Mur fil-kontenut

Jinsab Alla kullimkien, omnipreżenti?

Jinsab Alla kullimkien, omnipreżenti?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Alla hu kapaċi jara kollox u jaġixxi kull fejn jagħżel hu. (Proverbji 15:3; Ebrej 4:13) Madankollu, il-​Bibbja ma tgħallimx li Alla hu omnipreżenti, jiġifieri, li jinsab kullimkien u f’kull ħaġa. Minflok, turina li hu persuna u li jgħix xi mkien.

  •   Is-​sura t’Alla: Alla hu persuna spirtu. (Ġwanni 4:24) Hu inviżibbli għall-​bnedmin. (Ġwanni 1:18) Viżjonijiet dwar Alla mniżżla fil-​Bibbja b’mod konsistenti jagħtuna stampa bħala li għandu post għalih fejn jgħix. Hu qatt mhu deskritt bħala li jeżisti kullimkien.—Isaija 6:1, 2; Rivelazzjoni 4:2, 3, 8.

  •   Il-​post fejn jgħammar, jew joqgħod, Alla: Alla jgħix fil-​qasam tal-​ispirti, li hu separat mill-​ħolqien fiżiku. F’dan il-​qasam, Alla għandu ‘post fejn jgħammar, fis-​smewwiet.’ (1 Slaten 8:30) Il-​Bibbja ssemmi ġrajja meta l-​ħlejjaq spirti “daħlu biex jidhru quddiem Ġeħova.” a Dan f’ċertu sens juri li Alla jgħix f’post speċifiku.—Ġob 1:6.

Jekk Alla mhux omnipreżenti, jistaʼ verament jieħu ħsiebi persunalment?

 Iva. Alla jinteressah profondament mill-​individwi. Għalkemm joqgħod fil-​qasam tal-​ispirti, Alla jinnota lil dawk fuq l-​art li verament jixtiequ jogħġbuh, u hu jaġixxi għan-​nom tagħhom. (1 Slaten 8:39; 2 Kronaki 16:9) Ikkunsidra kif Ġeħova juri l-​interess tiegħu għall-​aduraturi sinċieri:

  •   Meta titlob: Ġeħova jistaʼ jismaʼ t-​talb tiegħek eżatt xħin tgħidu.—2 Kronaki 18:31.

  •   Meta tkun dipress: “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”—Salm 34:18.

  •   Meta jkollok bżonn direzzjoni: Ġeħova ‘se jagħtik id-​dehen u jistruwik’ permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja.—Salm 32:8.

Ideat żbaljati dwar l-​omnipreżenza

 Idea żbaljata: Alla jinsab kullimkien fil-​ħolqien.

 Fatt: Alla la jgħix fuq l-​art u lanqas xi mkien ieħor fl-​univers fiżiku. (1 Slaten 8:27) Veru, l-​istilel u ħolqien ieħor “jiddikjaraw il-​glorja t’Alla.” (Salm 19:1) Madankollu, bħalma artist ma jgħixx fil-​pittura tiegħu, hekk ukoll Alla ma jgħixx fil-​ħolqien tiegħu. Xorta waħda, pittura tistaʼ turina xi ħaġa dwar l-​artist li għamilha. Bl-​istess mod, id-​dinja viżibbli turina “l-​kwalitajiet inviżibbli” tal-​Ħallieq, bħall-​qawwa, l-​għerf, u l-​imħabba.—Rumani 1:20.

 Idea żbaljata: Alla bilfors li hu omnipreżenti sabiex ikun jaf kull ħaġa u jkun mimli qawwa.

 Fatt: L-​ispirtu qaddis t’Alla, jew il-​forza attiva, hu l-​qawwa t’Alla fl-​azzjoni. Permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu, Alla jistaʼ josserva u jagħmel kwalunkwe ħaġa, fi kwalunkwe post u ħin, mingħajr ma jkun preżenti.—Salm 139:7.

 Idea żbaljata: Salm 139:8 jgħallimna li Alla hu omnipreżenti billi jgħid: “Kieku kelli nitlaʼ fis-​sema, hemmhekk tkun int; u kieku kelli nifrex soddti fil-​Qabar, ara, int tkun hemmhekk.”

 Fatt: Din l-​iskrittura mhux qed titkellem dwar il-​post fejn jinsab Alla. B’mod poetiku qed tgħallem li m’hemm ebda post li hu ’l bogħod wisq għal Alla biex jaġixxi għan-​nom tagħna.

a Ġeħova hu l-​isem t’Alla kif inhu muri fil-​Bibbja.