Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jkeċċu lil Min Kien Jagħmel Parti mir-Reliġjon Tagħhom?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jkeċċu lil Min Kien Jagħmel Parti mir-Reliġjon Tagħhom?

 Dawk li jkunu tgħammdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova iżda ma jibqgħux jippritkaw lil ħaddieħor, u forsi saħansitra ma jibqgħux jassoċjaw maʼ sħabhom fit-twemmin, ma jiġux imkeċċijin. Fil-fatt, aħna ngħinuhom u nipprovaw nerġgħu nkebbsu l-interess spiritwali tagħhom.

 Aħna ma naqtgħux mis-sħubija awtomatikament lil xi ħadd li jkun ikkommetta xi dnub serju. Madankollu, jekk xi Xhud mgħammed jipprattika xi ħaġa li biha jkun qed jikser il-prinċipji morali tal-Bibbja u ma jindimx, hu jiġi mkeċċi jew maqtugħ mis-sħubija. Il-Bibbja tgħid ċar u tond: “Neħħu lill-bniedem mill-agħar minn fostkom.”—1 Korintin 5:13.

 Xi ngħidu jekk raġel ikun maqtugħ mis-sħubija iżda martu u wliedu jkunu għadhom Xhieda taʼ Ġeħova? Ir-rabta spiritwali li kellu mal-familja tinbidel, iżda r-rabta tad-demm tibqaʼ. Ir-relazzjoni taż-żwieġ u l-affezzjonijiet u r-relazzjonijiet normali tal-familja jibqgħu.

 Individwi li jkunu maqtugħin mis-sħubija xorta jistgħu jattendu l-funzjonijiet reliġjużi tagħna. Jekk ikunu jixtiequ, jistgħu wkoll jingħataw pariri spiritwali mill-anzjani tal-kongregazzjoni. Il-mira hi li kull individwu, għal darb’oħra, jiġi megħjun jikkwalifika biex ikun wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Uħud maqtugħin mis-sħubija li jkunu warrbu għalkollox kondotta mhux xierqa u juru xewqa sinċiera li jgħixu fi qbil mal-livelli tal-Bibbja dejjem jistgħu jerġgħu jsiru Xhieda taʼ Ġeħova.