iskop intlaħaq, Alla ppermetta li d-​dinosawri jiġu estinti.

a Ir-​rekords tal-​fossili juru li d-​dinosawri kienu jeżistu. Fil-​fatt, il-​fossili juru li xi darba kien hawn ħafna dinosawri b’varjetà kbira taʼ forom u daqsijiet.

b Fil-​Bibbja, il-​kelma “jum” tistaʼ tirreferi għal perjodu taʼ żmien li jdum eluf taʼ snin.—Ġenesi 1:31; 2:1-​4; Ebrej 4:4, 11.