Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Id-dijabete—Tista’ tnaqqas ir-riskju?

Id-dijabete—Tista’ tnaqqas ir-riskju?

IL-FREKWENZA tad-dijabete mellitus tant qed tiżdied b’rata mgħaġġla li nfirxet mad-dinja kollha. Hemm żewġ tipi ewlenin taʼ dijabete. It-tip 1 jeffettwa l-iktar lit-tfal żgħar, u t-tobba s’issa ma jafux kif jistaʼ jiġi evitat. Dan l-artiklu huwa dwar it-tip 2, li jeffettwa lil xi 90 fil-mija minn dawk li jbatu bid-dijabete.

Filwaqt li fil-passat kien meqjus li d-dijabete tat-tip 2 teffettwa lill-adulti biss, reċentement qed teffettwa wkoll lit-tfal. Madankollu, l-esperti jsostnu li r-riskju tad-dijabete tat-tip 2 jistaʼ jitnaqqas. Ftit għarfien dwar din il-marda li tiġi fuqek mingħajr ma tinduna jistaʼ jkun t’għajnuna għalik. *

X’inhi d-dijabete?

Id-dijabete hija kundizzjoni li ġġiegħel lil dak li jkun ikollu livell taz-zokkor fid-demm għoli ħafna. Il-marda tħawwad il-proċess normali taʼ fejn jgħaddi z-zokkor mid-demm għal ġoċ-ċelluli li jkollhom bżonn iz-zokkor għall-enerġija. Dan iħassar l-organi vitali u ma jħallix iċ-ċirkulazzjoni tad-demm taħdem sew. Kultant dan iwassal biex persuna titlef id-dawl tal-għajnejn, timrad bil-kliewi, u saħansitra jkun hemm bżonn li jinqatgħalha xi subaʼ jew sieq. Ħafna pazjenti li jbatu bid-dijabete jmutu b’attakk tal-qalb jew puplesija.

Xaħam żejjed fil-ġisem jistaʼ jkun fattur prinċipali biex ikollok id-dijabete tat-tip 2. Esperti jemmnu li x-xaħam li jakkumula fiż-żaqq u mal-qadd jistaʼ jindika riskju ikbar taʼ dijabete. Biex inkunu iktar speċifiċi, il-ħxuna fil-pankreas u fil-fwied milli jidher tfixkel il-mod kif il-ġisem jirregola z-zokkor fid-demm. X’tistaʼ tagħmel biex tnaqqas ir-riskju?

 Tliet affarijiet li jistgħu jnaqqsu r-riskju tad-dijabete

1. Iċċekkja l-livell taz-zokkor fid-demm jekk għandek riskju akbar. Marda medika magħrufa ħafna bħala prediabetes—kundizzjoni meta l-livell taz-zokkor fid-demm ikun ftit iktar għoli min-normal—spiss taqbad lil dak li jkun qabel ma jibda jbati bid-dijabete tat-tip 2. Iż-żewġ kundizzjonijiet mhumiex tajbin għas-saħħa, imma hemm differenza: Għalkemm id-dijabete tistaʼ tkun ikkontrollata, ma tistax titfejjaq. Mill-banda l-oħra, xi wħud li jbatu bil-prediabetes irnexxielhom iniżżlu l-livell taz-zokkor għan-normal. Il-prediabetes jistaʼ ma jkollhiex sintomi ovvji. Għaldaqstant, din il-kundizzjoni tistaʼ ma tindunax biha. Skont xi rapporti, madwar 316-il miljun ruħ madwar id-dinja għandhom il-prediabetes; imma ħafna minnhom ma jindunawx. Biss biss, fl-Istati Uniti, xi 90 fil-mija taʼ dawk li jbatu bil-prediabetes ma jirrealizzawx li għandhom din il-marda.

Madankollu, il-prediabetes xorta tagħmel il-ħsara. Apparti li twassal għad-dijabete tat-tip 2, dan l-aħħar ġiet assoċjata maż-żieda fir-riskju tad-dimenzja. Jekk ikollok piż żejjed, ma tkunx attiv fiżikament, jew hija fil-familja li tbatu bid-dijabete, jistaʼ jkun li diġà jkollok il-prediabetes. Tistaʼ tiċċekkja dan billi tagħmel test tad-demm.

2. Agħżel ikel bnin. Forsi tistaʼ tibbenefika jekk tagħmel dan li ġej kull meta jkun possibbli u prattiku: Kul porzjonijiet iżgħar mis-soltu. Minflok tixrob juice tal-frott biz-zokkor u soft drinks, ibda ixrob ilma, te, jew kafè. Kul ħobż, ross, u għaġin integrali—b’moderazzjoni—minflok ikel proċessat. Kul laħam bi ftit xaħam, ħut, ġewż, u fażola.

3. Ibqaʼ attiv fiżikament. L-eżerċizzju jistaʼ jniżżillek il-livell taz-zokkor fid-demm u jgħinek iżżomm piż tajjeb. Espert jissuġġerixxi biex tnaqqas il-ħin milli tara it-televixin u minflok tagħmel ħin għall-eżerċizzju.

Ma tistax tbiddel il-ġenetika tiegħek, imma tistaʼ tbiddel l-istil taʼ ħajtek. Ikun taʼ ġid għalina meta nagħmlu l-aħjar li nistgħu għas-saħħa tagħna stess.

^ par. 3 Stenbaħ! ma japprovax xi dieta jew rutina t’eżerċizzju partikulari. Kull individwu għandu jiżen bir-reqqa l-għażliet tiegħu u jikkonsulta maʼ tabib skont il-bżonn qabel jieħu deċiżjoni relatata mas-saħħa.