Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Jinfetaħ” skroll tal-qedem

“Jinfetaħ” skroll tal-qedem

Minn meta ġie skopert il-​framment maħruq sew t’Ein Gedi, fl-​1970, ma kienx possibbli li jinqara. Imma riċentement l-​iskenn 3-​D wera li dan l-​iskroll fih parti mill-​ktieb tal-​Levitiku, u li jinkludi l-​isem personali t’Alla

FL-​1970, xi arkeoloġi skoprew skroll maħruq  sew f’Ein Gedi, Iżrael, ħdejn il-​kosta tal-​Punent tal-​Baħar il-​Mejjet. Huma sabu l-​iskroll waqt li kienu qed iħaffru f’sinagoga li  nħarqet meta nqered il-​villaġġ, probabbilment bejn is-​sena 500 u 550 wara Kristu (WK). Il-​kundizzjoni tal-​iskroll għamlitha impossibbli li jinqara; lanqas saħansitra jinfetaħ mingħajr ma ssirlu ħsara. Madankollu, grazzi għat-​teknika tal-​iskennjar 3-​D, l-​iskroll kien bħallikieku “nfetaħ.” U bis-​saħħa taʼ digital imaging software ġdid, dak  li hemm miktub fl-​iskroll jistaʼ jinqara.

X’wera l-​iskenn? L-​iskroll hu test Bibliku. Dak li fadal mill-​iskroll fih xi versi mill-​bidu tal-​ktieb tal-​Levitiku. Dawn il-​versi fihom l-​isem personali t’Alla bl-​Ebrajk, fil-​forma tat-​Tetragrammaton. Milli jidher, dan l-​iskroll imur lura għaż-​żmien bejn is-​sena 50 u 400 WK, u b’hekk jagħmlu l-​eqdem skroll tal-​Iskrittura Ebrajka li ġie skopert wara r-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet (Qumran). Fil-​gazzetta The Jerusalem Post, Gil Zohar jikteb li qabel ma setaʼ jinqara l-​framment tal-​ktieb tal-​Levitiku li nstab f’Ein Gedi, kien hemm differenza taʼ madwar 1,000 sena bejn l-​eqdem manuskritti tal-​Bibbja, li huma r-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet (li nkitbu madwar is-​sena 100 qabel Kristu [QK]) u l-​manuskritti l-​qodma taʼ warajhom, li huma l-​Aleppo Codex (li nkitbu madwar is-​sena 930 WK). Skont l-​esperti, l-​iskroll t’Ein Gedi juri li t-​test tat-​Tora * “ma nbidilx matul l-​eluf taʼ snin li għaddew, u li l-​iżbalji tal-​kopisti ma biddlux it-​test.”

^ par. 4 L-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja (Ġenesi, Eżodu, Levitiku, Numri, u Dewteronomju) il-​Lhud isejħulhom it-​Tora.