Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IT-3 LEZZJONI

Kif jirkupraw malajr

Kif jirkupraw malajr

X’JINVOLVI LI TIRKUPRA MALAJR?

Persuna li tkun kapaċi tirkupra malajr ma taqtax qalbha meta tiffaċċja ostakli u diżappunti. Din l-​abbiltà tinkiseb permezz tal-​esperjenza. Bħalma tifel ma jistax jitgħallem jimxi mingħajr ma jaqaʼ xi kultant, hu ma jistax jitgħallem jirnexxi fil-​ħajja mingħajr ma jesperjenza xi problemi.

GĦALA HU IMPORTANTI LI T-​TFAL IKUNU KAPAĊI JIRKUPRAW MALAJR?

Xi tfal jiskuraġġixxu ruħhom meta ma jirnexxilhomx jagħmlu xi ħaġa, meta jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli, jew meta oħrajn jikkritikawhom. Oħrajn jaqtgħu qalbhom għalkollox. Madankollu, hemm bżonn jifhmu l-​fatti li ġejjin:

  • M’aħniex se nirnexxu f’kulma nagħmlu.—Ġakbu 3:2.

  • Kulħadd se jiffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli fil-​ħajja.—Ekkleżjasti 9:11.

  • Tistaʼ titjieb biss jekk xi ħadd jgħidlek x’qed tagħmel ħażin.—Proverbji 9:9.

Meta jitgħallmu jirkupraw minn sitwazzjonijiet diffiċli, it-​tfal se jkunu kunfidenti li se jirnexxilhom ikampaw mal-​problemi tal-​ħajja.

KIF TGĦALLIMHOM JIRKUPRAW

Meta t-​tfal tiegħek ma jirnexxux f’xi ħaġa.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Il-​ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur iqum.”—Proverbji 24:16.

Għin lit-​tifel tiegħek jitgħallem jifhem jekk problema hix serja jew le. Pereżempju, x’jagħmel jekk ma jgħaddix minn eżami fl-​iskola? Hu jistaʼ jaqtaʼ qalbu u jgħid, “Ma nistaʼ nagħmel xejn sew!”

Biex tgħallmu jirkupra, għin lit-​tifel tiegħek jaħseb dwar kif jistaʼ jmur aħjar id-​darba li jmiss. B’dan il-​mod, hu se jipprova jsolvi l-​problema u ma jibqax iħossu mweġġaʼ.

Fl-​istess ħin, evita li ssolvilu l-​problema int stess. Minflok, għinu jsib soluzzjoni hu. Tistaʼ tistaqsih, “X’tistaʼ tagħmel biex tifhem dan is-​suġġett aħjar?”

Meta jiġru affarijiet ħżiena.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ma tafux x’se jsir minnkom għada.”—Ġakbu 4:14.

Ma tistax tkun taf x’se jiġri fil-​ħajja. Xi ħadd li llum hu sinjur jaf għada jsir fqir; xi ħadd li llum ibigħ is-​saħħa jaf għada jkun marid. “Il-​ħfief mhux dejjem jirbħu t-​tiġrija, u lanqas is-​setgħanin ma jirbħu dejjem il-​battalja,” tgħid il-​Bibbja, “għax iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.”—Ekkleżjasti 9:11.

Bħala ġenitur, int tagħmel kulma tistaʼ biex tipproteġi lil ibnek mill-​perikli. Imma b’mod realistiku, mhuwiex possibbli li tipproteġi lit-​tifel tiegħek minn kull għawġ tal-​ħajja.

Naturalment, ibnek jaf għadu żgħir wisq biex ikun jaf x’jiġifieri li titlef impjieg jew x’inhuma problemi finanzjarji. Xorta waħda, int tistaʼ tgħinu jkampa maʼ problemi oħra, bħal pereżempju jekk xi ħadd ma jibqax ħabib miegħu jew jitlef lil xi membru tal-​familja fil-​mewt. *

Meta t-​tifel tiegħek jingħata kritika kostruttiva.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ismaʼ mill-​pariri . . . sabiex tkun tistaʼ ssir għaref fil-​futur tiegħek.”—Proverbji 19:20.

Kritika kostruttiva mhijiex bullying; hi gwida li tgħin lil ibnek biex jibdel xi ħaġa li hemm bżonn li titranġa.

Meta tgħallem lil ibnek jaċċetta l-​korrezzjoni, se tibbenefikaw it-​tnejn li intom. “Jekk it-​tfal qatt ma jkollhom għalfejn jirranġaw l-​iżbalji tagħhom,” jgħid missier jismu John, “dawn qatt mhu se jitgħallmu. Dawn se jgħaddu minn problema għal oħra, u int tispiċċa tqattaʼ l-​kumplament taʼ ħajtek issegwihom biex issolvilhom il-​problemi. Dan jagħmel il-​ħajja miżerabbli kemm għall-​ġenituri u kemm għat-​tfal.”

Kif tistaʼ tgħin lit-​tifel tiegħek jibbenefika minn kritika kostruttiva? Meta jiġi kkoreġut, kemm jekk l-​iskola jew xi mkien ieħor, tgħidx li ma kienx ħaqqu. Minflok, int tistaʼ tistaqsih:

  • “Għala taħseb li ġejt ikkoreġut?”

  • “Kif tistaʼ titjieb jew tmur aħjar?”

  • “X’se tagħmel id-​darba li jmiss li tkun f’din is-​sitwazzjoni?”

Ftakar li kritika kostruttiva mhux biss se tgħin lit-​tifel tiegħek issa imma wkoll meta jikber.

^ par. 21 Ara l-​artiklu “Help Your Child Cope With Grief,” fil-​ħarġa taʼ The Watchtower tal-​1 taʼ Lulju 2008.