Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-ħajja kif bdiet?

Il-ħajja kif bdiet?

Int liema tagħżel?

IL-ĦAJJA . . .

  1. ĠIET B’EVOLUZZJONI

  2. ĠIET MAĦLUQA

 Xi wħud forsi jaħsbu li persuna li tħobb ix-xjenza se tagħżel “ġiet b’evoluzzjoni” u li persuna reliġjuża tagħżel “ġiet maħluqa.”

 Imma mhux dejjem ikun il-każ.

 Ir-realtà hi li ħafna nies intelliġenti—inkluż numru taʼ xjentisti—jiddubitaw kemm hi minnha t-teorija tal-evoluzzjoni.

 Pereżempju Gerard, professur tal-entomoloġija (studju fuq l-insetti) u li tgħallem dwar l-evoluzzjoni, jgħid hekk: “Fl-eżamijiet kont inwieġeb il-mistoqsijiet skont dak li jgħallmu l-professuri—imma ma kontx nemmen dan it-tagħlim.”

 Għala anki nies li jistudjaw ix-xjenza jsibuha diffiċli biex jemmnu li l-ħajja bdiet b’evoluzzjoni? Biex insibu tweġiba, ejja nikkunsidraw żewġ mistoqsijiet li ħafna riċerkaturi jkollhom diffikultà jwieġbu: (1) Il-ħajja minn fejn bdiet? u (2) Kif żviluppaw l-affarijiet ħajjin?

Il-ħajja minn fejn bdiet?

 DAK LI JGĦIDU XI WĦUD. Il-ħajja ġiet b’mod spontanju minn affarijiet bla ħajja.

 GĦALA XI WĦUD MA JISSODISFAWX RUĦHOM B’DIN IT-TWEĠIBA. Ix-xjentisti għandhom iktar għarfien minn qatt qabel dwar kif jaħdmu l-kimiċi u dwar il-molekuli tal-ħajja, li jinsabu fiċ-ċelluli. Minkejja dan, xorta ma jistgħux jispjegaw b’ċertezza x’inhi l-ħajja. Hemm baħar jaqsam bejn xi ħaġa bla ħajja u ċellula sempliċi ħajja.

 Ix-xjentisti jistgħu biss jassumu kif kienet id-dinja biljuni taʼ snin ilu. Huma għandhom opinjonijiet differenti dwar fejn bdiet tifforma l-ħajja—pereżempju, uħud jemmnu li bdiet ġo vulkan u oħrajn jemmnu li bdiet taħt qiegħ il-baħar. Teorija oħra hi li l-iżvilupp tal-komponenti li ngħaqdu flimkien biex jifformaw il-ħajja sar xi mkien ieħor fl-univers. Imbagħad ġew fid-dinja permezz taʼ meteoriti. Imma din it-teorija ma twiġibx kif bdiet il-ħajja; sempliċiment tgħid li l-ħajja bdiet xi mkien ieħor.

 Xi xjentisti jaħsbu li l-molekuli setgħu ġew b’mod spontanju minn affarijiet bla ħajja u kienu kapaċi jipproduċu oħrajn bħalhom. Jemmnu wkoll li dawn il-molekuli setgħu saru dak li llum nafuh bħala materjal ġenetiku, li fih l-informazzjoni tal-karatteristiki taʼ kwalunkwe ħaġa ħajja. Imma x-xjenza ma sabet l-ebda evidenza li l-molekuli ġew minn affarijiet bla ħajja u saru materjal ġenetiku, u x-xjentisti qatt ma rnexxielhom joħolquhom f’laboratorju.

 Il-mod kif l-affarijiet ħajjin jerfgħu u jipproċessaw l-informazzjoni hu uniku. Iċ-ċelluli jwettqu l-istruzzjonijiet li jinsabu fil-kodiċi ġenetika tagħhom. Xi xjentisti jqabblu l-kodiċi ġenetika maʼ software taʼ kompjuter u l-istruttura kimika taċ-ċellula maʼ hardware taʼ kompjuter. Imma l-evoluzzjoni ma tistax tispjega minn fejn ġejja l-informazzjoni li hemm fil-kodiċi ġenetika.

 Sabiex ċellula taħdem, għandha bżonn il-molekuli tal-proteini. Molekula taʼ proteina normalment tkun magħmula minn mijiet t’aċidi amminiċi (amino acids) marbutin flimkien f’ordni speċifiku. Barra minn hekk, il-molekula tal-proteina trid tieħu forma speċifika tridimensjonali biex tkun tistaʼ taħdem. Xi xjentisti jikkonkludu li hu diffiċli immens biex molekula taʼ proteina tifforma b’mod spontanju. Xjentist tal-fiżika jismu Paul Davies kiteb hekk, “Ladarba ċellula għandha bżonn eluf taʼ proteini differenti biex taħdem, ma jagħmilx sens li naħsbu li dawn ifformaw sempliċiment b’kumbinazzjoni.”

 KONKLUŻJONI. Wara ħafna snin taʼ riċerka kważi fil-qasam kollu tax-xjenza, il-fatti jibqgħu juru li l-ħajja tiġi biss minn xi ħaġa ħajja.

Kif żviluppaw l-affarijiet ħajjin?

 DAK LI JGĦIDU XI WĦUD. L-ewwel organiżmu ħaj għadda minn proċess taʼ tibdil bl-addoċċ u evoluzzjoni, u baqgħu jeżistu l-iktar ħlejjaq li rnexxielhom jadattaw għall-ħajja. B’hekk, l-ewwel organiżmu ħaj żviluppa bil-mod il-mod f’diversi affarijiet ħajjin, inkluż il-bnedmin.

 GĦALA XI WĦUD MA JISSODISFAWX RUĦHOM B’DIN IT-TWEĠIBA. Xi ċelluli huma iktar ikkomplikati minn oħrajn. Skont referenza, il-mod kif ċelluli sempliċi jistgħu jinbidlu f’ċelluli iktar ikkomplikati “ħafna drabi jiġi kkunsidrat bħala t-tieni l-ikbar misteru tal-evoluzzjoni wara dak taʼ minn fejn bdiet il-ħajja.”

 Ix-xjentisti skoprew li f’kull ċellula hemm bħal magni kkomplikati magħmulin minn molekuli taʼ proteini li jaħdmu flimkien biex iwettqu xogħol ikkomplikat. Dan ix-xogħol jinkludi li jġorru u jibdlu n-nutrijenti f’enerġija, isewwu partijiet taċ-ċellula, u jwasslu l-messaġġi fiċ-ċellula nfisha. Taħseb li l-mod kif inhuma magħmulin u kif jaħdmu dawn il-komponenti sofistikati ġie b’tibdil bl-addoċċ u b’evoluzzjoni? Ħafna jsibuha diffiċli biex jemmnu dan.

 Kemm l-annimali u kemm il-bnedmin jiżviluppaw minn bajda fertilizzata waħda. Fl-embriju, iċ-ċelluli jimmultiplikaw u eventwalment jinbidlu skont l-użu li jkun se jkollhom. Dan jagħmluh billi jieħdu forom u rwoli differenti biex jifformaw diversi partijiet tal-ġisem. L-evoluzzjoni ma tistax tispjega kif kull ċellula “tkun taf” x’għandha ssir u fejn għandha tmur fl-organiżmu.

 Ix-xjentisti issa jirrealizzaw li sabiex annimal jinbidel minn razza għal oħra jeħtieġ li jsir tibdil fil-molekuli li hemm fiċ-ċellula. Ladarba x-xjentisti ma jistgħux juru kif l-evoluzzjoni tistaʼ tipproduċi saħansitra l-iktar ċellula “sempliċi,” taħseb li jagħmel sens li r-razez differenti tal-annimali li hawn fid-dinja ġew b’tibdil bl-addoċċ u b’evoluzzjoni? Professur tax-xjenza bijoloġika jismu Michael Behe qal li waqt li r-riċerka dwar kif inhuma magħmulin l-annimali “wriet kumplessità impressjonanti u tal-għaġeb, ma kien hemm ebda progress f’li nifhmu kif din il-kumplessità setgħet evolviet bi proċess kif ġie ġie.”

 Il-bnedmin huma konxji tagħhom infushom, għandhom l-abbiltà li jaħsbu u jirraġunaw, u għandhom kwalitajiet morali bħal li jkunu ġenerużi, jagħmlu sagrifiċċji personali għal oħrajn, u kapaċi jifhmu jekk xi ħaġa hix tajba jew ħażina. It-tibdil bl-addoċċ u l-evoluzzjoni ma jistgħux jispjegaw kif moħħ il-bniedem kapaċi juri dawn il-kwalitajiet uniċi.

 KONKLUŻJONI. Waqt li ħafna jinsistu li m’hemmx dubju li l-ħajja ġiet b’evoluzzjoni, oħrajn mhumiex sodisfatti bil-mod kif it-teorija tal-evoluzzjoni twieġeb mistoqsijiet dwar kif bdiet u żviluppat il-ħajja.

Tweġiba taʼ min jikkunsidraha

 Wara li jqisu l-evidenza, ħafna nies jikkonkludu li l-ħajja ġejja minn xi ħadd taʼ intelliġenza ikbar. Pereżempju, Antony Flew, professur tal-filosofija, kien minn tal-ewwel biex jappoġġa l-ateiżmu. Imma meta semaʼ dwar il-kumplessità tal-għaġeb li fiha l-ħajja u dwar il-liġijiet tan-natura, hu bidel l-opinjoni tiegħu. Waqt li semma r-raġunar taʼ filosfi antiki, hu kiteb: “Irridu naslu għall-konklużjoni skont l-evidenza li għandna.” L-evidenza wasslet lill-Professur Antony Flew biex jemmen li hemm Ħallieq.

 Gerard, li ssemma fil-bidu taʼ dan l-artiklu, wasal għal konklużjoni simili. Minkejja l-edukazzjoni avvanzata u l-karriera tiegħu fl-entomoloġija, hu qal: “Ma sibt l-ebda prova li turi li l-ħajja bdiet b’mod spontanju minn affarijiet bla ħajja. L-ordni u l-kumplessità li fihom l-affarijiet ħajjin ikkonvinċewni li żgur hemm Wieħed li organizza u ddisinja l-affarijiet.”

 Bħalma persuna tistaʼ titgħallem dwar artist billi tosserva x-xogħol artistiku tiegħu, Gerard tgħallem dwar il-kwalitajiet tal-Ħallieq billi studja n-natura tad-dinja. Barra minn hekk, Gerard qattaʼ l-ħin jistudja ktieb li ġej mill-Ħallieq—il-Bibbja. (2 Timotju 3:16) Fiha hu sab tweġibiet sodisfaċenti għal mistoqsijiet dwar il-passat tal-umanità u soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi li jkollhom in-nies illum. Għalhekk, hu kkonvinċa ruħu li anki l-Bibbja ġejja mingħand xi ħadd iktar intelliġenti minna.

 Gerard induna li t-tweġibiet tal-Bibbja huma taʼ min jikkunsidrahom. Ninkuraġġuk biex teżaminahom int ukoll.