Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dak li għażilt bħala tifel

Dak li għażilt bħala tifel

Bħala tifel

Kelli biss għaxar snin fl-​1985 meta ġew xi tfal mill-​Kambodja fl-​iskola tiegħi f’Columbus, Ohio, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Wieħed mis-​subien kien jaf xi ftit bl-​Ingliż. Permezz taʼ xi tpinġijiet beda jgħidli stejjer tal-​waħx li kienu jinvolvu torturi, qtil u nies li kellhom jaħarbu biex isalvaw ħajjithom. Kont nibki billejl meta kont naħseb dwar dawn it-​tfal. Ridt ngħidilhom dwar it-​tama tal-​ġenna tal-​art u l-​irxoxt, imma ma fehmux il-​lingwa tiegħi. Għalkemm kont għadni daqsxejn taʼ tifel, iddeċidejt li nitgħallem il-​Kambodjan ħalli nkun nistaʼ ngħid lil sħabi tal-​iskola dwar Ġeħova. Fejn kont nobsor kemm din l-​għażla kienet se teffettwali l-​futur tiegħi!

Kien diffiċli biex nitgħallem il-​Kambodjan. Għalkemm qtajt qalbi darbtejn milli nkompli nitgħallem, permezz tal-​ġenituri, Ġeħova inkuraġġieni biex inkompli. Maż-​żmien, l-​għalliema u sħabi tal-​iskola bdew jagħmluli pressjoni biex naċċetta xogħol li jrendi l-​flus. Iżda jien ridt insir pijunier, u għażilt suġġetti fl-​iskola sekondarja li kienu se jgħinuni nsib xogħol partajm biex inkun nistaʼ nilħaq il-​mira tiegħi. Wara l-​iskola, kont niltaqaʼ maʼ xi pijunieri u kont immur magħhom fil-​ministeru. Barra minn hekk, offrejt ruħi biex ngħin lill-​istudenti li kienu qed jitgħallmu l-​Ingliż bħala t-​tieni lingwa tagħhom—għażla li iktar tard swietli taʼ ġid.

Meta kelli 16-​il sena smajt bi grupp Kambodjan f’Long Beach, Kalifornja, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Żort il-​grupp, u tgħallimt naqra l-​Kambodjan. Hekk kif ggradwajt mill-​iskola, sirt pijunier u komplejt nipprietka lin-​nies Kambodjani viċin id-​dar tiegħi. Sakemm għalaqt it-​18-​il sena, kont qed naħseb biex ngħix il-​Kambodja. Kien għadu post perikoluż, imma kont naf li mill-​10 miljun persuna li kienu qed jgħixu fil-​Kambodja, ftit kienu li semgħu bl-​aħbar tajba tas-​Saltna. F’dak iż-​żmien, kien hemm kongregazzjoni waħda taʼ 13-​il pubblikatur fil-​pajjiż kollu. L-​ewwel darba li żort il-​Kambodja kien meta kelli 19-​il sena. Sentejn wara, iddeċidejt li mmur ngħix hemmhekk. Sibt xogħol partajm bħala traduttur u kont ngħallem l-​Ingliż ħalli jkolli biex ngħix. Maż-​żmien, iżżewwiġt mara li kellha l-​istess miri tiegħi. Flimkien ħadna pjaċir ngħinu lil ħafna Kambodjani biex jiddedikaw lilhom infushom lil Alla.

Ġeħova tani ‘dak li tixtieq qalbi.’ (Salm 37:4) Mix-​xogħol kollu, li nagħmlu dixxipli hu l-​iktar xogħol sodisfaċenti. Matul is-​16-​il sena li ilni fil-​Kambodja, dak il-​grupp żgħir taʼ 13-​il qaddej taʼ Ġeħova kiber fi 12-​il kongregazzjoni u 4 gruppi iżolati!—Kif rakkontata minn Jason Blackwell.