Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żammet sod mat-twemmin tagħha

Żammet sod mat-twemmin tagħha

Meta Song Hee kellha 11-il sena, ommha indunat li dahar it-tifla kien milwi b’mod mhux normali. It-tabib sab li kellha l-iskoljosi, liwja laterali, jew fil-ġenb, tax-xewka tad-dahar, il-forma tal-ittra “Ċ” jew “S.” Il-kundizzjoni taʼ Song Hee tant ħżienet li kellha bżonn operazzjoni. Imma Song Hee ma kinitx se taċċetta trasfużjoni tad-demm. “Stenbaħ!” staqsieha dwar l-esperjenza tagħha.

Meta għall-ewwel it-tobba sabu x’kellek, setgħu jgħinuk?

Għal xi tliet snin, kont taħt l-osservazzjoni taʼ żewġ tobba, imma dahri kompla jintlewa. Fil-fatt, il-kundizzjoni li kelli tant ħżienet li x-xewka taʼ dahri bdiet tagħfas fuq qalbi u l-pulmun, u b’hekk sar diffiċli nieħu n-nifs. Il-pass li kien imiss nieħu u li ma stajtx nevitah kien li niġi operata.

Qbilt li ssirlek operazzjoni?

Iva. Imma ntqalli li l-operazzjoni kellha tkun diffiċli. Sa dan iż-żmien, il-liwja li kelli f’dahri kienet taʼ 116-il grad, li hi gravi. Madankollu, fil-każ tiegħi, l-operazzjoni ppreżentat sfida speċjali. Minħabba l-konvinzjonijiet reliġjużi tiegħi, li huma bbażati fuq il-Bibbja, ma kontx se naċċetta trasfużjoni tad-demm. *

Sibt kirurgu li kien lest li joperak?

Jien u ommi morna għand speċjalista fi Florida, l-Istati Uniti tal-Amerika, fejn noqogħdu. Iżda, meta għedtlu li ma kontx se naċċetta demm, qalli li l-ebda kirurgu ma kien se jagħmilli operazzjoni daqshekk komplikata f’dawn iċ-ċirkustanzi. Iktar minn hekk, qal li stajt ma nagħlaqx l-20 sena jekk ma niġix operata. Kelli biss 14-il sena.

Spjegajtlu r-raġuni għad-determinazzjoni tiegħek?

Iva. Għedtlu li t-twemmin tiegħi kien ibbażat fuq il-Bibbja, u għedt ukoll li Alla stqarr li d-demm hu sagru, kemm jekk ikun tal-bniedem u kemm tal-annimal. * Għal wieħed Iżraeli, saħansitra li jiekol id-demm kien offiża li l-kastig għaliha kien il-mewt! * Urejtu wkoll Atti 15:19, 20. Dawn il-versi huma indirizzati lill-Kristjani, u parti minnhom tgħid: ‘Tbiegħdu . . . mid-demm.’ Dan ifisser li m’għandux jittieħed fil-ġisem taʼ bniedem bl-ebda mod—la mill-ħalq u lanqas mill-vina.

Kif wieġeb il-kirurgu?

Xorta insista li kellu jagħtini trasfużjoni tad-demm. B’sorpriża, mill-isptar intqalli li jekk naċċetta d-demm, l-operazzjoni kienet se tiġini b’xejn.

Dik offerta! X’għamilt?

Għalkemm ħadd ma kien lest jagħmilli l-operazzjoni mingħajr demm, iddeċidejt li nżomm sod mat-twemmin tiegħi. Imbagħad, l-affarijiet saru terġaʼ iżjed komplikati. Legalment, kont għadni minuri. Allura, minħabba li l-kundizzjoni kienet qed issir kritika, il-każ tiegħi kellu jinstemaʼ l-qorti. B’ferħ, madankollu, l-avukat tal-istat taʼ Florida tani 30 ġurnata biex insib kirurgu li kien se jirrispetta x-xewqat tiegħi.

Sibt lil xi ħadd?

Iva! Il-Kumitat taʼ Koordinazzjoni mal-Isptarijiet lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova b’qalb tajba kkuntattja speċjalista tal-iskoljosi fi New York li kien pożittiv dwar l-operazzjoni u qabel li jarani. B’hekk ilħaqna ż-żmien li tatna l-qorti. *

Kif marret l-operazzjoni?

Kienet suċċess mill-bidu sal-aħħar! Biex jiddrittali l-ispina, il-kirurgu, Dr. Robert M. Bernstein, f’dahri daħħalli vireg li jistgħu jiġu aġġustati. Hu għamel l-operazzjoni f’darbtejn, waħda ġimagħtejn wara l-oħra.

Għala f’darbtejn?

Kieku l-ewwel operazzjoni kienet irriżultat f’telf sostanzjali taʼ demm, l-intervall kien jagħti ċ-ċans lil ġismi biex jipproduċi iżjed ċelluli ħomor tad-demm qabel it-tieni operazzjoni. Kif żvolġew l-affarijiet, tlift veru ftit demm fiż-żewġ operazzjonijiet, grazzi għall-ippjanar tajjeb, is-sengħa, u x-xogħol bir-reqqa tat-tim kirurġiku. Ukoll, fiqt malajr, u ma kellix il-komplikazzjonijiet li jiġu mit-trasfużjoni tad-demm. *

Il-kirurgu tiegħek kif ħassu dwar ir-riżultat?

It-tobba għandhom iqisu lill-pazjent innifsu

Kien sodisfatt! “Il-kura medika,” hu qal, “mhix biss dwar li wieħed jopera.” Hu ħass li t-tobba għandhom iqisu lill-pazjent innifsu, inkluż it-twemmin u l-valuri tiegħu. Ħafna nies li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova jaqblu mija fil-mija maʼ dan il-ħsieb.

^ par. 7 Omm Song Hee hi waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Song Hee għandha l-istess twemmin bħal t’ommha u tgħammdet taʼ 16-il sena fl-2012.

^ par. 17 Il-Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-Isptarijiet jgħinu lill-pazjenti li huma Xhieda taʼ Ġeħova jsibu tobba li jipprovdu kura medika tajba mingħajr l-użu tat-trasfużjonijiet tad-demm.

^ par. 21 F’artiklu dwar ir-riskji tat-trasfużjoni tad-demm, il-Clinical Excellence Commission, New South Wales, l-Awstralja, jistqarr: “It-trasfużjoni tad-demm hi trapjant taʼ nisġa taʼ ċelluli ħajja. Fi kwalunkwe trapjant, il-ġisem uman minnu nnifsu jirreaġixxi kontra xi ħaġa barranija. L-implikazzjonijiet għas-sigurtà tas-saħħa huma sinifikanti.”