Mur fil-kontenut

Pulizija jwasslu lil Joseph minn dar għal dar

Pulizija jwasslu lil Joseph minn dar għal dar

 Jekk int wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova x’aktarx se ssibha diffiċli li timmaġina li l-pulizija joqogħdu jwassluk minn dar għal dar waqt li tipprietka l-aħbar tajba. Imma dan hu dak li ġara lil Joseph fil-Mikroneżja fl-2017. Hu u tliet Xhieda oħra kienu qed jieħdu sehem f’kampanja speċjali biex jaqsmu l-aħbar tajba maʼ nies fi gżejjer imwarrbin.

 Għall-ħabta taʼ nofsinhar, dawn l-erbaʼ Xhieda waslu fi gżira żgħira li fiha kienu jgħixu madwar 600 persuna. Ix-Xhieda ġew milqugħin fil-bajja mis-sindku tal-gżira. Joseph jispjega x’ġara wara: “Is-sindku qal li l-pulizija kienu lesti jiħduna minn dar għal dar bit-trakk sakemm inlestu d-djar kollha. Aħna bqajna mbellhin meta qalilna hekk, imma b’rispett irrifjutajna. Xtaqna nżuru n-nies bil-mod kif nagħmlu s-soltu.”

 Imbagħad, il-pubblikaturi telqu bil-mixi, determinati li jitkellmu maʼ kemm jistaʼ jkun nies. Ix-Xhieda qalu: “In-nies kienu ospitabbli u interessaw ruħhom fil-messaġġ. Allura, domna iktar milli ħsibna fuq kull bieb.”

 Iktar tard dakinhar, il-pulizija għaddew darbtejn minn ħdejn Joseph bit-trakk u mat-tielet darba waqfu ħdejh. Huma staqsewh jekk setgħux iwassluh għad-djar li kien għad fadal. Joseph jgħid: “Jien m’aċċettajtx. Imma din id-darba baqgħu jinsistu u qaluli, ‘Mhux se tilħaq tagħmilhom fil-ftit ħin li fadallek, ħa nwassluk aħna.’ Ma stajtx ngħidilhom le għax kien fadalli ftit djar mhux ħażin. Aħna u sejrin fuq kull bieb, il-pulizija bdew jgħiduli l-kunjom taʼ kull familja, u jekk ma joħorġux, il-pulizija bdew ipaqpqu biex jisimgħuna u joħorġu.

 “Bl-għajnuna tagħhom, stajna nżuru d-djar kollha dakinhar. Qassamna ħafna rivisti u ftehemna biex nerġgħu nżuru lil dawk li ħadu interess.”

 Il-pulizija qalu lil Joseph li vera ħadu pjaċir jgħinuhom jaqsmu l-aħbar tajba. Meta x-Xhieda telqu minn ħdejn il-bajja filgħaxija, il-pulizija xejrulhom bi tbissima fuq wiċċhom u bir-rivisti f’idejhom.