Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Offrew lilhom infushom minn rajhom—⁠fl-Afrika tal-Punent

Offrew lilhom infushom minn rajhom—⁠fl-Afrika tal-Punent

WAQT li kien qed jikber fi nħawi foqra f’Côte d’Ivoire, Pascal ixxennaq għal ħajja aħjar. Minħabba li kien dilettant tal-​boksing, hu tħasseb, ‘Fejn nistaʼ nsib opportunità biex insir xi ħadd famuż fid-​dinja tal-​isports u nsir sinjur?’ Meta kellu xi 25 sena, ikkonkluda li l-​post ideali kien l-​Ewropa. Imma peress li ma kellu l-​ebda dokument biex jivvjaġġa, kien se jkollu jidħol fl-​Ewropa illegalment.

Fl-​1998, fl-​età taʼ 27 sena, Pascal beda l-​vjaġġ tiegħu. Qasam il-​fruntiera għal ġol-​Gana, għadda minn ġot-​Togo u l-​Benin, u fl-​aħħar wasal il-​belt taʼ Birni Nkonni fin-​Niġer. Issa kien se jibda l-​iktar parti perikoluża tal-​vjaġġ. Sabiex jivvjaġġa lejn it-​Tramuntana, kellu bżonn jitlaʼ fuq trakk u jaqsam id-​Deżert tas-​Saħara. Imbagħad, hekk kif jasal ħdejn il-​Mediterran, kellu jitlaʼ fuq dgħajsa biex isalpa lejn l-​Ewropa. Dan kien il-​pjan, iżda ġraw żewġ affarijiet fin-​Niġer li waqqfuh.

L-​ewwel, hu spiċċa taʼ fuqu senduqu. It-​tieni, iltaqaʼ ma Noé, pijunier li beda studju tal-​Bibbja miegħu. Dak li tgħallem effettwah ħafna u biddel il-​ħarsa tiegħu dwar kif iħares lejn il-​ħajja. Il-​miri materjali tiegħu tbiddlu f’interessi spiritwali. F’Diċembru tal-​1999, Pascal tgħammed. Biex juri kemm kien grat lejn Ġeħova, fl-​2001 beda jaqdi bħala pijunier fin-​Niġer—fl-​istess belt fejn kien tgħallem il-​verità. Kif iħossu dwar is-​servizz tiegħu? Hu jgħid, “Qed ingawdi l-​aħjar tip taʼ ħajja!”

SODISFAZZJON U PJAĊIR IKBAR FL-​AFRIKA

Anne-​Rakel

Bħal Pascal, ħafna ndunaw li biex jiksbu iktar sodisfazzjon mill-​ħajja jridu jiffokaw fuq miri spiritwali. Biex jilħqu miri bħal dawn, xi wħud telqu mill-​Ewropa u marru jgħixu l-​Afrika biex jaqdu fi nħawi fejn hemm bżonn akbar taʼ proklamaturi tas-​Saltna. Fil-​fatt, xi 65 Xhud mill-​Ewropa—bejn l-​etajiet taʼ 17 u 70 sena—marru fejn il-​bżonn kien akbar fl-​Afrika tal-​Punent, fil-​pajjiżi tal-​Benin, Burkina Faso, in-​Niġer, u t-​Togo. * F’dawn il-​pajjiżi dawn ix-​Xhieda jirreferu spiss għalihom bħala “need greaters.” X’qanqalhom biex jieħdu pass kbir bħal dan? U l-​affarijiet kif żvolġew għalihom?

Anne-​Rakel mid-​Danimarka tirrakkonta: “Il-​ġenituri tiegħi qdew bħala missjunarji fis-​Senegal. Dejjem kienu jitkellmu b’entużjażmu dwar il-​ħajja missjunarja, tant li ridt dik it-​tip taʼ ħajja wkoll.” Madwar 15-​il sena ilu, meta Anne-​Rakel kellha ftit iktar minn 20 sena, marret toqgħod it-​Togo  fejn taqdi f’kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali. Dan il-​pass kif inkuraġġixxa lil oħrajn? Hi tgħid: “Iktar tard oħti u ħija li huma iżgħar minni ġew joqogħdu t-​Togo wkoll.”

Albert-Fayette u Aurele

Aurele, ħu miżżewweġ u li għandu 70 sena minn Franza, jgħid: “Ħames snin ilu, meta rtirajt, kelli żewġ għażliet quddiemi: ngħix ħajja trankwilla fi Franza u nistenna l-​Ġenna tal-​art jew nieħu azzjoni biex nespandi l-​ministeru tiegħi.” Aurele għażel it-​tieni waħda. Madwar tliet snin ilu, hu u martu Albert-​Fayette, marru joqogħdu l-​Benin. “Li nagħmlu lilna nfusna disponibbli biex naqdu lil Ġeħova hawnhekk hu l-​aqwa ħaġa li qatt għamilna,” jgħid Aurele. “Kif żvolġew l-​affarijiet,” iżid jgħid bi tbissima, “partijiet mit-​territorju tagħna tul il-​kosta jfakkruni fil-​Ġenna tal-​art.”

Clodomir u martu Lysiane, minn Franza marru joqogħdu l-​Benin 16-​il sena ilu. Fil-​bidu, kienu jimmissjaw ħafna lill-​familja u l-​ħbieb li kellhom fi Franza u beżgħu li ma kinux se jidraw il-​ħajja ġdida tagħhom. Però, ma kienx hemm għalfejn jibżgħu. Huma esperjenzaw ħafna ferħ. “F’dawn is-​16-​il sena,” jgħid Clodomir, “kellna l-​privileġġ li ngħinu, bħala medja, lil persuna kull sena biex taċċetta l-​verità.”

Lysiane u Clodomir maʼ xi wħud li għenu biex jitgħallmu l-verità

Johanna u Sébastien

Sébastien u Johanna, koppja miżżewġa minn Franza, marru jgħixu l-​Benin fl-​2010. “Hemm ħafna xi jsir fil-​kongregazzjoni,” jgħid Sébastien. “Meta wieħed jaqdi hawn ikun qisu qed jattendi kors biex jitħarreġ teokratikament b’mod mgħaġġel.” Kif iwieġbu n-​nies fil-​ministeru? Johanna tgħid: “In-​nies huma għatxana għall-​verità. Anki meta ma nkunux fil-​ministeru, iwaqqfuna fit-​triq biex isaqsuna mistoqsijiet dwar il-​Bibbja u biex jieħdu l-​pubblikazzjonijiet tagħna.” Dan il-​pass kif effettwa ż-​żwieġ tagħhom? Sébastien jgħid: “Dan saħħaħ iż-​żwieġ tagħna. Hija l-​għaxqa tiegħi li nqattaʼ ġranet sħaħ fil-​ministeru maʼ marti.”

Eric u martu Katy, jaqdu bħala pijunieri f’popolazzjoni żgħira u mxerrda mat-​Tramuntana tal-​Benin. Xi għaxar snin ilu, waqt li kienu jgħixu fi Franza, bdew jaqraw artikli dwar li jaqdu fejn il-​bżonn hu akbar u jitkellmu maʼ wħud li jaqdu fis-​servizz fultajm. Dan rabbielhom ix-​xewqa biex imorru jgħixu f’pajjiż ieħor, u hekk għamlu fl-​2005. It-​tkabbir li raw kien impressjonanti. Eric jgħid: “Sentejn ilu, il-​grupp tagħna fil-​belt taʼ Tanguiéta kellu 9 pubblikaturi; issa qegħdin 30. Il-​Ħadd inkunu bejn 50 u 80 ruħ għal-​laqgħa. Li tara tkabbir bħal dan hu ferħ li ma jitqabbel maʼ xejn.”

Katy u Eric

IDENTIFIKA U EGĦLEB L-​ISFIDI

Benjamin

Liema huma xi sfidi li kellhom jiffaċċjaw xi wħud li marru jaqdu f’pajjiż ieħor? Benjamin, li għandu 33 sena, jiġi ħu Anne-​Rakel. Fis-​sena 2000 fid-​Danimarka, iltaqaʼ maʼ missjunarju li kien qed jaqdi f’Togo. Benjamin jiftakar: “Meta għedt lill-​missjunarju li ridt naqdi bħala pijunier, hu qal: ‘Jekk trid, tistaʼ taqdi bħala pijunier fit-​Togo.’” Benjamin ħaseb dwar dan. Hu jgħid: “Dak iż-​żmien, kont għadni lanqas biss għandi 20 sena, imma ż-​żewġ ħuti bniet diġà kienu qed jaqdu fit-​Togo. Dan għamilha iktar faċli għalija biex immur hemmhekk.” Allura qabad u mar. Imma xorta kien għad hemm sfida. Benjamin jispjega billi jgħid: “Kont għadni lanqas naf kelma li hi kelma bil-​Franċiż! Minħabba li ma stajtx nikkomunika sew, l-​ewwel sitt xhur kienu ibsin għalija.” Imma maż-​żmien għamel progress. Benjamin issa qed jaqdi fil-​Betel tal-​Benin, billi jwassal il-​letteratura u jgħin fid-​dipartiment tal-​kompjuter.

Marie-Agnès u Michel

Eric u Katy, li ssemmew qabel, qdew f’qasam tal-​lingwa barranija fi Franza qabel ma marru joqogħdu l-​Benin. L-​Afrika tal-​Punent kif kienet differenti? Katy tgħid: “Ma kienx faċli biex insibu post adattat fejn ngħixu. Għal xhur sħaħ għexna f’dar mingħajr dawl u ilma installati.” Eric ikompli jgħid: “Kienet tindaqq mużika b’volum għoli sa tard billejl fl-​inħawi fejn konna noqogħdu. Trid tkun paċenzjuż f’affarijiet bħal dawn u tkun lest li tadatta ruħek.” It-​tnejn jaqblu billi jgħidu: “Il-​ferħ li naqdu f’territorju li kważi qatt ma nħadem ipatti ħafna għal kwalunkwe diffikultà.”

Michel u Marie-​Agnès, koppja miżżewġa minn Franza li kważi għandhom 60 sena, marru jgħixu l-​Benin xi ħames snin ilu. Fil-​bidu, ħassewhom ansjużi. Michel jgħid: “Xi wħud qabblu dak li għamilna maʼ xi ħadd li qed imexxi karretta fuq ħabel stirat—u aħna konna bilqiegħda fil-​karretta! Kien ikun tal-​biżaʼ kieku ma tkunx taf li kien Ġeħova li qed imexxi l-​karretta. Allura ħadna dan il-​pass għal u maʼ Ġeħova.”

KIF TIPPREPARA RUĦEK

Dawk li għandhom l-​esperjenza f’li jaqdu barra minn pajjiżhom jenfasizzaw l-​importanza taʼ li tipprepara ruħek billi tieħu dawn il-​passi: Ippjana bil-​quddiem. Tgħallem adatta ruħek. Żomm maʼ baġit. Strieħ fuq Ġeħova.—Lq. 14:28-​30.

Sébastien, li ssemma qabel, jgħid: “Qabel ma tlaqna, jien u Johanna għal sentejn sħaħ warrabna l-​flus billi naqqasna kemm konna nonfqu għad-​divertiment u ma konniex nixtru affarijiet għal xejn b’xejn.” Sabiex ikomplu jaqdu barra minn pajjiżhom, huma jaħdmu fl-​Ewropa kull sena għal ftit xhur. Dan jippermettilhom biex jaqdu bħala pijunieri fil-​Benin għall-​kumplament tas-​sena.

Marie-Thérèse

Marie-​Thérèse hija waħda minn xi 20 aħwa nisa mhux miżżewġin li marru jaqdu fl-​Afrika tal-​Punent biex jgħinu fejn il-​bżonn hu akbar. Hi kienet qed taħdem bħala xufiera taʼ karozza tal-​linja fi Franza; però, fl-​2006, hi ħadet sena off mix-​xogħol biex taqdi bħala pijuniera fin-​Niġer. Ma damitx ma ndunat li din kienet it-​tip taʼ ħajja li vera xtaqet li jkollha. Marie-​Thérèse tgħid: “Wara li mort lura Franza, tkellimt mal-​imgħallem dwar ix-​xewqa tiegħi biex inbiddel l-​iskeda tax-​xogħol tiegħi, u hu kien lest li jbiddilha. Issa, minn Mejju sa Awwissu, naħdem bħala xufiera fi Franza, u minn Settembru sa April, naqdi bħala pijuniera fin-​Niġer.”

Saphira

Dawk li ‘jfittxu l-​ewwel is-​saltna’ jistgħu jkunu ċerti li Ġeħova se jipprovdilhom “l-​affarijiet l-​oħrajn kollha” neċessarji. (Mt. 6:33) Biex nagħtu eżempju: Ikkunsidra xi ġralha Saphira, oħt minn Franza mhix miżżewġa li għandha kważi 30 sena u li qed taqdi bħala pijuniera fil-​Benin. Fl-​2011 marret lura Franza ħalli taqlaʼ biżżejjed flus biex tkun tistaʼ tmantni lilha nfisha għal sena oħra (is-​sitt waħda) fl-​Afrika. Saphira tgħid: “Kien il-​Ġimgħa, l-​aħħar ġurnata tax-​xogħol, imma kien għad għandi bżonn għaxart ijiem paga oħra biex ikolli biżżejjed flus għas-​sena li kien imiss. Kien għad fadalli ħmistax oħra biss fi Franza. Tlabt lil Ġeħova u spjegajtlu s-​sitwazzjoni tiegħi. Ftit wara, aġenzija tal-​impjieg ċemplitli biex tara jekk nistax naħdem flok xi ħadd ieħor għal ħmistax.” It-​Tnejn, Saphira marret fuq il-​post tax-​xogħol biex tiġi mħarrġa minn dik li kellha taħdem minflokha. Hi tgħid: “Kemm kienet sorpriża li sirt naf li din kienet oħt Kristjana li kellha bżonn għaxart ijiem leave biex tattendi l-​Iskola tas-​Servizz taʼ Pijunier! L-​imgħallem kien irrifjuta li jagħtiha l-​leave jekk ma ssibx min jagħmel xogħolha. Hi kienet talbet bil-​ħrara lil Ġeħova biex jieħu azzjoni—eżatt bħalma għamilt jien.”

SORS TAʼ SODISFAZZJON VERU

Xi aħwa qdew għal diversi snin fl-​Afrika tal-​Punent u baqgħu hemm. Oħrajn setgħu jibqgħu hemm għal xi snin, imbagħad reġgħu marru lura lejn pajjiżhom. Iżda anki llum, uħud bħal dawn li marru jaqdu fejn il-​bżonn hu akbar għadhom jibbenefikaw mis-​snin li qdew barra pajjiżhom. Huma tgħallmu li s-​sodisfazzjon veru fil-​ħajja jiġi milli taqdi lil Ġeħova.

^ Il-​fergħa tal-​Benin tieħu ħsieb ix-​xogħol fl-​erbaʼ pajjiżi, fejn jiġi mitkellem il-​Franċiż.