Mur fil-kontenut

X’inhi t-Tora?

X’inhi t-Tora?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Il-​kelma “Tora” ġejja mill-​kelma Ebrajka toh·rahʹ, li tistaʼ tiġi tradotta “istruzzjoni,” “tagħlim,” jew “liġi.” a (Proverbji 1:8; 3:1; 28:4) L-​eżempji li ġejjin se juru kif din il-​kelma Ebrajka tintuża fil-​Bibbja.

  •   Toh·rahʹ spiss tirreferi għall-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja—Ġenesi, Eżodu, Levitiku, Numri, u Dewteronomju. Dawn jissejħu wkoll il-​Pentatewku, kelma li ġejja mill-​Grieg li tfisser “ħames kotba f’volum wieħed.” It-​Tora ġiet miktuba minn Mosè, allura hi msejħa “l-​ktieb tal-​liġi taʼ Mosè.” (Ġożwè 8:31; Neħemija 8:1) Oriġinalment ġiet miktuba fi ktieb wieħed imma maż-​żmien inqasmet ħalli tkun iktar faċli biex tintuża.

  •   Toh·rahʹ hija kelma użata wkoll għal-​liġijiet li ngħataw lill-​Iżrael dwar suġġett partikulari, bħalma hi “l-​liġi [toh·rahʹ] taʼ l-​offerta għad-​dnub,” “il-​liġi dwar il-​ġdiem,” u “l-​liġi dwar in-​Nażirit.”—Levitiku 6:25; 14:57; Numri 6:13.

  •   Toh·rahʹ xi drabi tirreferi għall-​istruzzjonijiet jew għat-​tagħlim, kemm jekk ikun ġej mill-​ġenituri, minn uħud li għandhom għarfien u esperjenza, u kemm jekk ikun ġej minn Alla nnifsu.—Proverbji 1:8; 3:1; 13:14; Isaija 2:3.

X’hemm fit-​Tora, jew fil-​Pentatewku?

  •   Fiha nsibu r-​rakkont taʼ kif Alla mexa mal-​bnedmin mill-​bidu tal-​ħolqien sal-​mewt taʼ Mosè.—Ġenesi 1:27, 28; Dewteronomju 34:5.

  •   Ir-​regolamenti tal-​Liġi li Alla ta lil Mosè. (Eżodu 24:3) Din il-​Liġi fiha iktar minn 600 regola. Waħda li tispikka fosthom hija x-​Xemaʼ, jew l-​istqarrija tal-​fidi tal-​Lhud. Parti mix-​Xemaʼ tgħid: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u bil-​forza kollha tiegħek.” (Dewteronomju 6:4-​9) Ġesù qal li “dan hu l-​akbar u l-​ewwel kmandament.”—Mattew 22:36-​38.

  •   L-​isem qaddis, Ġeħova, jidher madwar 1,800 darba. Minflok ma hi kontra li wieħed juża l-​isem t’Alla, it-​Tora fiha kmandamenti li kienu jirrikjedu li n-​nies t’Alla jużaw ismu.—Numri 6:22-​27; Dewteronomju 6:13; 10:8; 21:5.

Ideat żbaljati dwar it-​Tora

 Idea żbaljata: Il-​kmandamenti tat-​Tora huma għal dejjem, qatt m’għandhom jiġu abbandunati.

 Fatt: Xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja jirreferu għal liġijiet speċifiċi tat-​Tora bħala li huma “għal dejjem,” li jinkludu l-​liġi tas-​Sabat, tas-​saċerdozju, u taʼ Jum it-​Tpattija. (Eżodu 31:16; 40:15; Levitiku 16:33, 34, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Però, il-​kelma Ebrajka użata f’dawn il-​versi tistaʼ tfisser ukoll li din kienet valida għal perijodu taʼ żmien, u mhux bilfors li kienet se tibqaʼ valida għal dejjem. b Wara li l-​patt tal-​Liġi Mosajka kien ilu għaddej għal madwar 900 sena, Alla kien bassar li hu kien se jagħmel minfloku “patt ġdid.” (Ġeremija 31:31-​33) Billi ‘qal “patt ġdid,” [Alla] warrab [il-​patt] taʼ qabel.’ (Ebrej 8:7-​13) Dan il-​patt ġdid beda jgħodd madwar 2,000 sena ilu fuq l-​bażi tas-​sagrifiċċju tal-​mewt taʼ Ġesù Kristu.—Efesin 2:15.

 Idea żbaljata: It-​tradizzjonijiet mitkellma tal-​Lhud u t-​Talmud għandhom awtorità daqs dik tat-​Tora miktuba.

 Fatt: Ma hemm l-​ebda evidenza Skritturali li Alla ta lil Mosè xi liġi li kellha tkun miżjuda mat-​Tora miktuba. Minflok, il-​Bibbja tgħid: “Ġeħova ssokta jgħid lil Mosè: ‘Niżżel bil-​miktub għalik innifsek dan il-​kliem.’” (Eżodu 34:27) Il-​liġi mitkellma, li iktar tard ġiet miktuba u magħrufa bħala l-​Mixna u li maż-​żmien saret it-​Talmud, tikkonsisti fi tradizzjonijiet tal-​Lhud li bdew il-​Fariżej. Dawn it-​tradizzjonijiet spiss ma qablux maʼ dak li tgħid it-​Tora. Għal din ir-​raġuni, Ġesù qal lill-​Fariżej: “Il-​kelma t’Alla ġibtuha fix-​xejn minħabba t-​tradizzjoni tagħkom.”—Mattew 15:1-​9.

 Idea żbaljata: In-​nisa m’għandhomx jiġu mgħallmin it-​Tora.

 Fatt: Il-​Liġi Mosajka kien fiha regola li tgħid li l-​Liġi kollha kellha tinqara lin-​nies kollha taʼ Iżrael, inkluż in-​nisa u t-​tfal. Għala? “Biex jisimgħu u jitgħallmu, u jibżgħu mill-​Mulej, Alla [tagħhom], u jqisu li jagħmlu l-​kliem kollu taʼ din il-​liġi.”—Dewteronomju 31:10-​12, Il-​Bibbja, GħBM. c

 Idea żbaljata: It-​Tora fiha informazzjoni li mhux kulħadd jistaʼ jifhem.

 Fatt: Mosè, li kiteb it-​Tora, qal li l-​messaġġ tagħha kien ċar u li setaʼ jifhmu kulħadd. (Dewteronomju 30:11-​14) L-​idea li t-​Tora fiha informazzjoni li mhux kulħadd jistaʼ jifhem kellha l-​bidu tagħha mill-​Kabala, jew twemmin tradizzjonali tal-​Lhud, li fiha jiġu użati “ħrejjef minsuġin [ivvintati]” biex tiġi spjegata l-​Iskrittura. d2 Pietru 1:16.

a Ara l-​edizzjoni riveduta The Strongest Strong’s Exhaustive Concordance of the Bible, fis-​sezzjoni “Hebrew-​Aramaic Dictionary-​Index to the Old Testament,” taħt numru 8451.

b Ara t-​Theological Wordbook of the Old Testament, it-​2 Volum, paġni 672-​673.

c F’kuntrast għal dak li tgħallem it-​Tora, it-​tradizzjoni legali tal-​Lhud spiss ma ppermettietx li n-​nisa jistudjaw it-​Tora. Pereżempju, il-​Mixna tikkwota l-​kliem taʼ Rabbi Eliezer ben Hyrcanus, li qal: “Kull min jgħallem lil bintu t-​Tora, ikun qisu qed jgħallimha dagħwa.” (Sotah 3:4) It-​Talmud taʼ Ġerusalemm jinkludi l-​istqarrija li qal hu, li tgħid: “Ikun aħjar li l-​kliem tat-​Tora jiġi maħruq bin-​nar milli jingħata lin-​nisa.”—Sotah 3:​19a.

d Pereżempju, referenza waħda tiddeskrivi l-​attitudni Kabalistika lejn it-​Tora billi tgħid: “It-​Tora ma tfisser xejn b’mod speċifiku, imma tfisser ħafna affarijiet differenti fuq livelli differenti.”—Encyclopaedia Judaica, it-​tieni edizzjoni, il-​11-​il Volum, paġna 659.